IL-PAPA FRANĠISKU

ANĠELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 9 ta’ Settembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd (cfr Mk 7,31-37) itina l-episodju tal-fejqan mirakoluż tal-mutu u trux, imwettaq minn Ġesù.  Ħadulu quddiemu wieħed mutu u trux u talbuh iqiegħed idejh fuqu.  Iżda Hu, minflok, jagħmel diversi ġesti fuqu: l-ewwelnett jitwarrab miegħu fil-ġenb, bogħod mill-folla.  F’din l-okkażjoni, bħal drabi oħra, Ġesù jaġixxi bid-diskrezzjoni.  Ma jridx joqgħod jimpressjona lin-nies.  Hu mhux qed ifittex il-popolarità jew is-suċċess, imma jixtieq biss li jagħmel il-ġid lin-nies.  B’dan l-atteġġjament Hu jgħallimna li l-ġid isir mingħajr ħafna storbju, mingħajr teatrini, “mingħajr daqq ta trombi”.  Għandu jsir fis-silenzju.

Meta sab ruħu mwarrab mill-folla, Ġesù qiegħed sebgħu f’widnejn il-mutu u t-trux u bir-riq misslu lsienu.  Dan il-ġest ifakkarna fl-Inkarnazzjoni.  Iben Alla hu bniedem midħla tar-realtà umana: sar bniedem, għalhekk jista’ jifhem il-qagħda ta’ ħasra ta’ raġel ieħor u jwettaq ġest li jinvolvi l-umaniità propja tiegħu.  Fl-istess waqt, Ġesù jrid ifiehem li l-miraklu qed isir minħabba l-għaqda tiegħu mal-Missier: hu għalhekk li jerfa’ ħarstu lejn is-sema.  Imbagħad tniehed tnehida u qal l-aktar kelma deċisiva: “Effeta”, jiġifieri “Infetah”.  U minnufih ir-raġel fieq” infetħulu widnejh, inħallu lsienu.  Għalih il-fejqan kien li “nfetaħ” għalih u għad-dinja.

Dar-rakkont tal-Evanġelju jisħaq dwar il-ħtieġa assoluta tal-fejqan doppju.  Qabel kollox il-fejqan mill-marda u mit-tbatija fiżika, biex tintradd lura s-saħħa tal-ġisem, anki jekk dan l-għan ma jistax jintlaħaq għal kollox mix-xefaq uman minkejja tant sforzi mix-xjenza u l-mediċina.  Il-fejqan mill-biża’ jimbuttana biex inġennbu lill-marid, inġennbu lil min qed ibati, lid-diżabbli.  U hemm ħafma modi kif nemarġinaw anki permezz ħasra finta jew bit-tneħħija tal-problema. Nibqgħu muti u torox quddiem l-uġigħ tal-persuni mmarkati bil-mard, bl-ansjetajiet u d-diffikultajiet.  Wisq drabi l-marid u min qed ibati jsiru problema, filwaqt li suppost għandhom ikunu okkażjoni biex nuru l-ħerqa u s-solidarjetà ta’ soċjetà fil-konfront tal-aktar dgħajfa.

Ġesù jikxfilna liema hu s-sigriet ta’ miraklu li nistgħu nagħmlu aħna wkoll, biex insiru protagonisti tal-”Effata”, ta’ dik il-kelma “Infetaħ” li biha Hu radd lura l-kelma u s-smigħ lil dak ir-raġel mutu u trux.  Ifisser li ninfetħu għall-ħtiġijiet ta’ ħutna li jbatu u fil-ħtieġa tal-għajnuna.  Hi propju l-qalb, jew aħjar, in-nukleju l-aktar profond tal-persuna, li Ġesù ġie biex “jiftaħ”, biex jeħles, biex itina l-ħila li ngħejxu fil-milja tagħha r-relazzjoni tagħna ma’ Alla u mal-oħrajn.  Hu sar bniedem biex il-bniedem, li bid-dnub sar trux u mutu fl-intimu tiegħu, ikun jista’ jisma’ leħen Alla, il-leħen tal-imħabba li jkellem lil qalbu u b’hekk, min-naħa tiegħu, jitgħallem il-lingwaġġ tal-imħabba u jittraduċih f’ġesti ta’ ġenerożità u għotja tiegħu nnifsu.

Marija, dik li hi “miftuħa” kompletament għall-imħabba tal-Mulej,  taqlgħalna (l-grazzja) li kuljum inħossu fina bil-fidi, il-miraklu tal-”Effata” biex ngħejxu f’komunjoni ma’ Alla u ma’ ħutna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Loreto, fis-Santwarju Pontifiċju tad-Dar Imqaddsa, ġiet iċċelebrata l-festa tat-Twelid ta’ Marija u ngħata bidu għall-proposta spiritwali għall-familji: Id-Dar ta’ Marija Dar ta’ kull Familja.  Nafdaw f’idejn il-Verġni Marija kull inizjattiva tas-Santwarju u lil kull min, b’xi mod jew ieħor, se jkun jieħu sehem fihom.

Illum fi Strasburgu qed tkun iċċelebrata l-beatifikazzjoni ta’ Alfonsa Maria Eppinger, fundatriċi tas-Sorijiet tas-Santissmu Salvtur.  Niżżu ħajr ’l Alla għal dil-mara kuraġġuża u għarfa, li bit-tbatija, bis-skiet u bit-talb, xhedet l-imħabba t’Alla l-aktar ma’ min kien marid fil-ġisem u fl-ispirtu.  Ilkoll flimkien applaws lil dil-Beata l-ġdida!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li ġejjin minn pajjiżi differenti: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet.

Insellem lill-fidili mid-djoċesi ta’ Como, liż-żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-laqgħa mnedija mill-Opera della Chiesa, lil dawk li għamlu l-Griżma minn Prevalle.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber