IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 1 ta' Settembru, 2019
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Qabel kollox irrid niskuża ruħi għax wasalt tard, imma nqala' inċident: bqajt imwaħħal fil-lift għal 25 minuta! Il-lift waqaf minħabba 'power drop'. Għal grazzja t'Alla waslu l-ħaddiema tat-tifi tan-nar - nirringrazzjahom ħafna! - u wara 25 minuta xogħol irenxxilhom jerġgħu jħaddmuh. Applaws lill-pumperi!
L-Evanġelju ta' dan il-Ħadd (cfr Lq 14,1.7.7-14) jurina lil Ġesù waqt ikla fid-dar ta' wieħed mill-kapijiet tal-fariżej. Ġesù jinnota li l-mistednin qed jiġru u jgħaġlu biex jilħqu l-ewwel postijiet. Huwa atteġġjament komuni mhux ħażin anki fi żmienna, dejjem infittu l-ewwel post meta nkunu mistednin għall-ikel, biex ikollna affermazzjoni mistħajla fuq l-oħrajn. Fir-realtà, dil-ġirja lejn l-ewwel postijiet tagħmel id-deni lill-komunità kemm dik ċivili u wkoll dik ekkleżjali, għax tirvina l-fraternità. Ilkoll nafuhom lil dawn in-nies: xabbaturi, li dejjem jixxabbtu biex jitilqgħu 'l fuq, 'il fuq...... Jagħmlu ħażin lill-fraternità, iħassru l-fraternità. Quddiem dix-xena Ġesù jirrakkonta żewġ parabboli qosra.
L-ewwel parabbola tolqot lil dak li jkun mistieden għal xi ikla, u jħeġġu biex ma jfittixx l-ewwel post, "sabiex - jgħid - ma jkunx hemm xi mistieden aktar importanti minnek, u min ikun stieden lilek u lilu jiġi jgħidlek: "jekk jogħġbok, ċedilu postok!". Mistħija!
"Allura, imriegħex, ikollox tmur fl-aħħar post" (cfr vv. 8-9). Minflok, Ġesù jgħallem il-maqlub, mur oqgħod fl-aħħar post sabiex meta jiġi dak li jkun stiednek jgħidlek: "Ħabib, ersaq 'il quddiem!" (v. 10).
Għalhekk m'għandniex nieħdu l-inizjattiva li nftixxu l-attenzjoni u r-rispett mingħand ħaddieħor, imma aktarx, inħallu lill-oħrajn ituhomlna. Ġesù dejjem jurina t-triq tal-umiltà - jeħtieġ nitgħallmu t-triq tal-umiltà! - għax dik hi l-aktar ħaġa awtetnika, li tippermetti li jkollok relazzjonijiet awtentiċi. L-umiltà vera, mhux falza, dik li fil-Piemonte jseħulha "la mugna quacia" (wiċċ ta' innoċenti!), le, dik le. L-umiltà vera.
Fit-tieni parabbola Ġesù jdur lejn dak li stiednu u b'rabta mal-mod kif jintgħażlu l-mistednin, jgħidlu: "Meta toffri ikla stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir" (vv 13-14). Hawnhekk ukoll Ġesù jmur kontra l-kurrent għal kollox, juri bħal dejjem x'inhi l-loġika ta' Alla l-Missier. U jżid ukoll il-muftiħ biex bih ikun interpetat dad-diskors. U liema hu l-muftiħ? Wegħda: jekk int tagħmel hekk: "iroddulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja" (v. 14). Dan ifisser li mġibitna tkun dik li biha niksbu l-ħlas divin li hu ferm aqwa minn dak li jista' jroddilna lura l-bniedem: jien nagħmillek dal-pjaċir biex inti trodduli lura. Le, dan mhux aġir ta' nisrani. Il-ġenerożità umli hi nisranija. Soltu, infatti, dak li jintradd lura umanament jisfigura r-relazzjonijiet, jagħmilhom "kummerċ", idaħħal l-interess personali f'relazzjoni li suppost għandha tkun ġeneruża u gratwita. Minflok, Ġesù jistedinna biex inkunu ġenerużi b'mod diżinteressat, biex niftħu triq lejn hena ferm akbar, l-hena li nieħdu sehem mill-istess imħabba t'Alla li jistenniena, lilna lkoll, għall-mejda ċelesti.
Il-Verġni Marija, "umli u għolja aktar milli kreatura" (Dante, Paradiso, XXXIII, 2), tgħinna biex nagħrfu lilna nfusna kif aħna, jiġifieri ċkejknin; u biex inħossu l-ferħ meta nagħtu bla ma nistennew lura.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
illum, l-1 ta' Settembru hu l-Jum Dinji ta' talb għall-ħarsien tal-ħolqien. Talba ekumenika, li tqanqal il-kuxjenza u l-impenn biex inħarsu d-dar komuni tagħna, ibda mill-istil tal-ħajja personali u familjari sostenibbli. Mil-lum sal 4 ta' Ottubru, festa ta' San Franġisk ta' Assisi, hu żmien tajjeb biex infaħħru 'l Alla għal kull ma' ħalaq u biex nieħdu fuq spallejna r-responsabbiltà quddiem il-karba tal-Art.
Insellem lilkom ilkoll li ġejjin mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja. Insellem b'mod partikolari lill-pellegrini mill-Ukrajna - Slava Jisusu Khristu! - li waslu hawn minn diversi pajjiżi fl-okkażjoni tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-Knisja Greco-Kattolika tal-Ukrajna, li se jsir f'Ruma fil-jiem li ġejjin. Insellem lis-sorijiet u liż-żgħażagħ li qed jieħdu l-formazzjoni fl-Istitut ta' San Ġużepp Benedittu Cottolengo. Grazzi! Grazzi għat-testimonjanza tagħkom! Grazzi ta' dak kollu li tagħmlu u għal dak kollu li tgħallmu; ibqgħu mexjin, ibqgħu mexjin! Liċ-ċiklisti minn Cunardo u lill-fidili minn Cerro Bottanuco; il-grupp tal-Azzjoni Kattolika minn Lecce u ż-żgħażagħ minn San Matteo della Decima, Gallo Ferrarese u Capriate San Gervasio.
Jekk il-Bambin irid, nhar l-Erbgħa li ġej se nitlaq għal vjaġġ appostoliku fl-Afrika, biex inżur lill-popolazzjonijiet tal-Mozambique, tal-Madagaskar u l-Mauritius. Nistedinkom takkumpanjawni bit-talb sabiex diż-żjara tħalli l-frott mixtieq.
Fil-5 ta' Ottubru li ġej se nlaqqa' Konċistorju biex ninnomina għaxar Kardinali ġodda. Il-postijiet minn fejn ġejjin jesprimi l-vokazzjoni missjunarja tal-Knisja li qed tkompli tħabbar l-imħabba ħanina ta' Alla lill-bnedmin kollha tad-dinja. Dawn huma l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda:
Mons. Miguel Ángel Ayuso Guixot, President tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż;
Mons. José Tolentino Calaça de Mendonça, Arkivista u Biblijotekarju tal-Knisja Mqaddsa Rumana;
Mons. Ignatius Suharyo Hardjoatmodjo, Arċisqof ta' Jakarta;
Mons. Juan de la Caridad García Rodríguez, Arċisqof ta' San Cristóbal de la Habana;
Mons. Fridolin Ambongo Besungu, Arċisqof ta' Kinshasa;
Mons. Jean-Claude Hollerich, Arċisqof tal-Lussemburgo;
Mons. Álvaro Leonel Ramazzini Imeri, Isqof ta' Huehuetenango;
Mons. Matteo Zuppi, Arċisqof ta' Bologna;
Mons. Cristóbal López Romero, Arċisqof ta' Rabat (il-Marokk);
Patri Michael Czerny, S.J., Sottosegretarju fil-Qasam tal-Migranti fid-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali.
Flimkien ma' dawn se ngħaqqad mal-Kulleġġ tal-Kardinali żewġ Arċisqfijiet u Isqof li ddistingwew ruħhom fis-servizz li taw lill-Knisja:
Mons. Michael Louis Fitzgerald, Arċisqof Emeritu ta' Nepte;
Mons. Sigitas Tamkevičius, Arċisqof Emeritu ta' Kaunas;
Mons. Eugenio Dal Corso, Isqof Emeritu ta' Benguela.
Nitolbu għall-Kardinali l-ġodda sabiex huma u jikkonfermaw ir-rabta tagħhom ma' Kristu jgħinuni fil-ministeru tiegħi ta' Isqof ta' Ruma għall-ġid tal-poplu qaddis u fidil ta' Alla.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber