IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 5 ta’ Awwissu, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Matul dawn l-aħħar Ħdud, il-liturġija wrietna lil Ġesù xbieha tenera li tmur tiltaqa’ mal-folol u mal-ħtiġijiet tagħhom.  Fir-rakkont tal-Evanġelju tal-lum (Ġw 6, 24-35) il-perspettiva tinbidel: hija l-folla li ngħatat l-ikel minn Ġesù, li mill-ġdid terġa’ tmur tfittxu, tmur tiltaqa’ ma’ Ġesù. Iżda għal Ġesù mhux biżżejjed li n-nies tmur tfittxu; irid li n-nies issir tafu’, irid li t-tfittxija tiegħu u l-laqgħa miegħu imorru ‘l hinn mis-sodisfazzjoni immedjat tal-ħtiġijiet materjali.  Ġesù ġie biex iġibilna xi ħaġa aktar, biex jiftħilna l-eżistenza tagħna lejn xefaq aktar wiesa meta mqabbel mat-tħassib dwar l-ikel tal-ħajja ta’ kuljum, l-ilbies, il-karriera, eċċ.  Għalhekk, idur lejn il-folla u jgħidilha: “intom qed tfittxuni mhux għax rajtu s-sinjali imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu” (v. 26).  B’hekk jagħti mbuttatura lin-nies biex jagħmlu pass ‘il quddiem, biex jistaqsu lilhom infushom dwar it-tifsira tal-miraklu, u mhux biss biex japprofittaw ruħhom minnu.  Infatti, it-tkattir tal-ħobż u tal-ħut hu sinjal tar-rigal kbir li l-Missier ta lill-umanità u li hu Ġesù stess!

Hu, “il-veru ħobż tal-ħajja” (v. 35) ma jridx ixabba’ biss il-ġisem iżda lir-ruħ ukoll, bl-għoti tal-ikel spiritwali li jista’ jkun ta’ sodisfazzjoni għall-akbar ġuħ.  Għalhekk jistieden lill-folla biex ma tixxennaqx għall-ikel li jiskadi, iżda għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem (v. 27).  Hu ikel li Ġesù jtina kuljum: il-Kelma tiegħu, Ġismu, Demmu.  Il-folla tisma’ l-istedina tal-Mulej iżda ma tifhimx is-sens tagħha – kif jiġri lilna ħafna drabi wkoll – u tistaqsih: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri t’Alla?” (v. 28). Dawk li kienu jisimgħu lil Ġesù jaħsbu li Hu qed jitlob l-osservanza tal-preċetti biex jiksbu aktar mirakli bħal dak tat-tkattir tal-ħobż.  Din hi tentazzjoni komuni meta fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla  aħna nistampaw xbieha ta’ relazzjoni bejn il-qaddejja u sidhom: il-qaddejja jridu jagħmlu dak li jqabbadhom sidhom biex jiksbu l-mogħdrija tiegħu.  Dan ilkoll nafuh.  Għalhekk il-folla trid taf mingħand Ġesu liema azzjonijiet kellha tagħmel biex tikkuntenta lil Alla.  Imma Ġesù jagħti tweġiba mhux mistennija: “L-opra t’Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat” (v. 29).   Dal-kliem jgħodd għalina wkoll illum: l-opra t’Alla mhix tant li “tagħmel” l-affarijiet iżda li “temmen” f’Dak li Hu bagħat.  Dan ifisser li l-fidi f’Ġesù tippermettielna nwettqu l-opri ta’ Alla.  Jekk aħna nħallu dir-realzzjoni ta’ mħabba u fiduċja ma’ Ġesù tirfidna, niksbu l-ħila li nagħmlu opri tajba mfewħin mill-Evanġelju, għall-ġid u l-ħtiġijiet ta’ ħutna.

Il-Mulej jistedinna biex ma ninsewx li, jekk hu meħtieġ li nippreokkupaw ruħna minħabba l-ħobż, huwa aktar importanti li nikkultivaw ir-relazzjonni tagħna miegħu, insaħħu l-fidi tagħna fih, Hu li hu “l-ħobż tal-ħajja”, li ġie biex ixabba l-ġuħ tagħna għall-verità, il-ġuħ li għandna għall-ġustizzja, il-ġuħ tagħna għall-imħabba.  Il-Verġni Marija, fil-jum li fih niftakru d-dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, is-Salus Populi Romani, tkun il-bastun tal-mixja tal-fidi tagħna u tgħinna nintelqu għal kollox bil-ferħ fil-pjan li Alla għandu għall-ħajjitna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

erbgħin sena ilu l-Beatu Pawlu VI kien qed jgħejx l-aħħar siegħat fuq din l-art.  Infatti hu miet filgħaxija nhar is-6 ta’ Awwissu, 1978.  Niftakru fih bil-qima u l-gratitudni, bl-istennija tal-kanoniżżazzjoni tiegħu fl-14 ta’ Ottubru li ġej.  Mis-sema hu jidħol għall-Knisja, li tant ħabb, u għall-paċi fid-dinja.  Dan il-Papa kbir tal-modernità, issa nsellmulu b’applaws, ilkoll!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn pajjiżi diversi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili individwali.

Insellem b’mod partikolari lill-pellegrinaġġ bir-roti li ġej minn Velehrad (Moravja), lill-fidili minn Lorca (Spanja), liż-żgħażagħ u ‘l-adoloxxenti minn Nòvoli.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb,  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  U l-pranzu t-tajjeb!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber