Il-misteru tal-paċenzja ta’ Alla

Il-Ġimgħa, 28 ta’ Ġunju 2013

 

Ma jeżistix protokoll tal-azzjoni ta’ Alla fuq ħajjitna,” imma nistgħu nibqgħu ċerti li, ħin jew ieħor, huwa jintervieni “kif jaf hu.” Minħabba f’hekk mhemmx għalfejn nitilfu sabarna jew nintlew xettiċiżmu, ukoll għaliex meta niskuraġġixxu ruħna u “niddeċiedu li ninżlu minn fuq is-salib, dan nagħmluh dejjem ħames minuti qabel ir-rivelazzjoni.” Din hija l-istedina biex inkunu nafu naċċettaw u nagħrfu l-mumenti ta’ Alla dak li l-Papa għadda waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu 28 ta’ Ġunju, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae. Fost il-preżenti, l-istaff tad-Direzzjoni tas-Sanità u l-Iġjene tal-Governatorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, immexxi mid-direttur Patrizio Polisca.

Alla jimxi dejjem magħna “u dan huwa sikur” qal il-Papa. “Mill-ewwel waqt tal-ħolqien - spjega - il-Mulej iddeffes magħna. Ma ħoloqx id-dinja, il-bniedem, il-mara, u ħallihom weħedhom. Ħalaqna xbiha u xebħ tiegħu.” Mela, sa mill-bidu taż-żmenijiet hemm “dan il-konvolġiment tal-Mulej f’ħajjitna, fil-ħajja tal-poplu tiegħu,” għaliex “il-Mulej huwa qrib il-poplu tiegħu, ħafna qrib. Hu nnifsu jgħid: liema poplu fuq l-art għandu Alla tant qrib tiegħu?”

“Dan il-qrib tal-Mulej - saħaq il-Papa Francesco - huwa sinjal ta’ mħabbtu: hu jħobbna tant li ried jimxi magħna. Il-ħajja hija mixja li hu ried jagħmilha flimkien magħna.. U dejjem il-Mulej jidħol f’ħajjitna u jgħinna nimxu ‘l quddiem.” Imma, ippreċiża, “meta l-Mulej jiġi, mhux dejjem jagħmel dan bl-istess mod. Ma jeżisti ebda protokoll tal-azzjoni ta’ Alla fuq ħajjitna. Kultant dan jagħmlu mod, u kultant jagħmlu mod ieħor. Imma jagħmlu dejjem. Dejjem hemm din il-laqgħa bejnna u l-Mulej.”

Fis-silta tal-vanġelu ta’ Mattew (8, 1-4) tal-liturġija tal-jum “rajna - ġibed l-attenzjoni l-Qdusija Tiegħu - kif il-Mulej dlonk jidħol fil-ħajja ta’ dan il-lebbruż.” L-evanġelista jirrakkonta li “meta Ġesù niżel minn fuq il-muntanja folla kbira marret warajh. U hekkhu, jersaq lejh il-lebbruż, inxteħet quddiemu u qallu: ‘Mulej, jekk trid, tistà tnaddafni.’ Firex idu u messu waqt li qallu: ‘Irrid!’” Mela Ġesù jintervieni “minnufih: it-talba u l-miraklu.”

Għall-kuntrarju fl-ewwel qari, meħud mill-ktieb tal-Ġenesi (17, 1.9-10.15-22), “naraw - spjega l-Papa - kif il-Mulej jidħol fil-ħajja ta’ Abram pass wara pass, bil-mod. Meta Abram kellu disgħa u tmenin sena,” Alla kien assikurah bit-twelid ta’ iben. “Illum qrajna li ta’ disgħa u disgħin sena, għaxar snin wara, iwegħdu iben. Għaddew għaxar snin. L-għorrief jgħidulna: għall-Mulej jum qisu elf sena u elf sena qishom jum” saħaq il-Papa.

“ Il-Mulej - kompla - isegwi dejjem il-mod tiegħu biex jidħol f’ħajjitna. Bosta drabi dan jagħmlu hekk bil-mod li aħna nkun nissugraw li nitilfu ftit is-sabar: ‘imma, Mulej, meta?’ U nitolbu u nitolbu, imma l-intervent tiegħu fuq ħajjitna ma jasalx.” Drabi oħra, minflok, “naħsbu dwar dak li l-Mulej ikun wegħdna, imma huwa hekk kbir li kważi kważi nitilfu l-kredulità tagħna, nsiru xettiċi, u bħal Abram ftit jew wisq bil-moħbi nitbissmu.”

Infatti s-silta tal-Ġenesi “tghidilna li Abram jaħbi wiċċu u jitbissem. Ftit tax-xettiċiżmu: ‘Ma kif jien, ta’ kważi mitt sena, jkolli tifel u marti ta’ disgħin sena jkollha iben!’” U “l-istess - żied il-Papa - tagħmel Sara ħdejn il-Querce di Mamre meta t-tliet anġli” jtennu l-aħbar “lil Abram waqt li hija kienet ftit jew wisq moħbija hejn il-fetħa tat-tinda: sikur li kienet qiegħda tispija biex tisma dwar xiex kienu qegħdin jitkellmu l-irġiel, imma dan minn dejjem ġara... U hi, meta semgħet dan, tbissmet. Tbissima ta’ xettiċiżmu.”

L-istess jiġri lilna, kif  innota l-Papa Francesco: “Kemm drabi, meta l-Mulej ma jiġix, ma jagħmilx il-miraklu u ma jagħmlilniex dak li nkunu rridu li hu jagħmel, insiru jew bla sabar - ‘imma ma jagħmlux! - jew xettiċi: ‘ma jistax jagħmlu!’”

“Il-Mulej jieħu l-ħin tiegħu - kompla l-Papa - imma hu wkoll, f’dan ir-rapport magħna, għandu tant sabar. Mhux aħna biss hemm bżonn li jkollna l-paċenzja. Huwa għandu, huwa jistenniena. U jistenniena sa tmiem il-ħajja, flimkien mal-ħalliel it-tajjeb li propju propju fl-aħħar għaraf lil Alla. Il-Mulej jimxi magħna, imma bosta drabi ma jħalliniex narawh, bħal fil-każ tad-dixxipli ta’ Emmaws.”

“Il-Mulej - reġà qal il-Qdusija Tiegħu - huwa mdeffes f’ħajjitna, dan sikur, imma bosta drabi ma narawhx. U dan jitlobna paċenzja. Imma l-Mulej, li jimxi magħna, ukoll hu għandu tant sabar magħna: il-misteru tal-paċenzja ta’ Alla li, fil-mixi, jimxi bil-pass tagħna.”

“Xi daqqiet - spjega l-Papa Francesco - fil-ħajja l-affarijiet isiru tassew mdallma. Ikun hemm tant dlam. U aħna jkollna aptit, jekk inkunu fid-diffikultà, li ninżlu mis-salib. U dan huwa l-mument preċiż: il-lejl huwa l-iktar mudlam meta t-tbexbix ikun fil-qrib.U dejjem, meta aħna ninżlu mis-salib, dan nagħmluh ħames minuti qabel ma tasal ir-rivelazzjoni. Huwa l-waqt tal-ikbar nuqqas ta’ sabar.” Hawn jiġi bħala għajnuna t-tagħlim ta’ Ġesù, li “fuq is-salib ħassu li kienu qegħdin jisfidawh: ‘inżel, inżel, ejja!’”  Trid għalhekk “sabar sal-aħħar, għaliex hu għandu sabar magħna. Hu jidħol dejjem. Huwa mdeffes magħna. Dan iżda jagħmlu kif jaf hu u meta hu jaħseb li huwa l-aħjar, jgħidilna biss dak li qal lil Abram: ‘Imxi fil-preżenza tiegħi u kun perfett, kun bla tebgħa:’ din hija propju l-kelma eżatta.”

Il-Papa temm l-omelija billi talab lill-Mulej  sabiex jagħti l-grazzja lil kulħadd li ‘jimxi dejjem fil-preżenza tiegħu billi jfittex li jkun bla tebgħa. Din hija l-mixja mal-Mulej u hu jintervieni, imma rridu nistennew: nistennew il-mument waqt li nimxu dejjem fil-preżenza tiegħu u nfittxu li nkunu bla tebgħa.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.