Omelija tat-Tlieta, 28 ta' Mejju 2013

Is-salarju tan-nisrani.

 

It-tbatija hija parti mill-ħajja; imma għan-nisrani, msejjaħ biex isegwi l-istess triq ta’ Kristu, din issir valur miżjud. Iktar u iktar meta tippreżenta ruħha taħt forma ta’ persekuzzjoni, minħabba l-ispirtu tad-dinja li ma tittollerax ix-xhieda nisranija. Din hija fil-qosor ir-riflessjoni tal-Papa waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella ta’ Domus Sanctae Martae, it-Tlieta filgħodu, 28 ta’ Mejju 2013. Waqt li kkummenta l-Vanġelu tal-jum (Marku, 10, 28-31), il-Papa reġà qabad ir-riflessjoni dwar id-djalogu ta’ Ġesù maż-żagħżugħ għani li kien staqsieh kif jikseb il-ħajja eterna. Fil-fatt fakkar li Pietru kien semà t-twissijiet ta’ Ġesù rigward l-għana, li tirrendi “tant difficli d-dħul fir-renju ta’ Alla”.

Wara l-kliem tal-Mulej, Pietru jistaqsieh: “Kollox sew, imma aħna ħallejna kollox għalik. X’se jkun is-salarju? Kif se jkun il-premju?” It-tweġiba ta’ Ġesù forsi “hija ftit jew xejn ironika: imma iva, anke int u intom ilkoll li tlaqtu lil darkom, lil ħutkom, lil ommkom, lil uliedkom, l-għelieqi tagħkom, ikollkom mitt darba iktar minn dawn”; imma dawn tiksbuhom minħabba li tridu taffrontaw “il-persekuzzjoni”, deskritta bħala s-salarju, jew aħjar “il-pagament tad-dixxiplu”.

Għal min isegwih Gesù jassikura l-appartenenza għall-“familja tal-insara” u jfakkar li “aħna lkoll aħwa”. Imma jwissi wkoll li se “jkun hemm il-persekuzzjonijiet, id-diffikultajiet”, waqt li regà dar fuq l-istess suġġett: “Min jimxi warajja, hemm bżonn li jagħmel l-istess triq li għamilt jien”. Triq, spjega l-Papa, li twassal biex tbaxxik u li “tintemm fuq is-salib. Ikun hemm dejjem id-diffikultajiet li jiġu mid-dinja u l-persekuzzjonijiet, għaliex huwa għamel din it-triq l-ewwel wieħed. Meta nisrani ma jkollux diffikultajiet fil-ħajja u kollox imur sew, kollox ikun sabiħ, xi ħaġa tkunx flokha”. Ikollok taħseb li hu jkun ċeda għat-tentazzjoni li jsewgwi l-ispirtu tad-dinja milli pjuttost lil Ġesù.

Li ssegwi lill-Mulej, irripeta l-Isqof ta’ Ruma, ifisser li dan tagħmlu sal-aħħar. Il-Mixja wara Kristu ma tistax tibqà biss espressjoni kulturali. Wisq inqas tistà tkun mod kif takkjwista l-poter. Rigward dan il-Papa osserva li “l-istorja tal-Knisja hija mimlija b’dan, ibda minn diversi imperaturi; imbagħad tant mexxejja, tant persuni. U wkoll xi wħud – ma rridx ngħid bosta - saċerdoti, diversi isqfijiet. Mhumiex bosta, imma xi wħud jaħsbu li ssegwi lil Ġesù huwa li tagħmel karriera”. Dan kunċett, qal il-Papa Francesco, li fil-letteratura ta’ żmien ilu setgħet tinstab fil-bijografiji tal-qaddisin, fejn wieħed kien imdorri jaqra li “minn tifel kellu x-xewqa li jaqbad il-karriera ekkleżjastika. Hekk kien jingħad, kien mod kif jingħad. Imma bosta nsara ttentati mill-ispirtu tad-dinja - żied il-Papa - jaħsbu li, li ssegwi lil Ġesù hija ħaġa tajba għaliex “hekk tkun tistà tagħmel karriera, tistà timxi ‘l quddiem”. Bdanakollu, “dak mhux l-Ispirtu”: dan hu pjuttost l-atteġġjament ta’ Pietru, li jistaqsi: “U aħna x’karriera se nagħmlu?” It-tweġiba ta’ Ġesù iżda hija: “Iva, nagħtik kollox, bil-persekuzzjoni”.

Mhux possibbli — ikkummenta l-Isqof ta’ Ruma — “li twarrab is-salib mit-triq ta’ Ġesù, jinsab dejjem hemm”. Bla dubju n-nisrani m’għandu qatt jagħmel ħażin. “Mhux hekk” speċifika minħabba f’hekk, waqt li żied: “In-nisrani isegwi lil Ġesù b’imħabba u meta jsegwi lil Ġesù b’imħabba, l-għira tax-xitan tant twettaq ħwejjeġ. L-ispirtu tad-dinja dan ma jittollerahx, ma jittollera l-ebda xhieda. Aħsbu dwar Madre Teresa”, meqjusa bħala figura pożittiva li “tant wettqet ħwejjeġ sbieħ għall-oħrajn. L-ispirtu tad-dinja qatt ma jgħid li l-beata Teresa ta’ kuljum, tant sigħat kienet tgħaddihom fl-adorazzjoni; qatt. Jirriduċi l-attivita nisranija għall-għemil tajjeb soċjali. Bhallikieku l-eżistenza nisrana kienet xi żebgħa, passata ta’ kristjaneżmu. Imma l-aħbar ta’ Ġesù mhix passata”, tippenetra fl-għadam, tmur dritt “għall-qalb; tidħol ġewwa u tibdilna. Huwa dan li ma jittollerax l-ispirtu tad-dinja, ma jittollerahx u huwa minħabba f’hekk li jiġu l-persekuzzjonijiet.

Minn hawn toħroġ l-istedina biex naħsbu dwar it-tweġiba ta’ Ġesù: Mhemm ħadd li ħalla dar jew aħwa, aħwa jew ommijiet jew missirijiet jew ulied inkella għelieqi “minħabba fija jew minħabba l-Vanġelu, li ma jirċevix diġa issa, f’dan il-waqt, mitt darba iktar. Ma ninsewx dan”. Issegwi lil Ġesù b’imħabba pass wara pass: din hija s-segwitu ta’ Kristu, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu. Imma l-ispirtu tad-dinja jkompli ma jittollerax u jġiegħel ibatu lill-insara. Din hija, iżda tbatija bħal dik li Ġesù ssaporta: “Nitolbu din il-grazzja: li nsegwu lil Ġesù fit-triq li huwa wriena, li huwa għallimna. Din ħaġa sabiħa: hu qatt ma jħallina weħedna, qatt. Huwa dejjem magħna.

Mal Papa kkonċelebraw, fost l-oħrajn, l-Arċisqfijiet Rino Fisichella u  José Octavio Ruiz Arenas, rispettivament president e segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-promozzjoniel tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Magħhhom fost dawk preżenti, kien hemm il-kollaboraturi fid-dikasteru, ħaddiema taċ-rali termoelettrika u tal-laboratorju tal-mastrudaxxi tal-Governorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.



 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb