IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd,
11 ta’ Novembru,  2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-episodju tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mk 12,38-44), jagħlaq is-serja ta’ tagħlimiet li Ġesù jagħmel fit-tempju ta’ Ġerusalemm u jitfa’ l-attenzjoni fuq żewġ figuri ‘l maqlub ta’ xulxin: l-iskriba u l-armla.  Għaliex huma l-oppost ta’ xulxin?  L-iskriba jirrappreżenta lill-persuni importanti, għonja, influwenti; l-oħra – l-armla – tirrappreżenta lil tal-aħħar, lill-foqra, lid-dgħajfa.  Fil-verità il-ġudizzju iebes ta’ Ġesù dwar l-iskribi mhux dwar il-kategorija kollha, imma jolqot lil dawk fosthom li jiddandnu bil-qagħda soċjali tagħhom, imżejnin bit-titlu ta’ “rabbi”, jiġifieri “mgħallem”, u jħobbu jfittxu l-ewwel postijiet (cr vv. 38-39).  L-agħar hu li t-teatrin tagħhom huwa fuq kollox ta’ natura reliġjuża, għax jitolbu – jgħid Ġesù - “fit-tul biex jidhru” (v. 40) u jinqdew b’Alla biex jieħu l-mertu li huma difensuri tal-liġi tiegħu.  Dan l-atteġġjament ta’ superjorità u vanità jwassalhom biex jiddisperzzaw lil min mhux importanti jew li l-qagħda ekonomika tagħhom hi svantaġġajta, bħal fil-każ tal-armla.

Ġesù jċarrat din il-maskra ta’ mekkaniżmu pervers: iberraħ l-oppressjoni tad-dgħajfa li hi strumentaliżżata għal raġunijiet reliġjużi, u jgħid ċar u tond li Alla hu fuq in-naħa ta’ min hu tal-aħħar.  U biex dil-lezzjoni jittimbraha fil-moħħ tad-dixxipli, itihom eżempju ħaj: armla fqira, li l-qagħda soċjali tagħha hi bla siwi għax bla raġel li jista’ jiddefendi d-drittijiet tagħha, u li għalhekk issir priża faċli għal xi kreditur bla skrupli, għax dawn il-kredituri kienu jippersegwitaw lid-dgħajfa biex iħallsuhom.  Dil-mara, tmur tqiegħed fit-teżor tat-tempju żewġ ċenteżmi biss, dak kollu li kien għad fadlilha, u tagħti l-offerta tagħha hi u tipprova tinħeba, kważi bil-mistħija.  Iżda, propju f’din l-umiltà, hi tagħmel att mimli tifsir reliġjuż u spiritwali kbir.  Ġesù ma jonqosx li josserva dak il-ġest mimli sagrifiċċju anzi fih jara tiddi l-għotja sħiħa tagħha u jrid jeduka lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess.

It-tagħlima li jrid itina Ġesù llum hi, li jgħinna nirkupraw dak li hu essenzjali fil-ħajja tagħna u li jiffavorixxi relazzjoni konkreta u ta’ kuljum, ma’ Alla.  Ħuti, il-miżien tal-Mulej hu differenti minn tagħna.  Lill-persuni u l-ġesti tagħhom jiżinhom b’mod differenti: Alla ma jiżinx il-kwantità imma l-kwalita, jifli bir-reqqa l-qalb, iħares lejn is-safa tal-intenzjonijiet.  Dan ifissr li “l-għoti” tagħna lil Alla bit-talb, u lill-oħrajn, bil-karità għandu dejjem jaħrab mir-ritwaliżmu u l-formaliżmu, kif ukoll mil-loġika tal-kalkoli, u għadnu jkun stqarrija ta’ gratwità, kif għamel Ġesù magħna.: salvana gratwitament: ma ġagħalniex inħallsu għar-redenzjoni.  Salvana gratwitament.  U aħna għandna nagħmlu kollox b’espressjoni ta’ gratwita.  Huwa għalhekk li Ġesù juri lil dik l-armla fqira u ġeneruża bħala mudell tal-ħajja nisranija li għandna nimitaw.  Ma nafux isimha, però nafu qalbha – għad insibuha fis-sema u mmorru nsellmulha, żgur -; u dan hu dak li jgħodd quddiem Alla.  Meta nkunu ttentati mix-xewqa li nidhru u li noqgħodu nikkalkolaw il-ġesti tal-altruwiżmu li nagħmlu, meta jkun jinteressana biss kif jarana ħaddieħor u ippermettuli l-kelma – meta nkunu “paguni” -, naħsbu ftit f’dil-mara.  Jagħmlilna tajjeb: jgħinna nitneżżgħu minn dak li hu tal-faċċata biex nagħmlu dak li jgħodd verament, u nibqgħu umli.

Il-Verġni Marija, mara tal-faqar li nagħatat kollha kemm hi lil Alla, issostnina fl-għan tagħna li lil Alla u lill-ħutna ntuhom mhux biss biċċa minna, imma l-għotja sħiħa tagħna, f’offerta umli u ġeneruża.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Barċellona saret il-Beatifikazzjoni ta’ Patri Teodoro Illera del Olmo u ħmistax sħabu martri.  Kienu tlettax-il persuna konsagrata u tliet fidili lajċi.  Disa’ mir-reliġjużi u t-tliet lajċi kienu  mill-Kongregazzjoni ta’ San Pietru fil-Ktajjen; tliet nisa reliġjużi kienu Kabuċċini tal-Omm tar-Ragħaj Divin u waħda kienet Franġiskana tal-Qalb ta’ Ġesù.  Dawn il-Beati l-ġodda inqatlu minħabba l-fidi tagħhom, f’postijiet u dati differenti waqt il-gwerra u l-persekuzzjoni reliġjuża tas-seklu li għadda fi Spanja.  Niżżu ħajr lill-Mulej għal dawk ix-xhieda kuraġġużi u ntuhom applaws!

Illum jaħbat il-mitt sena minn tmiem l-ewwel Gwerra Dinjija, li l-predeċessur tiegħi Benedittu XV kien iddeskriva bħala “straġi inutli”.  Għaldaqstant, illum, fis-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar, ħin Taljan, se jindaqqu l-qniepen tad-dinja kollha, dawk tal-Bażilika ta’ San Pietru wkoll.  Il-paġna storika tal-ewwel gwerra dinjija hija twiddiba serja biex niċħdu l-kultura tal-gwerra u nfittxu kull mezz leġittimu biex inwaqqfu l-kunflitti li għadhom idemmu bosta reġjuni tad-dinja. Donnu li aħna ma nitgħallmux.  Filwaqt li nitolbu għall-vittmi ta’ dik it-traġedja bla qies, ngħidu bil-forza: ninvestu fil-paċi, mhux fil-gwerra!  U bħala eżempju simboliku nieħdu dak tal-kbir San Martin ta’ Tours, li nfakkru llum; hu kien qasam il-mantell tiegħu fit tnejn biex jagħti nofsu lil wieħed fqir. Jalla dal-ġest ta’ solidarjetà umana juri lil kulħadd it-triq biex tinbena l-paċi.

Il-Ħadd li ġej se jkun iċċelebrat il-Jum Dinji tal-Foqra, b’ħafna inizjattivi ta’ evanġeliżżazzjoni, talb u qsim.  Hawnhekk ukoll, fi Pjazza San Pietru ġiet imħejjija klinika tas-saħħa li għal ġimgħa sħiħa se toffri l-kura li min jinsab f’diffikultà. Nawgura li dal-Jum jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ min hu tal-aħħar, imwarrab, bil-ġuħ.

Irrodd ħajr lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja.  Insellem lill-fidili minn Mengíbar (Spanja), minn Barċellona, lill-grupp tal-Qalb Immakulata ta’ Marija mill-Brażil u lil dak tal-Unjoni Dinjija tal-Għalliema Kattoliċi.  Insellem liċ-ċentru turistiku ACLI minn Trento, lill-fidili minn San Benedetto Po u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Chiuppano.  Insellem ukoll lil ħafna Pollakki li qed nara hawn.  Hawn għadd kbir minnhom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber