IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 29 ta’ Awwissu 2018

 

Vjaġġ Appostoliku fl-Irlanda

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra għamilt vjaġġ fl-Irlanda biex nieħu sehem fil-Laqgħa Dinjija tal-Familji: jien żgur li intom segwejtuh fuq it-televiżjoni. Bil-preżenza tiegħi ridt fuq kollox nikkonferma l-familji Nsara fil-vokazzjoni u l-missjoni tagħhom. L-eluf ta’ familji – miżżewġin, nanniet, ulied – li ġew Dublin, bil-varjetà kollha tal-lingwi, il-kulturi u l-esperjenzi tagħhom, kienu sinjal elokwenti tal-ġmiel tal-ħolma ta’ Alla għall-familja kollha tal-bnedmin. U dan aħna nafuh: il-ħolma ta’ Alla hi l-għaqda, l-armonija u l-paċi, fil-familji u fid-dinja, frott tal-fedeltà, tal-maħfra u tar-rikonċiljazzjoni li hu tana fi Kristu. Hu jsejjaħ lill-familji biex jieħdu sehem f’din il-ħolma u jagħmlu mid-dinja dar fejn ħadd ma jkun waħdu, ħadd ma jkun mhux mixtieq, ħadd ma jkun eskluż. Aħsbu sew f’dan: dak li jrid Alla hu li ħadd ma jkun waħdu, ħadd ma jkun mhux mixtieq, ħadd ma jkun eskluż. Għalhekk xerqet ħafna t-tema ta’ din il-Laqgħa Dinjija. Kienet hekk: “Il-Vanġelu tal-familja, ferħ għad-dinja”.

 

Jien grat ħafna lejn il-President tal-Irlanda, lejn il-Prim Ministru, lejn id-diversi awtoritajiet governattivi, ċivili u reliġjużi, u lejn il-ħafna persuni ta’ kull livell li għenu fit-tħejjija u t-twettiq tal-mumenti ta’ din il-Laqgħa. U grazzi ħafna lill-Isqfijiet, li ħadmu ħafna. Meta kellimt lill-Awtoritajiet, fil-Kastell ta’ Dublin, sħaqt li l-Knisja hi familja ta’ familji, u li, bħal ġisem, twieżen dawn iċ-ċelluli tagħha fir-rwol indispensabbli tagħhom għall-iżvilupp ta’ soċjetà fraterna u solidali.

 

Spikkat tassew f’dawn il-jiem ix-xhieda ta’ mħabba konjugali mogħtija minn koppji ta’ kull età. L-istejjer tagħhom fakkruna li l-imħabba taż-żwieġ hi don speċjali ta’ Alla, li rridu nieħdu ħsiebu ta’ kuljum fil-“knisja tad-dar” li hi l-familja. Kemm għandha bżonn id-dinja ta’ rivoluzzjoni ta’ mħabba, ta’ rivoluzzjoni ta’ ħlewwa, li ssalvana minn din il-kultura tal-proviżorju! U din ir-rivoluzzjoni tibda fil-qalb tal-familja.

 

Fil-Pro-Katidral ta’ Dublin iltqajt mal-koppji miżżewġa impenjati fil-Knisja u tant koppji ta’ żgħażagħ miżżewġa, u ħafna tfal żgħar. Imbagħad iltqajt ma’ xi familji li qed jaffrontaw sfidi u diffikultajiet partikulari. Grazzi għall-Patrijiet Kapuċċini, li dejjem jinsabu qrib tal-poplu, u għall-familja iktar wiesgħa tal-Knisja, huma jħossu s-solidarjetà u t-tweżin li huma frott tal-imħabba.

 

Il-qofol taż-żjara tiegħi kienet il-festa kbira mal-familji, is-Sibt filgħaxija, fl-istadju ta’ Dublin, u mbagħad il-Ħadd il-Quddiesa f’Phoenix Park. Fil-Velja smajna xhieda li jmissu ħafna l-qalb, ta’ famiji li batew minħabba fil-gwerer, familji mġedda mil-maħfra, familji li l-imħabba salvathom miċ-ċirku vizzjuż tad-dipendenzi, familji li tgħallmu jużaw tajjeb il-mowbajls u t-tablets u jagħtu prijorità liż-żmien li jqattgħu flimkien. U ħareġ il-valur tal-komunikazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet u r-rwol speċifiku li għandhom in-nanniet fit-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-familji u biex jgħaddu t-teżor tal-fidi. Illum – diffiċli ngħiduha – imma donnu li n-nanniet saru jdejquna. F’din il-kultura tal-iskart, in-nanniet jiġu “skartati”, imbiegħda. Imma n-nanniet huma l-għerf, huma l-memorja ta’ poplu, il-memorja tal-familji! U n-nanniet għandhom jgħaddu din il-memorja lin-neputijiet iż-żgħar. Iż-żgħażagħ u t-tfal għandhom jitkellmu man-nanniet biex imexxu ’l quddiem l-istorja. Nitlobkom: lin-nanniet tarmuhomx. Żommuhom qrib ta’ wliedkom, tan-neputijiet.

 

Il-Ħadd filgħodu għamilt il-pellegrinaġġ lejn is-Santwarju Marjan ta’ Knock, hekk għażiż għall-poplu Irlandiż. Hemm, fil-kappella mibnija fuq il-post ta’ dehra tal-Verġni Mbierka, fdajt fi ħdan il-ħarsien tagħha ta’ omm lill-familji kollha, b’mod partikulari dawk tal-Irlanda. U mqar jekk il-vjaġġ tiegħi ma kienx jinkludi żjara lill-Irlanda ta’ Fuq, bgħatt tislima minn qalbi lill-poplu tagħha u ħeġġiġt għall-proċess tar-rikonċiljazzjoni, paċifikazzjoni, ħbiberija u koperazzjoni ekumenika.

 

Din iż-żjara tiegħi fl-Irlanda, barra l-ferħ kbir, kellha wkoll tkun mgħobbija bl-uġigħ il-qalb u n-niket għat-tbatijiet ikkawżati f’dak il-pajjiż minħabba bosta xorta ta’ abbużi, anki min-naħa ta’ membri tal-Knisja, u għall-fatt li l-awtoritajiet ekkleżjastiċi fil-passat mhux dejjem għarfu jaffrontaw b’mod xieraq dawn l-atti kriminali. Ħalliet sinjal qawwi l-laqgħa ma’ xi vittmi tal-abbuż – kienu tmienja –; u tlabt iktar minn darba maħfra lill-Mulej għal dawn id-dnubiet, għall-iskandlu u s-sens ta’ tradiment li ħolqu. L-Isqfijiet Irlandiżi bdew mixja serja ta’ purifikazzjoni u rikonċiljazzjoni ma’ dawk li ġarrbu abbużi, u bl-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali waqqfu serje ta’ normi ibsin biex jiggarantixxu l-ħarsien taż-żgħażagħ. U mbagħad, fil-laqgħa tiegħi mal-Isqfijiet, ħeġġiġthom fl-isforz tagħhom biex jagħmlu tajjeb għall-fallimenti tal-passat b’onestà u kuraġġ, b’fiduċja fil-wegħdiet tal-Mulej u fil-fidi qawwija tal-poplu Irlandiż, biex iniedu staġun ta’ tiġdid tal-Knisja fl-Irlanda. Fl-Irlanda hemm il-fidi, hemm nies ta’ fidi: fidi b’għeruq kbar. Imma tridu ngħidilkom ħaġa? Ftit hemm vokazzjonijiet għas-saċerdozju. Kif inhi din li din il-fidi mhix twassal għal dan? Minħabba f’dawn il-problemi, l-iskandli, tant ħwejjeġ… Jeħtieġ nitolbu lill-Mulej biex jibgħat saċerdoti qaddisa fl-Irlanda, jibgħat vokazzjonijiet ġodda. U dan se nagħmluh flimkien, billi nitolbu “Sliema” lill-Madonna ta’ Knock. [Jgħid is-Sliema]. Mulej Ġesù, ibagħtilna saċerdoti qaddisin.

 

Għeżież ħuti, il-Laqgħa Dinjija tal-Familji f’Dublin kienet esperjenza profetika, ta’ faraġ, ta’ tant familji impenjati fit-triq evanġelika taż-żwieġ u tal-ħajja tal-familja; familji dixxipli u missjunarji, ħmira ta’ tjieba, qdusija, ġustizzja u paċi. Ejjew ma ninsewx lil tant familji – ħafna! – li qed jgħixu l-ħajja tal-familja tagħhom, tal-ulied, b’fedeltà, li jitolbu maħfra meta jinqalgħu l-problemi. Ninsew għax illum saret moda fuq ir-rivisti, fuq il-ġurnali, nitkellmu hekk: “Dan iddivorzja lil din… Dik lil dak… U s-separazzjoni…”. Imma jekk jogħġobkom: din ħaġa kerha. Hu minnu: jien nirrispetta lil kulħadd, irridu nirrispettaw in-nies, imma l-ideali mhuwiex id-divorzju, l-ideali mhix is-separazzjoni, l-ideali mhix il-qerda tal-familja. L-ideal hu l-familja magħquda. Hekk nimxu ’l quddiem: dan hu l-ideal!

 

Il-Laqgħa Dinjija tal-Familji li jmiss se tinżamm Ruma fl-2021. Nafdawhom kollha taħt il-ħarsien tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, biex id-djar, il-parroċċi u l-komunitajiet tagħhom jistgħu jkunu tassew “ferħ għad-dinja”.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard