SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSMA OMM ALLA
IT-LII JUM DINJI TAL-PAĊI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
It-Tlieta ,1 ta’ Jannar, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u s-sena t-tajba lil kulħadd!

Illum, l-ottava tal-Milied niċċelebraw lill-Omm Qaddisa ta’ Alla. Bħall-pasturi ta’ Betlem, nibqgħu b’ħarsitna fissa fuqha u fuq il-Bambin li qed tħaddan f’dirgħajha.  B’dal-mod, hi u turina lil Ġesù, is-Salvatur tad-dinja, hi, l-omm, tberikna.  Illum il-Madonna tberikna lkoll, ilkoll.  Tbierek il-mixja ta’ kull raġel u mara f’dis-sena li qed tibda, u li se tkun tajba fil-qies li kull wieħed u waħda minna jkun laqa’ t-tjubija ta’ Alla li Ġesù ġie biex iwassal lid-dinja.

Infatti, hi l-barka t’Alla li tagħti sustanza lill-awguri li aħna nibdlu f’dawn il-ġranet.  U llum il-liturġija ttina l-barka antika ħafna li biha s-saċerdoti Iżraelti kienu jbierku lill-poplu.  Nisimgħu sewwa, hekk tgħid: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek!  Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena!  Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6,24-26).  Din hi l-barka antika ħafna.

Għal tliet drabiet is-saċerdot itenni isem Alla, “Mulej” u jifrex idejh lejn il-poplu miġbur.  Infatti, fil-Bibbja, l-isem jirrappreżenta l-istess verità li tkun qed tissejjaħ, u b’hekk “it-tqegħid tal-isem” fuq persuna, familja, komunità, jfisser li toffrilhom il-qawwa fejjieda li tfawwar minnu.

F’din l-istess formula, jissemma’ għal darbtejn il-wiċċ, il-wiċċ tal-Mulej.  Is-saċerdot jitlob li Alla “jixħet id-dija” u “jdawru” lejn il-poplu, biex itiħ il-ħniena u l-paċi.

Nafu li skont l-Iskrittura, il-bniedem ma jistax jara wiċċ Alla: ħadd ma jista’ jara wiċċ Alla u jibqa’ jgħejx.  Dan jesprimi t-traxxendenza ta’ Alla, il-kobor bla qies tal-glorja tiegħu.  Imma l-glorja ta’ Alla hi kollha kemm hi mħabba, u għalhekk, filwaqt li dejjem jibqa’ inaċċessibbli, bħax-Xemx li ma tistax tħares lejha, jifrex ir-raġġi mdawwla tal-grazzja tiegħu fuq kull ħlejqa u, b’mod speċjali, fuq l-irġiel u n-nisa li Hu l-aktar jidentifika ruħu magħhom.

Meta waslet il-milja taż-żmien” (Gal 4,4), Alla wera lilu nnifsu fil-wiċċ ta’ bniedem, Ġesù, “imwieled minn mara”.  U hawn induru lura lejn l-ikona tal-festa tal-lum, minn fejn bdejna: l-ikona tal-Omm Qaddisa ta’ Alla, li turina lil Binha, Ġesù Kristu, Salvatur tad-dinja.  Huwa l-barka ta’ kull persuna u tal-familja umana kollha.  Hu, Ġesù, huwa l-għajn tal-grazzja, tal-ħniena u tal-paċi.

Kien għalhekk li l-qaddis Papa Pawlu VI ried li l-ewwel ta’ Jannar ikun il-Jum Dinji tal-Paċi; u llum qed niċċelebraw it-tnejn u ħamsin wieħed bit-tema: Il-politika tajba hi għas-servizz tal-paċi.  F’dan l-impenn ta’ kuljum jalla tgħinna l-Omm Qaddisa ta’ Alla.

Nixtieq li lkoll insellmulha, issa, billi ngħidu għal tlett darbiet: “Omm Qaddisa ta’ Alla”.  Flimkien: “Omm Qaddisa ta’ Alla”, “Omm Qaddisa ta’ Alla”, “Omm Qaddisa ta’ Alla”.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

fil-jum tal-Milied jien wassalt lil Ruma u lid-dinja messaġġ ta’ fraternità.  Illum inġeddu bl-awgurju tal-paċi u l-prosperità.  U kuljum, nitolbu għall-paċi.

Irrodd ħajr lis-Sur President tar-Repubblika tal-Italja għax-xewqat li ndirizzali l-bieraħ. Il-Mulej ibierek dejjem is-servcizz għoli u prezzjuż li hu jagħti lill-poplu Taljan.

L-awguri minn qalbi jmorru speċjalment lejkom, għeżież Rumani u pellegrini li llum tinsabu fi Pjazza San Pietru f’għadd tant kbir!  Donnu hawn xi kanoniżżazzjoni!  Insellem lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni “Paċi fl-artijiet kollha”, organiżżata mill-komunità ta’ Sant’Egidio.  U hawn irrid nesprimi l-apprezzament tiegħi u qrubija lejn l-għadd kbir ta’ inizjattivi ta’ talb u impenn għall-paċi li llum qed isiru f’kull rokna tad-dinja, imnedijin mill-komunitajiet ekkelżjali: niftakar b’mod partikolari f’dik li saret f’Matera lbieraħ filgħaxija.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, il-Mulej jagħtina li nkunu artiġjani ta-paċi – u dan jibda mid-dar, fil-familja: artiġjani tal-paċi – f’kull jum tas-sena l-ġdida.  U nawguralkom mill-ġdid sena tajba u qaddisa. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber