Għeżież ħuti,

 

Il-lejla tlabna flimkien permezz tar-Rużarju Mqaddes; għexna mill-ġdid xi ġrajjiet mill-mixja ta’ Ġesù, tas-salvazzjoni tagħna, u dan għamilnieh ma’ Dik li hi l-Omm tagħna, Marija, Dik li b’dirgħajn sodi tmexxina lejn Binha Ġesù.  Marija dejjem tmexxina lejn Ġesù.  Il-lum qed niċċelebraw il-festa taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija lil qaribtha Eliżabetta.  Nixtieq nimmedita magħkom fuq dan il-misteru li juri kif Marija taffronta l-mixja tal-ħajja tagħha, b’realiżmu, umanità u konkretezza kbira.

 

Hemm tliet kelmiet li jiġbru fihom l-imġiba ta’ Marija: smigħ, deċiżjoni, azzjoni.  Huma kelmiet li jindikaw għalina wkoll it-triq quddiem dak li qed jitlob minna l-Mulej fil-ħajja.  Smigħ, deċiżjoni, azzjoni.

 

1. Smigħ.  Mnejn ġej il-ġest ta’ Marija li tmur għand qaribtha Eliżabetta?  Minn kelma li qalilha l-Anġlu ta’ Alla: “Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf…” (Lq 1:36).  Marija taf tisma’ lil Alla.  Attenti: hawn m’humiex widnejha biss li qed “jisimgħu”, smigħ superfiċjali, imma dan hu s-“smigħ” b’attenzjoni, fejn hi tilqa’ lil Alla u hi miftuħa għalih.  M’hux il-mod distratt li bih xi kultant aħna nersqu quddiem il-Mulej jew l-oħrajn: il-kliem jgħaddi minn għala widnejna, imma ma nkunux qegħdin nisimgħuh tassew.  Marija hi attenta għal Alla, tisimgħu lil Alla.  Imma Marija tisma’ wkoll il-fatti, jiġifieri taqra l-ġrajjiet ta’ ħajjitha, hi attenta għar-realtà konkreta u ma tiqafx mal-qoxra, imma tinżel fil-fond, biex tifhem it-tifsira vera.  Qaribtha Eliżabetta, li hi diġà mdaħħla fiż-żmien, qed tistenna tifel: dan hu l-fatt.  Imma Marija hi attenta għat-tifsira, taf tifhimha: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37).

 

Dan jgħodd ukoll f’ħajjitna: nisimgħu lil Alla li qed jitkellem, u nisimgħu wkoll ir-realtà ta’ kuljum, inkunu attenti għall-persuni, għall-fatti, għax il-Mulej jinsab fil-bieb ta’ ħajjitna u qed iħabbat b’ħafna modi, iqegħdilna sinjali tul il-mixja tagħna; u jagħtina l-kapaċità li narawhom.  Marija hi l-omm tas-smigħ, smigħ attent ta’ Alla u smigħ daqstant ieħor attent tal-ġrajjiet tal-ħajja.

 

2. It-tieni kelma: deċiżjoni.  Marija ma tgħixx ħajja “mgħaġġla”, bla nifs, imma, kif jgħidilna San Luqa, “kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (ara Lq 2:19,51).  U anki fil-mument deċiżiv tat-Tħabbira ta’ l-Anġlu, Hi tistaqsi: “Kif ikun dan?” (Lq 1:34).  Imma lanqas tieqaf mal-mument tar-riflessjoni; tmidd pass ieħor ’il quddiem: tiddeċiedi.  Ma tgħixx dejjem mgħaġġla, biss meta tħoss il-ħtieġa “tmur tħaffef”.  Marija ma tħallix il-ġrajjiet ta’ madwarha jkaxkruha magħhom huma, ma taħrabx l-iebes tad-deċiżjoni.  U dan iseħħ kemm fl-għażla fundamentali li tibdlilha ħajjitha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej…” (ara Lq 1:38), u kemm fl-għażliet iżjed ta’ kuljum, imma li huma wkoll għanja fit-tifsira tagħhom.  Jaħbat ma’ moħħi l-episodju tat-tieġ ta’ Kana (ara Ġw 2:1-11): anki hawn jidhru r-realiżmu, l-umanità, il-konkretezza ta’ Marija, li hi attenta għall-fatti, għall-problemi; tara u tifhem id-diffikultajiet ta’ dawk l-għarajjes żgħażagħ li jonqoshom l-inbid tal-festa, tirrifletti u taf li Ġesù jista’ jagħmel xi ħaġa, u tiddeċiedi li ddur għand Binha biex jindaħal hu: “M’għandhomx inbid” (ara v. 3).  Tiddeċiedi.  Fil-ħajja diffiċli tieħu deċiżjonijiet, u spiss nittentaw inħalluhom għal iżjed tard, inħallu li oħrajn jiddeċiedu għalina, spiss nippreferu nħallu l-ġrajjiet ikaxkruna magħhom, nimxu mal-moda tal-mument; kultant nafu x’inhu dak li għandna nagħmlu, imma m’għandniex il-kuraġġ jew jidhrilna iebes wisq għax ifisser li rridu mmorru kontra l-kurrent.  Marija fit-Tħabbira, fil-Viżitazzjoni, fit-tieġ ta’ Kana tmur kontra l-kurrent, Marija tmur kontra l-kurrent; tisma’ xi jrid jgħidilha Alla, tirrifletti u tfittex li tifhem ir-realtà, u tiddeċiedi li tafda ruħha għal kollox f’idejn Alla, tiddeċiedi li, għalkemm tqila, tmur iżżur lill-qariba xwejħa tagħha, tiddeċiedi li b’insistenza tafda ruħha f’idejn Binha biex issalva l-ferħ tal-festa tat-tieġ.

 

3. It-tielet kelma: azzjoni.  Marija titlaq fuq vjaġġ u “marret tħaffef…” (ara Lq 1:39).  Il-Ħadd li għadda waqaft nitkellem fuq dan l-atteġġjament ta’ Marija: minkejja d-diffikultajiet, il-kritika li aktarx laqqtet minħabba fid-deċiżjoni tagħha li titlaq, lilha ma jwaqqafha xejn.  U hawn titlaq “tħaffef”.  Fit-talb, quddiem il-Mulej li jitkellem, fir-riflessjoni u l-meditazzjoni dwar il-fatti tal-ħajja tagħha, Marija m’hi qatt mgħaġġla, ma tħalli xejn jgħaġġilha, ma tħallix il-ġrajjiet ta’ madwarha jkaxkruha.  Imma meta għandha ċar f’moħħha dak li Alla qed jitlob minnha, jiġifieri x’għandha tagħmel, ma titnikkirx iżjed, ma taħlix żmien, imma titlaq “tħaffef”.  San Ambroġ jikkummenta: “Il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu ma tippermettix dewmien” (Expos. Evang. sec. Lucam, II, 19: PL 15,1560).  L-imġiba ta’ Marija hi konsegwenza ta’ l-ubbidjenza tagħha għall-kelmiet ta’ l-Anġlu, imma magħquda mal-karità: tmur għand Eliżabetta biex tagħtiha daqqa t’id; u f’dan hi toħroġ minn darha, minnha nfisha, għall-imħabba, biex twassal dak li għandha l-iżjed għażiż għaliha: Ġesù; tieħu magħha lil Binha.

 

Xi kultant, aħna wkoll nieqfu biex nisimgħu, nirriflettu fuq dak li għandna nagħmlu, forsi jkollna wkoll ċara f’moħħna d-deċiżjoni li rridu nieħdu, imma ma nagħmlux il-passaġġ għall-azzjoni.  U fuq kollox nibqgħu lura milli nqiegħdu f’riskju lilna nfusna billi “inħaffu” lejn l-oħrajn biex inwassluhom l-għajnuna tagħna, il-komprensjoni tagħna, il-karità tagħna; biex aħna wkoll, bħal Marija, inwasslulhom dak li għandna l-iżjed għażiż u li aħna rċivejna, Ġesù u l-Vanġelu tiegħu, bil-kelma u fuq kollox bix-xhieda konkreta ta’ l-imġiba tagħna.  Marija, il-mara tas-smigħ, tad-deċiżjoni, ta’ l-azzjoni.

 

Marija, mara tas-smigħ, agħmel li widnejna jkunu miftuħa; agħmel li nitgħallmu nisimgħu l-Kelma ta’ Ibnek Ġesù qalb il-ħafna kliem ta’ din id-dinja; agħmel li nagħrfu nisimgħu r-realtajiet li fihom ngħixu, lil kull persuna li magħha niltaqgħu, speċjalment dik li hi fqira, fil-bżonn, f’diffikultà.

 

Marija, mara tad-deċiżjoni, dawwal il-moħħ tagħna u l-qalb tagħna, biex nagħrfu nobdu l-Kelma ta’ Ibnek Ġesù, bla tnikkir; agħtina l-kuraġġ tad-deċiżjoni, biex ma nitkaxkrux mill-kurrent ta’ oħrajn li jmexxulna ħajjitna huma.

 

Marija, mara ta’ l-azzjoni, agħmel li jdejna u riġlejna jmorru “iħaffu” lejn l-oħrajn, biex iwasslu l-karità u l-imħabba ta’ Ibnek Ġesù, biex iwasslu, kif għamilt int, id-dawl tal-Vanġelu fid-dinja.  Amen.

 

* * *

 

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Papa sellem lill-fidili b’dan il-mod:

 

Nirringrazzjakom għal dan ir-Rużarju li tlabna flimkien, għal din il-komunjoni madwar l-Omm tagħna.  Ħa tberikna lkoll, u tagħmilna iżjed aħwa ta’ xulxin.  Il-lejl it-tajjeb u jalla jkollkom mistrieħ it-tajjeb!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard