SOLENNITÀ TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

TAL-BEATA VERĠNI MARIJA

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
is-
Sibt, 8 ta’ Diċembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Il-Kelma t’Alla llum ittina alternattiva.  Fl-ewwel qari hemm raġel li fil-bidu jgħid le lil Alla u fl-Evanġelju hemm Marija li għall-aħbar tgħid iva lil Alla.  Fiż-żewġ qari huwa Alla li qed ifittex lill-bniedem.   Fl-ewwel każ imur għand Adam, wara d-dnub, u jistaqsih: “Fejn int?” (Ġen 3,9) u dan iwieġeb: “Inħbejt” (v. 10).  Fit-tieni każ, imur għand Marija, bla tebgħa, li twieġeb: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej” (Lu 1, 38).  Hawn jien hu l-maqub ta’ qed nistaħbaHawn jien jinfetaħ għal Alla, filwaqt li d-dnub jagħlaq, jiżola, iħallik waħdek miegħek innifsek.

Il-kelma hawn jien hi l-qofol tal-ħajja,  Tittimbra l-mogħdija mill-ħajja oriżżontali, moħħha biss fiha nfisha u l-ħtiġijiet tagħha, għal ħajja vertikali, li titla’ lejn Alla. Hawn jien ifisser li tkun disponibbli għall-Mulej, hija l-kura għall-egoiżmu, u l-antidotu tal-ħajja insodisfatta li dejjem jonqosha xi ħaġa.   Hawn jien hi r-rimedju kontra l-kallu tad-dnub, hija t-terapija biex nibqgħu żgħażagħ minn ġewwa.   Hawn jien hi l-emmna li Alla għandu valur akbar mill-’jien’.  Hi l-għażla li s-sigurtà tagħna huwa l-Mulej, li nkunu doċli għas-sorpriżi tiegħu.  Għaldaqstant, hawn jien hu l-akbar tifħir li nistgħu noffrulu.  Għaliex ma nibdewx il-ġurnata tagħna ngħidulu: “hawn jien, Mulej”?  Ikun sabih li kull filgħodu ngħidu: “Hawn jien, Mulej, illum ħa jsir minni skont ir-rieda tiegħek”.  Ngħiduha fit-talba tal-Angelus, imma nistgħu ntennuha anki issa, flimkien: “Hawn jien, Mulej ħa jsir minni skont ir-rieda tiegħek!”

Marija żżid “Ħa jsir minni skont kelmtek”.  Ma tgħidx: “ħa jsir minni skont kelmti”, imma “skont kelmtek”.  Lil Alla ma tgħamillux ħtian.  Ma jgħaddix minn moħħha: nagħti ftit lilu, neħles, imbagħad nagħmel dak li jiftilli”.  Le, Marija ma tħobbx lill-Mulej meta jidhrilha hi, bis-sulluzzu.  Tgħejx bil-fiduċja f’Alla f’kollox u għal kollox.  Dan hu s-sigriet tal-ħajja.  Dak li jafda f’Alla f’kollox, kollox jista’.  Iżda, għeżież ħuti, il-Mulej isofri meta nweġbuh bħal Adam: “qed nibża’ u nħbejt”.  Alla hu teneru, l-aktar missier teneru, u jixtieq li wliedu jkollhom fiduċja fih.  Iżda kemm drabi nissuspettaw fih, nissuspettaw f’Alla!  Naħsbu li jista’ jibagħtilna xi ‘test’, jiċħdilna l-libertà, jabbandunana.  Imma dan hu ingann kbir, hi t-tentazzjoni tal-bidu, it-tentazzjoni tax-xitan: bl-ingann idaħħal l-isfiduċja f’Alla.  Marija tirbaħ din l-ewwel tentazzjoni bl-hawn jien tagħha.  U llum inħarsu lejn is-sbuħija tal-Madonna, li twieldet u għexet bla dnub, dejjem doċli u trasparenti għal Alla.

Dan ma jfissirx li għaliha l-ħajja kienet faċli, le.  Li tkun ma’ Alla mhix soluzzjoni maġika tal-problemi.  Ifakkarulna t-tmiem tal-Evanġelju tal-lum: “L-anġlu telaq minn ħdejha” (v. 38).  Telaq, huwa verb iebes.  L-anġlu jħalli lil Mairja waħedha f’sitwazzjoni diffiċli.  Hi kienet taf b’liema mod kellha ssir Omm Alla – kien qalulha l-anġlu – imma l-anġlu ma kienx mar jispjega dan lill-oħrajn, qalu lilha biss.  U mill-ewwel bdew il-problemi: naħsbu ftit fis-sitwazzjoni irregolari fid-dawl tal-liġi, fit-turment li ħass San Ġużepp, fil-pjanijiet tal-ħajja li taru mar-riħ, dwar dak li kienu se jibdew jgħidu n-nies..  Iżda quddiem il-problemi Marija tqiegħed il-fiduċja tagħha f’Alla.  U l-anġlu telaqha, iżda Hi temmen li magħha, fiha, baqa’ Alla.  U jkollha l-fiduċja.  Tafda f’Alla.  Hi ċerta li mal-Mulej, anki jekk bla mistenni, kollox imur tajjeb.  Dan hu l-atteġġjament dehni: li ma tgħejxx tiddependi mill-problemi – tispiċċa waħda u tinbet oħra! - imma bil-fiduċja f’Alla u billi kuljum nafdaw ruħna f’idejh: Hawn jien.  “Hawn jien” hija l-kelma.  “Hawn jien” hija t-talba.  Nitolbu lill-Immakulta biex ittina l-grazzja li ngħejxu hekk.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum fis-Santwarju ta’ Notre-Dame de Santa Cruz f’Oran, fl-Alġerija, qed jiġu dikjarati Beati l-Isqof Pietro Claviere u tmintax sħabu reliġjużi rġiel u nisa, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi.  19-il beati ġodda!  Dawn il-martri ta’ żmienna kienu ħabbara fidili tal-Evanġelju, bennejja umli tal-paċi u xhieda erojċi tal-karità nisranija: isqof, saċerdoti, reliġjużi nisa, reliġjużi rġiel u lajċi.  Ix-xhieda kuraġġuża tagħhom hi għajn ta’ tama għall-komunità kattolika Alġerina u żerriegħa ta’ djalogu għas-soċjetà kollha kemm hi.  Jalla dil-beatifikazzjoni tkun għal kulħadd stimolu għall-bini ta’ dinja ta’ fraternità u solidarjetà.  Nagħtu applaws lill-Beati l-ġodda, ilkoll flimkien.

Niżgura t-talb tiegħi għaż-żgħażagħ u l-omm li mietu dal-lejl f’disco f’Corinaldo, qrib Ancona, kif ukoll għall-bosta feruti.  Nitlob l-interċessjoni tal-Madonna għal kulħadd.

Insellem minn qalbi lilkom, pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi, speċjalment il-familji, il-gruppi parrokkjali u l-assoċjazzjonijiet.  F’dil-festa tal-Immakulata, fil-parroċċi Taljani tiġġedded is-sħubija fl-Azzjoni Kattolika, assoċjazzjoni li għal 150 sena baqgħet tkun don u riżorsa għall-mixja tal-Knisja fl-Italja.  Nagħmel kuraġġ lill-oqsma djoċesani u parrokkjali biex jimpenjaw ruħhom fil-formazzjoni tal-lajċi ħalli dawn jiksbu l-ħila li jkunu xhieda tal-Evanġelju, u jsiru ħmira ta’ soċjetà aktar ġusta u solidali.

Inbierek minn qalbi lil-fidili minn Rocca di Papa u l-fjakkola li biha se jixgħelu l-istilla kbira fuq il-fortizza tal-belt tagħhom, ad unur ta’ Marija Immakulata.

Illum waranofsinhar se mmur Santa Maria Maggiore biex nitlob quddiem il-Madonna, u wara mmur Piazza di Spagna biex inġedded it-tradizzjon tal-qima u tat-talb f’riġlejn il-monument tal-Immakulata.  Nitlobkom tingħaqdu miegħi spiritwalment f’dan il-ġest li jesprimi d-devozzjoni filjali lejn l-Omm Ċelesti tagħna.

U nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba u l-mixja tal-Avvent it-tajba bil-gwida tal-Verġni Marija.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber