IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 10 ta’ Marzu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Vangelu ta’ dan l-ewwel Ħadd tar-Randan (cfr Lq 4, 1-13) jirrakkuntalna t-tentazzjonijiet ta’ Ġesù fid-deżert.  Wara li sam għal erbgħin jum, Ġesù jisfa ttentat tliet darbiet mix-xitan.  Dan, l-ewwel jistiednu biex jibdel il-ġebel f’ħobż (v. 3); imbagħad mill-għoli jurih is-saltniet tal-art u jipproponilu li jsir messija ta’ setgħa bla qjies u glorjuż (vv, 5-6); fl-aħħar jieħdu fuq il-quċċata tat-tempju ta’ Ġerusalemm u jistiednu jintefa’ għal isfel, biex b’mod spettakolari juri l-qawwa divina (vv. 9-11).  It tliet tentazzjonijiet jindikaw tliet toroq li d-dinja tipproponi dejjem biex twiegħed suċċessi kbar, tliet toroq biex tqarraq bina: il-kilba tal-pussess – il-ġid, il-ġid, il-ġid – il-glorja umana u l-istrumentaliżżazzjoni ta’ Alla.  Huma tliet toroq li jressquna lejn ir-rovina.

L-ewwel tentazzjoni hi l-kilba tal-pussess.  Din hija dejjem il-loġika perikoluża tad-dimonju.  Hu jibda mill-ħtieġa naturali u leġittima li bniedem jiekol, jgħix, jiskeb pożizzjoni, jkun hieni, biex iġegħelna nemmnu li kollox jista’ jsir mingħajr Alla, anzi, sħansitra kontriH.  Imma Ġesù jeħodha miegħu u jgħid: “Hemm miktub: Mhux bil-ħobż biss jgħejx il-bniedem” (v. 4).  Hu u jiftakar fil-mixja twila tal-poplu magħżul fid-deżert, Ġesù jafferma li  jrid jintelaq b’fiduċja sħiħa fil-providenza tal-Missier, li dejjem jieħu ħsieb uliedu.

It-tieni tentazzjoni: it-triq tal-glorja umana. Ix-xitan jgħid: Jekk tinżel tadurani kollox ikun tiegħek (v. 7).  Tista’ tintilef id-dinjità personali kollha, nistgħu nħallu lill-idoli tal-flus, tas-suċċess u tal-poter jikkorrompuna, basta nilħqu fejn irridu naslu.  U nkunu qed induqu s-skara ta’ ferħ vojt li malajr jgħib.  U dan iwassalna biex insiru “paguni”, inkunu vanitużi, imma kollox jgħib.  Għaldaqstant Ġesù jwieġeb: Lil Alla tiegħek biss tadura, lilu biss tagħti qima (v. 8).

Imbagħad it-tielet tentazzjoni: tistrumentaliżża lil Alla għall-qligħ tiegħek.  Lix-xitan li bi kwotazzjonijiet mill-Iskrittura qed jistiednu jfittex miraklu prodiġjuż mingħand Alla, Ġesù jopponi b’deċiżjoni soda għaxijrid jibqa’ umli, jibqa’ mimli fiduċja quddiem il-Missier: intqal: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek (v. 12).  U b’hekk jirrofta t-tentazzjoni l-aktar fina: dik li jġib lil Alla favurih billi jitolbu grazzji li fil-verità jiswew u għad ikun jiswew biex jissodisfa l-kburija tiegħu.

Dawn huma t-toroq li jitqiegħedu quddiemna, bl-illużjoni li b’hekk inkunu nistgħu niksbu s-suċċess u l-hena.  Imma fir-realtà dawn huma kollha għorba għall-mod kif jaħdem Alla; anzi. Fil-fatt jifirduna minn Alla għax huma opra ta’ Satana.  Hu u jaffronta personalment dawn il-provi, għal tliet darbiet Ġesù jegħleb it-tentazzjoni biex jista’ jitwaħħad għalkollox mal-proġett tal-Missier.  U jurina r-rimedji: il-ħajja interjuri, il-fidi f’Alla, iċ-ċertezza ta’ mħabbtu, iċ-ċertezza li Alla jħobbna, li hu Missier u b’diċ-ċertezza aħna ngħelbu kull tentazzjoni.

Iżda hemm ħaġa li rrid niġbed l-attenzjoni dwarha, ħaġa interessanti.  Hu u jwieġeb għat-tentazzjonijiet, Ġesù ma jidħolx fi djalogu, imma jwieġeb għat-tliet sfidi bil-Kelma t’Alla.  Dan jgħallimna li max-xitan m’għanndniex niddjalogaw, qatt m’għandna niddjalogaw miegħu, inwieġbuh biss bil-Kelma t’Alla,

Napprofittaw ruħna għalhekk mir-Randan biex ngħejxuh bħala żmien privileġġjat li fih nissaffew, biex inġarrbu l-preżenza li tfarraġ ta’ Alla f’ħajjitna.

L-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, ikona tal-fedeltà lejn Alla, issostnina fil-mixja tagħna biex tgħinna nirrifjutaw dejjem il-ħażen u nilqgħu dejjem it-tajjeb.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Oviedo, fi Spanja, ġew dikjarati Beati s-seminaristi Angelo Cuartas u tmien sħabu martri, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fi żmien il-persekuzzjoni reliġjuża.  Dawn iż-żgħażagħ aspiranti saċerdoti, tant ħabbew lill-Mulej li mxew warajh fit-triq tas-Salib.  Ix-xhieda erojka tagħhom tgħin lis-seminaristi, lis-saċerdoti u lill-isqfijiet biex jibqgħu dejjem trasparenti u ġenerużi, ħalli jservu lill-Mulej u lill-poplu t’Alla bil-fedeltà.

Insellem minn qiegħ qalbi lill-familji, lill-grupi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u lill-pellegrini kollha li ġejjin mil-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem lil-istudenti minn Castro Urdiales (Spanja) u lill-fidili minn Varsavja; kif ukoll lil dawk minn Castellammare di Stabia u Porcia.  Insellem lill-kor tat-tfal minn Pura (l-Isvizzera), lill-adoloxxenti tad-dekanat ta’ Baggio (Milan), lil dawk tal-professjoni tal-fidi minn Samarate, li dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Bondone u minn Paullo, liż-żgħażagħ minn Verona u lill-istudenti tal-iskola “Emiliani” tal-patrijiet Somaschi minn Genova.

Nawgura lil kulħadd il-mixja t-tajba f’dar-Randan li għadu kif beda, sabiex ikun għani bil-’frott’ u nitlobkom biex fit-talb tagħkom tiftakru fija u fil-kollaboraturi tiegħi tal-Kurja Rumana, li mil-lejla se nibdew il-ġimgħa tal-Eżerċizzi Spiritwali.

Il-Ħadd it-tajjeb!  Il-pranzu t-tajjeb!  U arrivederci!.

 Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber