PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru - 2 ta’ Ġunju 2013

Għeżież Ħuti, Bonġu!

Il-Ħamis li għadda ċċelebrajna l-festa ta’ Corpus Domini, li fl-Italja u f’Pajjiżi oħra hija spustata għal dan il-Ħadd.  Hija il-festa tal-Ewkaristija, Sagrament tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

L-Evanġelju jqegħdilna quddiemna l-miraklu tal-ħobż (Lq 9:11-17); nixtieq nieqaf fuq aspett li dejjem jolqotni u jġiegħlni nirrifletti. Ninsbu fuq xatt l-għadira tal-Galileja, qed joqrob filgħaxija; Ġesù jitħasseb għan-nies li għal tant sigħat kienu miegħu: huma eluf li għandhom il-ġuħ. X’jagħmel? Anke d-dixxipli jressqu l-problema, u jgħidu lil Ġesù: “Ibgħatha l-folla” biex imorru fil-villaġġi tal-qrib biex isibu x’jieku”. Ġesù minflok jgħid: “Intom stess agħtuhom jieklu” (v.13).  Id-dixxipli jibqgħu mħawda, u jwieġbu: “M’għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”, bħal riedu jgħidu, għandna biżżejjed għalina.

Ġesù jaf tajjeb x’għandu jagħmel, imma ried jinvolvi lid-dixxipli tiegħu, ried jedukhom. Dak tad-dixxipli huwa l-atteġġament uman, li jfittex is-soluzzjoni l-aktar realistika, li ma toħloqx ħafna problemi: “Ibgħatha l-folla”, jgħdu, kull wieħed jirranġa kif jista’, mill-bqija diġà għamilt tant għalihom: ippridkajt, fejjaqt il-morda ... Ibgħatha l-folla!

L-atteġġament ta’ Ġesù huwa kompletament differenti, u joħroġ mill-għaqda tiegħu mal-Missier u mill-kompassjoni tiegħu għan-nies, dik il-ħniena ta’ Ġesù lejna lkoll: Ġesù jħoss il-problemi tagħna, jħoss in-nuqqasijiet tagħna, iħoss il-bżonnijiet tagħna.  Quddiem dawk il-ħames ħobżiet, Ġesù jaħseb: hekk hu il-providenza!  Minn dan il-ftit, Alla jista’ joħroġ dak li huwa meħtieġ għal kulħadd.  Ġesù jafda kompletament fil-Missier tas-Sema, jaf li għalih kollox huwa possibli.  Għalhekk jgħid lid-dixxipli biex iqegħdu lin-nies bilqegħda fi gruppi ta’ ħamsin – dan mhux b’kumbinazzjoni, għaliex dan jfisser li issa m’għadhomx aktar folla, imma jsiru komunità, mitmugħa mill-ikel ta’ Alla.  Imbagħad jaqbad dawk il-ħobżiet u l-ħut, jerfa’ għajnejh lejn is-sema, jgħid il-barka – huwa ċar ir-riferiment għall-Ewkaristija, - imbagħad jaqsamhom u jaqbad jagħtihom lid-dixxipli, u d-dixxipli jqassmuhom ... u l-ħobżiet u l-ħut ma jispiċċawx, ma jispiċċawx!  Hekk hu l-miraklu; aktar milli tkattir huwa qsim, animata mill-fidi u mit-talb.  Kielu lkoll u fadlilhom: huwa s-sinjal ta’ Ġesù, ħobż ta’ Alla għall-umanità.

Id-dixxipli raw imma ma fehmux il-messaġġ.  Kienu maħkuma, bħall-folla, mill-entużjażmu tas-suċċess. Għal darb’ oħra jimxu bil-loġika umana u mhux b’dik ta’ Alla, li hija dik tal-qadi, tal-imħabba, tal-fidi.  Il-festa ta’ Corpus Domini titlob minna li nikkonvertu fil-fidi fil-Providenza, li nkunu nafu naqsmu bejnietna l-ftit li aħna u li għandna, u li ma ningħalqu qatt fina nfusna.  Nitolbu li Ommna Marija biex tgħinna f’din il-konverżjoni, biex nimxu tassew aktar wara dak Ġesù li naduraw fl-Ewkaristija.

Hekk ikun.

 

WARA l-ANGELUS

 

Għeżież Ħuti!

Hija dejjem ħajja u ta’ tbatija l-preokkupazzjoni tiegħi minħabba t-tkomplija tal-konflitt li issa għal aktar minn sentejn kebbes is-Sirja u laqat speċjalment il-popolazzjoni li hi bla għajnuna, li taspira għall-paċi fil-ġustizzja u fil-ftehim. Din il-qagħda mwiera ta’ gwerra ġġib magħha konsewenzi traġiċi, mewt, distruzzjoni, u ħsara ekonomika u ambjentali sinifikanti, kif ukoll il-pjaga tal-ħtief tal-persuni.  Waqt li niddeplora dawn il-ġrajjiet, nixtieq nassigura t-talb tiegħi u s-solidarjetà tiegħi għall-persuni maħtufa u l-familji tagħhom, u nappella għall-umanità ta’ dawk li ħatfu dawn il-persuni biex jeħilsu lill-vittmi.  Nitolbu dejjem għall-maħbuba Sirja tagħna.

Fid-dinja hawn tant sitwazzjonijiet ta’ konflitt, imma hawn ukoll tant sinjali ta’ tama.  Nixtieq ninkoraġixxi d-diversi passi li ttieħdu riċentement fl-Amerika Latina lejn ir-rikonċiljazzjoni u il-paċi. Nakkompanjawhom bit-talb tagħna.

Dalgħodu ċċelebrajt il-quddiesa ma’ xi militari u l-qraba ta’ uħud li mietu f’missjonijiet ta’ paċi, li jfittxu li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni u l-paċi f’Pajjiżi li fihom għadu qed jixtered ħafna demm tal-aħwa fi gwerrer li huma dejjem ġenn. “Kollox jintilef bil-gwerra.  Kollox jintrebaħ bil-paċi.”  Nitlobkom tagħmlu talbu għal dawk li mietu, għall-feruti u l-familji tagħhom.

Nagħmlu issa, fis-skiet ta’ qalbna – lkoll flimkien – talba għal dawk li mietu, għall-feruti u il-familji tagħhom.  Fi skiet!

Insellem mill-qalb lill-pellegrini kollha li hawn illum: il-familji, il-fidili minn tant parroċċi Taljani u minn Pajjiżi oħra, l-għaqdiet, il-movimenti.

Insellem lill-fidili li ġew mill-Kanada u l dawk tal-Kroazja u l-Bosnia u Erzegovina, kif ukoll il-grupp tal-Piccolo Cottolengo ta’ Ġenova, tal-Opera di Don Orione.

Insellem lil kulħadd.  Lil kulħadd, il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!