LAQGĦA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU MAL-PARTEĊIPANTI

FIT-TNAX-IL PELLEGRINAĠĠ INTERNAZZJONALI TAL-ABBATINI ORGANIZZAT MIĊ-CŒTUS INTERNATIONALIS MINISTRANTIUM (CIM)

 

Pjazza San Pietru

It-Tlieta 31 ta’ Lulju 2018

 

KELMTEJN TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Għeżież abbatini, il-lejla t-tajba!

 

Qed nieħu gost nara numru tant sabiħ minnkom hawn fi Pjazza San Pietru, imżejna bil-kuluri tal-bnadar tagħkom. Diġà mlejtuni bil-ferħ xħin rajtkom għall-ħabta ta’ nofsinhar, f’din is-sħana kollha: kemm intom kuraġġjużi! Bravi! Għaddejtuli s-sinjali li jiddistingwu l-pellegrinaġġ tagħkom: grazzi mill-qalb! Jien pellegrin magħkom li ġejjin minn ħafna pajjiżi tad-dinja. Aħna magħqudin fil-fidi f’Ġesù Kristu, ninsabu mixjin miegħu, hu l-paċi tagħna. Nirringrazzja lill-President tagħkom Monsinjur Nemet għat-tislima li għamilli f’isimkom. Qalli biex inħeġġiġkom, qalli: “Ermutigen Sie sie, Heiliger Vater!”. Irrid inħeġġiġkom. Għalhekk se nagħti ċ-ċans lilkom, u intom tistaqsu l-mistoqsijiet.

 

MISTOQSIJIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U TWEĠIBIET TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

L-ewwel mistoqsija – Mil-Lussemburgu (taqsima lingwistika Franċiża)

 

Saint-Père, en tant que servants d’autel et aussi comme croyants, nous nous donnons la paix par le signe de la paix pendant la Sainte Messe. Comment pouvons-nous contribuer à faire sortir cette paix également hors des murs de nos églises et ainsi être des bâtisseurs de paix dans nos communautés, dans nos pays, dans nos familles et dans le monde?

 

[Santità, bħala abbatini u bħala persuni li nemmnu, nagħtu l-paċi wieħed lill-ieħor waqt is-sinjal tal-paċi fil-quddiesa. X’nistgħu nagħmlu biex din il-paċi ngħinuha toħroġ anki ’l barra mill-ħitan tal-knejjes tagħna u hekk inkunu bennejja tal-paċi anki fil-komunitajiet tagħna, fil-pajjiżi tagħna, fil-familji tagħna u fid-dinja?]

 

Il-Papa Franġisku:

 

Grazzi! Qed tgħid sewwa: il-paċi u l-quddiesa jimxu id f’id. Qabel l-għoti tas-sinjal tal-paċi, nitolbu lill-Mulej jagħti s-sliem u l-għaqda lill-komunità tal-Knisja. Il-paċi hi r-rigal li hu jagħtina u li tibdilna sabiex aħna, bħala membri tal-ġisem tiegħu, inkunu nistgħu nħossu l-istess sentimenti ta’ Ġesù, u naħsbu kif jaħseb Ġesù! – inħobbu kif iħobb hu. U dan jagħtina l-paċi. U fl-aħħar tal-quddiesa nintbagħtu bil-kliem, “Morru fil-paċi”, jiġifieri: ħudu l-paċi magħkom, biex tgħadduha lill-oħrajn, tgħadduha permezz ta’ ħajjitkom, bit-tbissima, bl-opri ta’ karità. L-impenn konkret għall-paċi jkun qed jipprova l-fatt li aħna veri dixxipli ta’ Ġesù. It-tfittxija għall-paċi tibda mill-affarijiet iż-żgħar. Ngħidu aħna, nistaqsikom din: id-dar, wara ġlieda ma’ ħuti, ningħalaq fija nnifsi, noqgħod bil-geddum, jew nipprova mmidd pass biex nagħmel paċi? Naf nagħmel paċi f’dawn l-affarijiet żgħar? Lest li f’kull sitwazzjoni nistaqsi: “Kieku Ġesù qiegħed floki, x’jagħmel?”. Jekk nagħmlu hekk, u dan nippruvaw inpoġġuh fil-prattika b’konvinzjoni, inkunu qed inwasslu l-paċi ta’ Kristu fil-ħajja ta’ kuljum u nkunu bennejja u strumenti ta’ paċi. Grazzi.

 

It-tieni mistoqsija – Mill-Portugall (taqsima lingwistika Portugiża)

 

Santo Padre, somos acólitos. Servimos o Senhor junto do altar e contemplamo-Lo na Eucaristia. Como poderemos viver a contemplação espiritual a exemplo de Maria e o serviço prático a exemplo de Marta, procurando reconhecer concretamente, na nossa vida, aquilo que Jesus quer de nós?

 

[Santità, aħna abbatini, naqdu lill-Mulej fuq l-altar u nikkontemplawh fl-Ewkaristija. Kif nistgħu ngħixu l-kontemplazzjoni spiritwali fuq l-eżempju ta’ Marija u s-servizz prattiku fuq l-eżempju ta’ Marta, b’mod konkret, filwaqt li nippruvaw nagħrfu xi jrid minna Ġesù f’ħajjitna?]

 

Il-Papa Franġisku:

 

Bħala abbatini intom fil-fatt tista’ tgħid tagħmlu l-esperjenza ta’ Marta u Marija. Ikun sabiħ jekk, barra li toffru s-servizz fil-liturġija, tkunu kapaċi minn banda tieħdu impenn fil-ħajja parrokkjali u mill-banda l-oħra toqogħdu fis-silenzju fil-preżenza tal-Mulej: tagħmluhom it-tnejn li huma. U hekk, f’din in-nisġa ta’ azzjoni u kontemplazzjoni, nagħrfu anki kif fassalna Alla: naraw liema huma t-talenti u l-interessi li Alla jpoġġilna f’qalbna u kif għandna nħaddmuhom; iżda fuq kollox, noqogħdu b’umiltà quddiem Alla, hekk kif aħna verament: kif aħna, mingħajr irtokk, mingħajr ma’ nilbsu ta’ xi ħaġa, kif aħna, quddiem Alla, bil-kwalitajiet u d-difetti, u nitolbuh jurina kif nistgħu naqdu lilu u lill-proxxmu bl-aħjar mod. U tibżgħux tistaqsu għal parir tajjeb meta ma tkunux ċerti kif għandkom taqdu lil Alla u lill-bnedmin li għandhom bżonn l-għajnuna fid-dinja. Ftakru li iktar ma tingħataw lill-oħrajn, iktar se tirċievu lura bis-sħiħ intom stess u tkunu ferħanin! Grazzi.

 

It-tielet mistoqsija – Minn Antigua u Barbuda (taqsima lingwistika Ingliża)

 

Holy Father, as altar servers it makes us sad to see how few of our own age group come to Mass or take part in the life of our parishes.  In some countries, for various reasons, the Church is rapidly losing many young people.  How can we, and our communities, reach out to these people and bring them back to Christ and to the family of the Church?

 

[Santità, aħna li aħna abbatini, insewdu qalbna meta naraw li ftit li xejn żgħażagħ tamparna jieħdu sehem fil-quddiesa u fil-ħajja parrokkjali. Il-Knisja, f’xi pajjiżi, qed titlef b’ritmu mgħaġġel ħafna żgħażagħ, għal raġunijiet differenti. Kif nistgħu aħna, u l-komunitajiet tagħna, nilħqu lil dawn il-persuni u ngħinuhom jerġgħu lura għand Kristu u fil-familja tal-Knisja?]

 

Il-Papa Franġisku:

 

Illum intom, bħala żgħażagħ, tistgħu tkunu appostli li kapaċi jwasslu lill-oħrajn għand Ġesù. Dan jiġri jekk intom stess tkunu mimlijin entużjażmu għalih, għal Ġesù, jekk iltqajtu miegħu, tafuh b’mod personali, u kontu intom qabel kollox li għaddejtu mill-esperjenza li Ġesù rebħilkom qalbkom. Għalhekk ngħidilkom: ippruvaw siru afu u ħobbu dejjem iżjed lill-Mulej Ġesù – irrid nerġa’ ngħidha: ippruvaw siru afu u ħobbu dejjem iżjed lill-Mulej Ġesù –, billi tiltaqgħu miegħu fit-talb, fil-quddiesa, fil-qari tal-Evanġelju, fil-wiċċ taż-żgħar u tal-foqra. U ppruvaw kunu ħbieb ta’ dawk ta’ madwarkom, mingħajr ma tistennew xejn lura, sabiex raġġ mid-dawl ta’ Ġesù jkun jista’ jaslilhom permezz ta’ qlubkom mimlijin imħabba lejh. Għeżież żgħażagħ, m’hemmx bżonn ta’ ħafna kliem, iktar huma importanti l-fatti, li tkunu qrib ta’ dak li jkun, li tagħtu servizz, li tħarsu fis-silenzju lejn is-Sagrament Imqaddes. Iż-żgħażagħ – bħal kulħadd, wara kollox – għandhom bżonn ħbieb li jagħtuhom eżempju tajjeb, li jagħmlu mingħajr ma jippretendu jew jistennew xi ħaġa lura. U b’dan il-mod tgħinuhom iħossu kemm hi sabiħa l-komunità ta’ dawk li jemmnu għaliex il-Mulej jgħammar f’nofshom, kemm hu sabiħ tkun parti mill-familja tal-Knisja. Grazzi.

 

Ir-raba’ mistoqsija – Mill-Ġermanja (taqsima lingwistika Ġermaniża)

 

Heiliger Vater, viele Menschen sagen, sie brauchen Gott, Religion und Kirche nicht in ihrem Leben. Warum sollte man sich gerade für den katholischen Glauben entscheiden, was ist das wichtigste dabei? Und warum ist der Glaube für Sie so wichtig?

 

[Santità, ħafna nies jgħidu li m’għandhomx bżonn lil Alla, lir-reliġjon u lill-Knisja f’ħajjithom. Għaliex għandna nagħżlu proprju l-fidi Kattolika? Liema hi l-aktar ħaġa importanti? U għaliex il-fidi hi daqshekk importanti għalik?]

 

Il-Papa Franġisku:

 

Il-fidi hi essenzjali, il-fidi tagħtini l-ħajja. Nista’ ngħid li l-fidi hija bħall-arja li għandna bżonn biex nieħdu n-nifs. Ma’ kull nifs li nieħdu, ma noqogħdux naħsbu kemm hi bżonnjuża l-arja, iżda meta din tonqos, jew ma tkunx nadifa, nindunaw kemm hi importanti! Il-fidi tgħinna nifhmu s-sens tal-ħajja: hemm xi ħadd li jħobbna bla tarf, u dan ix-xi ħadd huwa Alla. Hu jħobbna b’mod infinit. Nistgħu nagħrfu lil Alla bħala ħallieq u feddej tagħna; inħobbuh u naċċettaw il-ħajja bħala rigal tiegħu. Alla jrid jidħol f’relazzjoni ħajja magħna; irid jibni relazzjonijiet, u aħna msejħin biex nagħmlu l-istess. Ma nistgħux nemmnu f’Alla u naħsbu li aħna l-uniċi wlied tiegħu! L-uniku Iben Waħdieni li għandu Alla huwa Ġesù. Uniku għaliex hu Alla. Iżda fost il-bnedmin, m’hemmx ulied li huma uniċi. Aħsbu f’dan! Aħna lkoll ulied Alla. Aħna msejħin niffurmaw il-familja ta’ Alla, jiġifieri l-Knisja, il-komunità magħmula mill-aħwa ta’ Kristu – aħna “nies tad-dar ta’ Alla”, bħalma jgħid San Pawl (Efes 2:19). U f’din il-familja tal-Knisja, il-Mulej imantni lil uliedu permezz tal-Kelma u tas-Sagramenti tiegħu. Grazzi.

 

Il-ħames mistoqsija – Mis-Serbja (taqsima lingwistika Ungeriża)

 

Szentatya, a mi ministránsi szolgálatunk szép, nagyon szeretjük. Szolgálni akarjuk az Urat és felebarátunkat. De jót tenni nem mindig könnyű, nem vagyunk még szentek. Hogyan fordíthatnánk át szolgálatunkat a mindennapi életben a szeretet konkrét tetteire az életszentség felé vezető úton?

 

[Santità, is-servizz li nagħtu bħala abbatini huwa sabiħ, nieħdu gost ħafna nagħmluh. Irridu naqdu lill-Mulej u lill-proxxmu. Iżda li tagħmel it-tajjeb mhux dejjem faċli, m’aħniex qaddisin. Fil-ħajja ta’ kuljum, kif nistgħu nittraduċu dan is-servizz tagħna f’opri konkreti ta’ karità u f’mixja lejn il-qdusija?]

 

Il-Papa Franġisku:

 

Iva, biex dejjem nagħmlu t-tajjeb u nsiru qaddisin, irridu nbatu. Isma’, it-triq għall-qdusija ma tgħoddx għall-għażżenin: fiha t-tbatija. Qed nara li intom l-abbatini tagħmlu l-almu tagħkom f’din il-mixja. Il-Mulej Ġesù tana programm sempliċi ta’ x’għandna nagħmlu biex nimxu fit-triq tal-qdusija: il-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Irridu nippruvaw inrabbu għeruq sodi fil-ħbiberija ma’ Alla, inkunu grati għall-imħabba tiegħu u mxennqin biex naqduh f’kollox. Hekk ma nkunux nistgħu nagħmlu mod ieħor ħlief li naqsmu mal-oħrajn id-don tal-imħabba tiegħu. U biex jurina b’mod konkret x’inhu dan il-kmandament tal-imħabba, Ġesù wriena liema huma l-opri tal-ħniena. Nixtieq kieku nistaqsikom hawn jekk hux kull wieħed minnkom jaf x’inhuma l-opri tal-ħniena. Ċert li l-isqfijiet tagħkom għallmuhomlkom. Imma intom tafuhom tajjeb? Liema huma l-opri tal-ħniena? Jekk ma tafuhomx, kif tistgħu twettquhom? Importanti: l-opri tal-ħniena. Huma triq iebsa, imma li kulħadd jista’ jimxiha. Biex twettaq opra tal-ħniena, m’hemmx bżonn li tmur l-università jew tiggradwa. Ilkoll, ilkoll nistgħu nagħmlu l-opri tal-ħniena. Kulħadd jista’ jasal jagħmilhom. Jeħtieġ biss li kull wieħed u waħda minna jistaqsi lilu nnifsu: “X’nista’ nagħmel jien, illum, biex ngħin lill-proxxmu fil-bżonnijiet tiegħu?”. Lil dan il-proxxmu: lil ħuti, lill-papà tiegħi, lill-mamà, lin-nanniet, lil ħbiebi, lill-foqra, lill-morda…; imma wieħed wieħed, kuljum. Jien x’nista’ nagħmel biex ngħin lill-proxxmu fil-bżonnijiet tiegħu? Ma tagħmilx differenza jekk hux ħabib tiegħi jew xi ħadd li ma nafux, hux ġej mill-pajjiż tiegħi jew barrani, huwa proxxmu. Emmnuni, jekk tagħmlu hekk, tistgħu tassew issiru qaddisin, nisa u rġiel li jibdlu d-dinja billi jgħixu l-imħabba ta’ Alla. Veru, mhux faċli, jeħtieġ inbatu. Imma, ftakru, se nerġa’ ngħidha: it-triq għall-qdusija ma tgħoddx għall-għażżenin.

 

Nirringrazzjakom għal din il-laqgħa!

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

“Agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla”: hekk jgħidilna San Pawl fil-qari li għadna kif smajna. Naqdu lill-glorja ta’ Alla f’dak kollu li nagħmlu; dan għandu jkun il-kriterju fundamentali tal-aġir tagħna, dan jiġbor fih dak kollu li jfisser ngħixu l-ħbiberija ma’ Ġesù. Din għandha tkun il-boxxla tagħna meta niġu biex nagħżlu li nagħmlu t-tajjeb; tgħinna nisimgħu l-vuċi ta’ Alla fina, li tkellimna fil-kuxjenza sabiex inkunu kapaċi nagħrfu r-rieda tiegħu. Il-glorja ta’ Alla hija d-direzzjoni t-tajba li turina l-boxxla tal-kuxjenza tagħna.

 

San Pawl ikellimna wkoll dwar kriterju ieħor: nippruvaw nogħġbu lil kulħadd f’kollox sabiex dawn isalvaw. Aħna lkoll ulied Alla, għandna l-istess xewqat, ħolm u ideali. Kultant xi wħud jesperjenzaw xi delużjoni; ejja nkunu aħna li nippruvaw nerġgħu nġibu d-dawl f’ħajjithom, ngħaddulhom ftit tal-ferħ. Hekk ikun iktar faċli li ngħixu fil-paċi u nixhdu għall-imħabba ta’ Alla u l-ferħ tal-fidi fil-ħajja ta’ kuljum. Hija l-koerenza tagħna li tista’ twassal lil ħutna jagħrfu lil Ġesù Kirstu u fih jaraw l-uniku salvatur u t-tama tad-dinja.

 

Forsi tistaqsu: “Dan kif nista’ nagħmlu jien? Mhix biċċa xogħol tqila wisq?”. Veru, hija missjoni kbira, imma tistgħu tagħmluha. San Pawl ikompli jħeġġiġna: “Ixbhu lili, bħalma jien nixbah lil Kristu”. Iva, nistgħu ngħixu din il-missjoni billi nippruvaw nixbhu lil Ġesù bħalma għamlu l-appostlu Pawlu u l-qaddisin kollha. Nimitaw lill-qaddisin, li huma Evanġelju ħaj, għaliex kienu kapaċi jgħixu l-messaġġ ta’ Kristu fil-ħajja tagħhom. Il-qaddis tal-lum, Injazju ta’ Loyola, li meta kien suldat żagħżugħ kellu f’moħħu biss il-glorja tiegħu nnifsu, meta wasal iż-żmien opportun, ħass il-ġibda lejn il-glorja ta’ Alla, u għaraf li hemm kien iċ-ċentru u s-sens tal-ħajja. Ejja nippruvaw nixbhu lill-qaddisin; ejja nagħmlu kollox għar-rieda ta’ Alla u biex isalvaw ħutna. Iżda, attenti biex ma tinsewx: f’din it-triq fejn nimxu wara l-qaddisin, f’din it-triq lejn il-qdusija, m’hemmx post għaż-żgħażagħ għażżenin. Nirringrazzjakom!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona