IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 4 ta' Awwissu, 2019

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!


L-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 12, 13-21) jiftaħ bix-xena ta' raġel li jqum minn fost il-folla u jitlob lil Ġesù biex isolvi kwistjoni ġuridika dwar il-wirt tal-familja. Imma fit-tweġiba Hu ma jaffrontax il-kwistjoni, u jħeġġeġ biex nibqgħu bogħod mir-regħba, mill-kilba għall-pussess. Biex lis-semmiegħa tiegħu ineħħilhom minn moħħhom l-affann għat-tfittxija mikluba tal-ġid, Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-għani iblaħ, li jaħseb li hu hieni għax messitu x-xorti ta' sena eċċezzjonali u jħossu ċert minnu nnifsu minħabba l-ġid miġmugħ. Ikun sabiħ jekk illum taqraw it-tnax-il kapitlu ta' San Luqa, vers 13. Hi parabbola sabiħa li tgħallimna ħafna. Il-qalbha tar-rakkont titfaċċa fil-kontrapożizzjoni bejn dak li jippjana l-għani u dak li, minflok, jipproponi Alla.
"L hinn minn ruħu, jiġifieri 'l hinn minnu nnifsu, l-għani jqiegħed tliet ħsibijiet: il-ħafna ġid miġmugħ, il-ħafna snin ta serħan ir-ras li donnu se jtih u t-tielet, il-kalma u t-tbaħrid bla rażan (cfr v.19). Iżda l-kelma li jgħidlu Alla xxejjen dawn il-proġetti tiegħu. Minflok "ħafna snin" Alla jindikalu l-immedjatezza ta' "dal-lejl; illejla se tmut"; minflok "it-tgawdija tal-ħajja" jippreżentalu "li jrodd ħajtu; se trodd ħajtek li Alla": bil-ġudizzju li jiġi wara. Rigward ir-realtà tal-ħafna ġid miġmugħ li fuqu l-għani kellu jibni kollox, dan jgħib kollu fil-mistoqsija sarkastika: "U dak li ħejjejt ta' min se jkun?" (v. 20). Naħsbu dwar il-ġlied għall-wirt; tant ġlied fil-familja. U ħafna nies, ilkoll nafu b'xi storja, li fil-ħin tal-mewt jibdew ġejjin: neputijiet kbar u żgħar, jiġu jaraw: "X'se jmissni jien?", u jġorru kollox 'l hemm. Hija dil-kontrapożizzjoni li tiġġustifika l-użu tal-kelma "iblah" - għax hu qed jaħseb dwar ħwejjeġ li jemmen li huma konkreti imma huma fantasija - li biha Alla jikkonfronta lil dar-raġel. Hu iblah għax fil-prattika ċaħad 'l Alla, m'għamilx il-kontijiet miegħu.
It-tmiem tal-parabbla kif sawwarha l-evanġelista hi effikaċi b'mod uniku: "Hekk jiġrilu min jaħżen it-teżori għalih bla ma jistgħana quddiem Alla" (v. 21). Hi twissija li tikxfilna liema hu x-xefaq li aħna msejħin inħarsu lejh. Il-ġid materjali hu meħtieġ - ġid hu! -, imma hu mezz biex ngħixu bl-onestà u naqsmuh ma' min hu fil-bżonn. Illum Ġesù jistedinna biex inqisu li l-ġid materjali jista' jkun irbit għall-qalb u jbegħedha mit-teżor veru li jinsab fis-smewwiet. Dan ifakkarulna wkoll San Pawl fit-tieni qari tal-lum. Jgħid hekk: "Fittxu l-ħwejjeġ t'hemm fuq........ Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema u mhux f'dawk tal-art" (Kol. 3, 1-2).
Dan - nifhmuha din - ma jfssirx li nitbarru mir-realtà, imma li nfittxu l-ħwejjeġ li għandom il-veru valur: il-ġustizzja, is-solidarjetà, l-akkoljenza, il-fraternità, il-paċi, dak kollu li jifforma l-veru dinjità tal-bniedem. Ifisser li mmilu lejn ħajja li ma tkunx imfassla fuq l-istil mondan, iżda fuq l-istil evanġeliku: inħobbu 'l Alla bl-essri kollu tagħna u nħobbu lilll-proxxmu bħalma ħabbu Ġesù, jiġifieri bil-qadi u l-għotja tagħna nfusna. Ir-regħba għall-ġid, il-kilba li jkollok ħafna, ma taqtax l-għatx, ma xxebbax il-qalb, anzi tqanqal aktar ġuħ! Ir-regħba tixbaħ il-ħelwa tajba: tieħu waħda u tgħid: "Ah! Kemm hi tajba!", u mbagħad tieħu oħra; u waħda tiġbed lill-oħra. Hekk hi r-regħba: ma xxabba' qatt. Oqgħodu attenti! L-imħabba hekk qawwija u mgħejxha hija l-għajn tal-veru hena, filwaqt li t-tfittxija bla ħniena tal-ġid materjali u l-għana, spiss hi l-għajn tal-abbuż tal-poter, tal-gwerer. Ħafna gwerer jibdew minħabba r-regħba.
Il-Verġni Marija tgħinna biex ma nħallux is-sigurtajiet li jgħaddu jgħamuna, imma biex kuljum inkunu xhieda kredibbli tal-valuri eterni tal-Evanġelju.

Wara l-Angelus


Għeżież ħuti,


inħossni spiritwalment qrib il-vittmi tal-episodji ta' vjolenza li dal-ġranet demmghu Texas, California u Ohio fl-Istati Uniti li fihom intlaqtu persuni bla difiża. Nistedinkom tingħaqdu miegħi fit-talb għal kull min tilef ħajtu, għall-feruti u l-familjari tagħhom. Sliem għalik, Marija.......
Bħal-lum mija u sittin sena kien miet il-Kurat ta' Ars, mudell ta' tjubija u karità għas-saċerdoti kollha. F'dan l-anniversarju deherli li kelli nibgħat ittra lis-saċerdoti tad-dinja kollha biex inħeġġilhom il-fedeltà lejn il-missjoni li l-Mulej sejħilhom għaliha. Ix-xhieda ta' dal-kappillan umli u mogħti totalment għall-poplu tiegħu tgħin biex niskopru mill-ġdid l-importanza tas-saċerdozju ministerjali fis-soċjetà kontemporanja.
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: familji, assoċjazzjonijiet, fidili singoli.
Illum hawn diversi gruppi ta' adoloxxenti u żgħażagħ preżenti. Insellmilkom minn qiegħ qalbi! Fejn hemm iż-żgħażagħ hemm l-istorbju u din hi grazzja. Insellem partikolarment lit-timijieet tan-nisa tal-baskitbol mill-universitajiet Amerikani ta' New Mexico u Nevraska; lill-grupp pastorali taż-żgħażagħ minn Verona; liż-żgħażagħ minn Ponte di Brenta, Entratico, Cerese; lis-seminaristi tas-Seminarju Minuri ta' Bergamo.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber