IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 11 ta' Awwissu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-paġna evanġelika tal-lum (cfr Lc 12,32-48), Ġesù jwissi lid-dixxipli tiegħu biex jishru bla heda.  Għaliex?  Biex jagħrfu l-waqt li Alla jkun għaddej f'ħajjithom, għax Alla qatt ma jheda jmiss il-ħajja.  U (Ġesù) juri l-metodi biex din is-sahra tingħex kif imiss: "Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula" (v. 35).  Dan hu l-metodu. Qabel xejn "ġenbejkom imħażżma", immaġni li tfakkar fl-atteġġjament tal-pellegrin lest biex jitlaq għal għonq it-triq.  Ifisser li ma nħawlux l-għeruq f'xi dwejra komda u  żgura, imma li nintelqu, li bil-fiduċja u s-sempliċità inkunu miftuħin għal meta Alla jgħaddi minn ħajjitna, għar-rieda tiegħu li tmexxina lejn id-destinazjzoni li jkun imiss.  Il-Mulej dejjem jimxi magħna u bosta drabi jmexxina minn idejna, biex jiggwidana ħalli ma niżbaljawx f'dil-mixja diffiċli.  Infatti, min jafda f'Alla jaf tajjeb li l-ħajja tal-fidi  mhix xi ħaġa statika, iżda hija dinamika.  Il-ħajja tal-fidi hi triq kontinwa, li tmexxina lejn għanijiet dejjem ġodda li l-Mulej innifsu jurina jum wara ieħor.  Għaliex hu l-Mulej tas-sorpriżi, il-Mulej tan-novitajiet, imma tan-novitajiet veri.

Imbagħad - l-ewwel metodu kien "il-ġenbejn imħażżmin sewwa" - imbagħad aħna mitlubin "inżommu l-imsiebaħ mixgħula", biex inkunu nistgħu nirriskjaw fid-dlam tal-lejl.

Jiġifieri, aħna mistednin ngħixu fidi awtentika u matura bil-ħila li ddawwal  il-bosta "ljieli" tal-ħajja.  Nafuha, ilkoll kellna ġranet li kienu verament iljieli spiritwali.  Il-lampa tal-fidi titlob li tibqa' tkun mitmugħa bla heda, bil-laqgħa qalb ma' qalb ma' Ġesù fit-talb u fis-smigħ tal-Kelma tiegħu.  Intenni ħaġa li għidtilkom bosta drabi: ġorru dejjem magħkom l-Evanġelju fil-but, fil-basket, biex tkunu tistgħu taqrawh.  Hija laqgħa ma' Ġesù.  Dil-lampa tal-laqgħa ma' Ġesù fit-talb u fil-Kelma tiegħu, ġiet afdata lilna għall-ġid ta' kulħadd: ħadd, għalhekk  ma jista' jkun ċert intimament li se jsalva bla ma jagħti każ ħaddieħor.  Hi fantasija li bniedem jista' jiddawwal minn ġewwa, waħdu.  Le, hija fantasija.  Il-vera fidi tiftaħ il-qalb għall-proxxmu u tixpruna lejn komunjoni konkreta ma' ħutna, l-aktar dawk li jinsabu fil-bżonn.

U biex iġagħalna nifhmu dan l-atteġġjament Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-qaddejja li qed jistennew lis-sid ġej lura mill-festa tat-tieġ (vv. 36-40),  u b'hekk jippreżentalna aspett ieħor tas-sahra: li nkunu lesti għall-aħħar laqgħa, dik definittiva, mal-Mulej.  Kull wieħed u waħda minna se niltaqgħu miegħu, se jsib ruħu f'dak il-jum tal-laqgħa.  Kull wieħed u waħda minna għandna d-data ta' dik il-laqgħa personali definittiva.  Il-Mulej jgħid: "Imberkin dawk il-qaddejja li meta jiġi lura s-sid isibhom jishru; ...  U, kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni jew tat-tielet sahra, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!" (vv. 37-38).  B'dal-kliem, il-Mulej ifakkarna li l-ħajja hi mixja lejn l-eternità; għaldaqstant aħna msejħin biex nagħmlu l-frott mit-talenti kollha li għandna, bla qatt ninsew li "hawnhekk ma għandniex belt li tibqa' għal dejjem, iżda qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi" (Lhud 13.14).  Minn dil-perspettiva, kull mument isir prezzjuż, għalhekk f'din id-dinja għandna ngħixu u naġixxu bin-nostalġija tas-sema: saqajna mal-art, nimxu fuq l-art, naħdmu fuq l-art, nagħmlu l-ġid fuq l-art u qalbna bin-nostalġija tas-sema.

Aħna ma nistgħux nifhmu sewwa fiex tikkonsisti din l-hena suprema.  Madnakollu, Ġesù jtina ħjiel bis-similitudni tas-sid li jsib lill-qaddejja jishru meta jasal lura: "jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom (v. 37).  L-hena ta' dejjem fil-ġenna hekk turi ruħha: is-sitwazzjoni tinqaleb ta' taħt fuq, u ma jkunux aktar il-qaddejja, jiġifieri aħna, li jaqdu lil Alla, imma jkun Alla nnifsu li jingħata għas-servizz tagħna.  U dan Ġesù qed jagħmlu minn issa: Ġesù jitlob għalina, Ġesù jħares lejna u jitlob lill-Missier għalina, Ġesù qed jaqdina issa, hu l-qaddej tagħna.  U dan se jkun l-hena definittiv.  Il-ħsieb tal-laqgħa aħħarija mal-Missier, għani fil-ħniena, jimliena bit-tama, u jistimulana biex nimpenjaw ruħna bla heda għall-qdusija tagħna u biex nibnu dinja aktar ġusta u fraterna.

Il-Verġni Marija, bl-interċessjoni materna tagħha, ssotni dan l-impenn tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

għada jaħbat is-s70 anniversarju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, strumeti ġuridiċi internazzjonali importanti li jimponu limitu fuq l-użu ta-forza u jimmiraw li n-nies ċivili u l-priġunieri fi żmien il-gwerra jkunu mħrsa.  Jalla dir-rikorrenza tagħmel lill-istati aktar konxji tal-ħtieġa li ma nistgħux naħarbu minnha, li jħarsu d-dinjità tal-vittmi tal-kunflitti armati.  Ilkoll fid-dmir li josservaw il-limitazzjonijiet imposti mid-dritt internazzjonali umanitarju, bil-ħarsien tal-popolazzjonijiet bla difiża u tal-istrutturi ċivili, speċjalment sptarijiet, skejjel, imkejjen tal-kult, kampijiet tar-rifuġjati.  U ma ninsew qatt li l-gwerer huma telf gravi għall-umanità kollha.  Huma l-akbar telfa għall-umana.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: familji, grupppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet.

Illum ukoll hawn preżenti għadd ta' adoloxxenti u żgħażagħ.  Insellmilkom minn qiegħ qalbi!  Partikolarment lill-adoloxxenti minn Saccolongo u anki dawk minn Creola; u l-grupp tal-pastorali maż-żgħażagħ minn Verona; liż-żgħażagħ minn Cittadella.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber