IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-
Ħadd, 9 ta’ Diċembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Ħadd li għadda l-liturġija stednitna ngħejxu ż-żmien tal-Avvent u l-istennija tal-Mulej bl-atteġġjament tas-sahra u wkoll tat-talb: ishru u itolbu.  Illum, it-tieni Ħadd tal-Avvent, il-liturġija qed turina kif inlaħħmu din l-istennija: billi nibdew mixja ta’ konverżjoni, u kif din l-istennija nagħmluha konkreta.  Bħala gwida għal dil-mixja, l-Evanġelju jippreżentalna l-figura ta’ Ġwanni l-Għammiedi, li ġera mal-inħawi kollha tal-Ġordan jipprietka magħmudija ta’ konverżjoni għall-maħfra tad-dnubiet (Lq 3,3).  Biex jiddeskrivi l-missjoni tal-Battista, l-evanġelista Luqa jikkwota l-profezija antika ta’ Iżaija li tgħid hekk: Leħen jgħajjat fid-deżert: ħejju t-triq għall-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.  Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa (vv. 4-5).

Biex inħejju t-triq tal-Mulej li ġej, jeħtieġ nagħtu każ tal-konverżjoni li qed jistedinna nagħmlu l-Battista.  Liema huma l-esiġenzi ta’ konverżjoni ?  Qabelxejn aħna msejħin biex nistgħadru l-art tagħna mill-ħofor tal-kesħa u l-indifferenza, nirriġenerawha billi ninfetħu għall-oħrajn bl-istess sentimenti ta’ Ġesù, jiġifieri b’dik il-kordjalità u l-attenzjoni fraterna li tgħabbi fuq spallejha l-ħtiġijiet tal-proxxmu.  Inwittu l-ħofor li ġġib magħha l-indifferenza.  Ma jistax ikollna relazzjoni ta’ mħabba, ta’ karità, ta’ fraternità mal-proxxmu jekk għad hemm ‘Il-ħofor” u daqstant ieħor ma nistgħux nimxu fi triq mimlija ħofor.  Dan jitlob minna li nibdlu l-atteġġjament.  U dan kollu nagħmluh bi premura speċjali lejn min hu fil-bżonn.  Imbagħad jeħtieġ inwittu l-ħafna ħotob li ġġib magħha l-kburija u s-suppervja.  Kemm nies, forsi bla ma jindunaw, huma suppervi, huma iebsin, neqsin minn relazzjoni ta’ kordjalità.  Jeħtieġ ngħelbu dil-ġabra (ta’ indifferenzi) b’ġesti konkreti ta’ rikonċiljazzjoni ma’ ħutna, billi nitolbu maħfra għall-ħtijiet tagħna.  Mhux faċli r-rikonċiljazzjoni.   Dejjem naħsbu: “Min se jagħmel l-ewwel pass?”.  F’dan jgħinna l-Mulej, jekk aħna jkollna rieda tajba.  Infatti l-konverżjoni tkun sħiħa jekk twassalna nagħrfu bl-umiltà l-iżbalji tagħna, l-infedeltajiet tagħna, in-nuqqasijiet tagħna.

Min jemmen hu dak li għax joqrob lejn ħuh, bħal Ġwanni l-Għammiedi, jiftaħ triq fid-deżert, jiġifieri juri l-prospettivi tat-tama wkoll fil-kuntest eżistenzjali ta’ taħbit iebes, immarkat bil-falllimenti u t-telf.  Ma nistgħux inċedu quddiem is-sitwazzjonijiet negattivi ta’ għeluq u rifjut; ma nistgħux inħallu l-mentalità tad-dinja tjassarna, għax iċ-ċentru ta’ ħajjitna hu Ġesù u l-kelma mdawwla ta’ mħabba u ta’ faraġ tiegħu.  Huwa Hu!  Il-Battista kien isejjaħ lin-nies ta’ żmienu għall-konverżjoni, bil-qawwa, bl-enerġija, bid-deċiżjoni.  Madankollu, kien jaf jisma’, kien jaf jagħmel ġesti ta’ tenerezza, ġesti ta’ maħfra lill-għadd kbir ta’ rġiel u nisa li kienu jmorru għandu biex jistqarru dnubiethom u jitgħammdu bil-magħmudija tal-penitenza.

Ix-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista, tgħinna nimxu ’l quddiem fix-xhieda tal-ħajja tagħna.  Is-safa tal-aħbar li kien iwwasal, il-kuraġġ tiegħu li jxandar il-, irnexxilhom iqanqlu l-istennija u t-tama fil-Messija li għal żmien kenu mħeddla.  Illum ukoll, id-dixxipli ta’ Ġesù huma msejħin biex ikunu xhieda tiegħu umli u kuraġġużi sabiex jerġgħu jixgħelu t-tama, biex ifehemu li, minkejja kollox, is-Saltna t’Alla għadha qed tinbena kull jum li jgħaddi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Kull wieħed u waħda minna naħsbu: kif nista’ nibdel xi ħaġa fl-atteġġjament tiegħi biex inħejji t-triq għall-Mulej?

Il-Verġni Marija tgħinna nħejju jum wara ieħor it-triq tal-Mulej billi nibdew minna nfusna; u biex bil-paċenzja soda tagħna nxerrdu madwarna żerriegħa ta’ paċi, ta’ ġustizzja u ta’ fraternità.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja.

Insellem b’mod partikolari lill-bosta żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Orvieto-Todi.  Grazzi u l-mixja tal-Avvent it-tajba!

Insellem lill-fidili minn Trapani, Caltagirone u Bronte, lil dawk li se jagħħmlu l-Griżma mill-oratorju ta’ Almè (Bergamo).

Awguri kordjali tal-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber