IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 10 ta’ Frar, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 5,1-11) fir-rakkont skont Luqa, jtina s-sejħa ta’ San Pietru.  Ismu – nafuha – kien Xmun, u kien sajjied.  Ġesù jarah isewwi x-xbiek flimkien ma’ sajjieda oħra, fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galileja.  Isibu deluż u għajjien għax dak il-lejl ma kienu qabdu xejn.  U Ġesù jissorprendih b’ġest mhux mistenni: jitla’ fuq id-dagħjsa tiegħu u jgħidlu biex jaqla’ ftit ‘il barra għax irid ikellem lin-nies minn fuqha – kien hemm folla kbira.  Hekk, Ġesù qagħad bilqiegħda fid-dagħjsa ta’ Xmun u beda jgħallem lill-folla miġbura tul ix-xatt.  Iżda kliemu fetħu mill-ġdid qalb Xmun ukoll.  Allura Ġesù, jagħmel “mossa” sorprendenti oħra, jgħidlu: Oħroġ ‘il barra u erġa’ kala x-xbiek tas-sajd (v.4)

it-tweġiba ta’ Xmun kienet protesta: Mgħallem, ilna l-lejl kollu nitħabtu u ma qbadna xejn.  U bħala sajjied espert seta’ żied: Jekk ma qbadna xejn mal-lejl, anqas u anqas se naqbdu mal-ġurnata.  Iżda, mnebbaħ mill-preżenza ta’ Ġesù u mdawwal mill-Kelmtu, huwa jgħid: ...noqgħod fuq kelmtek u nitfa’ x-xbiek (v.5).  Hija t-tweġiba tal-fidi li aħna wkoll imsejħin nagħtuha; hu l-atteġġjament tad-disponibbiltà li l-Mulej jitlob mid-dixxipli kollha tiegħu, fuq kollox lil min għandu dmirijiet ta’ responsabbiltà fil-Knisja.  U l-ubbidjenza fiduċjuża ta’ Pietru tagħti riżultati straordinarji: Għamlu kif qalilhom u qabdu kwantità kbira ta’ ħut (v. 6).

Hija sajda mirakoluża, sinjal tal-qawwa tal-kelma ta’ Ġesù: meta bil-ġenerożità aħna nqiegħdu lilna nfusna għas-servizz tiegħu.  Hu jagħmel bina ħwejjeġ kbar.  Hekk jaħdem ma’ kull wieħed u waħda minna: jitlobna nilqugħ fid-dagħjsa ta’ ħajjitna, biex miegħu nerġgħu nitilqu ħalli nfendu baħar ġdid, u nindunaw li hu miżgħud bis-sorpriżi.  L-istedina tiegħu hi, sabiex noħorġu fil-baħar miftuh tal-umanità ta’ żmienna, biex inkunu xhieda tat-tjubija u tal-ħniena, jagħti sens ġdid lill-eżistenza tagħna li spiss tirriskja li tingħalaq fiha nfisha.  Kultant nistgħu nibqgħu mistagħġbin u titubanti quddiem is-sejħa li jagħmlilna l-Imgħallem Divin, u jkollna t-tentazzjoni li nirrifjutawha minħabba l-inkompetenza tagħna.  Pietru wkoll, wara dik is-sajda inkredibbli, lil Ġesù jgħidlu:  Mulej, tbiegħed minni, għax jiena midneb (v. 8).  Dit-talba umli hi sabiħa: Mulej, tbiegħed minni, għax jiena midneb.  Imma dan qalu għarkuptejh quddiem dak li hu diġà kien iqisu bħala “l-Mulej”. U Ġesù jagħmillu l-qalb u jgħidlu: Tibżax, minn isssa ‘l quddiem inti tkun sajjied tal-bnedmin (v.10), għax jekk aħna jkollna fiduċja fih, Alla jeħlisna minn dnubna u jiftħilna quddiemna xefaq ġdid: il-kollaborazzjoni mal-missjoni tiegħu.

L-akbar miraklu li għamel Ġesù ma’ Xmun u s-sajjieda l-oħra delużi u għajjenin, mhux tant ix-xibka mimlija ħut, daqskemm l-għajnuna li tahom biex ma jaqgħux vittmi tad-delużjoni u l-iskoraġġiment quddiem it-telfiet.  Hu fetaħhom biex isiru ħabbara u xhieda tal-kelma tiegħu u tas-saltna t’Alla.  U t-tweġiba tad-dixxipli kienet minnufih u sħiħa: Wara li ħallew id-dgħajjes ix-xatt, telqu kollox u marru warajh (v. 11).  Il-Verġni Mbierka, mudell ta’ aċċettazzjoni immedjata tar-rieda t’Alla, tgħinna nġarrbu l-faxxinu tas-sejħa tal-Mulej u tagħtina d-dispożizzjoni biex nikkollaboraw miegħu sabiex inxerrdu ma’ kullimkien il-kelma tas-salvazzjoni tiegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

jumejn ilu, fit-tifkira liturġika ta’ Santa Ġużeppina Bakhita, tfakkar ukoll il-ħames “Jum Dinji kontra t-traffikar tal-persuni”.  Il-motto ta’ dis-sena kien: Flimkien kontra t-traffikar (applaws min-nies fil-pjazza).  Għal darb’oħra (jerġgħu iċapċpu).  Flimkien kontra t-traffikar!  Tinsewħx dan.  Nistieden lil kulħadd jgħaqqad l-isforzi biex ngħelbu din l-isfida.  Irrodd ħajr li dawk li jiġġiedlu fuq dan il-front, partikolarment lil tant reliġjużi nisa.  Nagħmel appell, speċjalment lill-gvernijiet, biex jaffrontaw b’deċiżjoni kbira l-kawżi ta’ dil-pjaga u sabiex iħarsu lill-vittmi.  Però lkoll kemm aħna nistgħu u għandna nikkollaboraw billi niddenunzjaw il-każijiet ta’ sfruttament u jasar ta’ rġiel, nisa u tfal.  It-talb hu l-qawwa li tirfed l-impenn komuni tagħna.  Għaldaqstant nistedinkom biex issa tgħidu miegħi it-talba lil Santa Ġużeppina Bakhita, li tqassmiltilkom fil-pjazza.  Nitolbu flimkien.

Meta kienet għadha tifla, Santa Ġużeppina Bakhita kienet inbiegħet bħala skjava u kellha tħababt wiċċha ma’ tbatijiet u sofferenzi li ma jitfissrux

Santa Giuseppina Bakhita, meta kont tifla kienu biegħuk bħala lsira u kellek tħabbat wiċċek ma’ diffikultajiet u tbatijiet li ma jitfissrux.

Wara li ġejt meħlusa mill-jasar sibt ir-redenzjoni vera fil-laqgħa ma’ Kristu u l-Knisja tiegħu.

Santa Ġużeppina Bakhita, għin lil dawk kollha li huma maqbudin fin-nassa tal-iskjavitù.

F’isimhom interċedi quddiem Alla tal-ħniena, sabiex il-ktajjen tal-ħabs tagħhom jinkisru.

Jalla Alla nnifsu jeħles lil dawk kollha li huma mhedda, miġrugħin jew ittrattati ħażin minħabba t-traffikar tal-bnedmin.  Agħti serħan lil dawk kollha li nħelsu minn din l-iskjavitù u għallimhom iħarsu lejn Ġesù bħala mudell ta’ fidi u tama, sabiex ikunu jistgħu jfiequ mill-ġrieħi tagħhom.

Nitolbuk bil-ħerqa biex tidħol għalina lkoll sabiex ma naqgħux fl-indifferenza, sabiex niftħu għajnejna biex inkunu nistgħu naraw il-miżerji u l-feriti ta’ tant ħutna mneżżgħin mid-dinjità tagħhom u mil-libertà ħalli nkunu nistgħu nisimgħu l-għajta tagħhom biex ngħinuhom.  Ammen.

Santa Giuseppina Bakhita, itlob għalina..

Insellmilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!  Partikolarment insellem lill-fidili minn Verona u l-grupp “Tallaba tal-Ħolm” minn Schio.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber