Omelija tal-Papa Franġisku tat-Tnejn, 27 ta’ Mejju 2013

Il-ħin ta’ Alla

 

Il-gost tat-temporanju, is-sensazzjoni li tkun padrun tal-ħin, u l-kultura tal-għana akkost ta’ kollox spiss jimpedixxu lill-bniedem tallum milli jsegwi mill-qrib lil Ġesù. “Jidhru donnhom żewġ rikkezzi” imma fil-fatt ma jġegħluniex “nimxu ‘lquddiem”, qal il-Papa Francesco waqt li kkummenta, nhar it-Tnejn filgħodu, dwar ir-rakkont tal-Vanġelu ta’ Marku (10, 17-27) moqri waqt il-quddiesa fil-Kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

L-evanġelista jirrakkonta dwar l-għani li jersaq lejn Ġesù biex jistaqsih kif jikseb il-ħajja eterna. “Dan - spjega l-Papa- kien bniedem tajjeb: imur isib lil Ġesù u jinxteħet għarkupptejh quddiemu; bniedem li kellu l-ħniena f’qalbu; bniedem reliġjuż; bniedem ġust. Imma jmur għand Ġesù għaliex iħoss xi ħaġa ġewwa fih; iħoss ix-xewqa li jmur iktar ‘il quddiem, li jsegwqi lil Ġesù iktar mill-qrib: kien propju l-Ispirtu Santu li mbuttah”.

Ir-raġel jassikura lil Ġesù li hu jsegwi l-kmandamenti. U jistaqsih kif ikompli javanza. Imma għat-talba ta’ Ġesù. “li jħobbu”, biex ibigħ ġidu kollu qabel ma jsegwih, “dan ir-raġel tajjeb, ir-raġel ġust - raġel imbuttat mill-Ispirtu Santu biex ikompli miexi ‘l quddiem, iktar qrib ta’ Ġesù - jaqtà qalbu: għal dawn il-kliem wiċċu ddallam u telaq imdejjaq. U Ġesù waqt li dawwar ħarstu madwaru qal lid-dixxipli tiegħu: kemm huwa diffiċli għal dawk li għandhom ir-rikkezzi biex jidħlu fir-renju ta’ Alla” fakkar il-Qdusija Tiegħu.

Mela “ir-rikkezzi - spjega hu - huma mpediment, xi ħaġa li tirrendi mhux faċli l-mixja lejn is-saltna ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minna għandna r-rikkezzi tagħna, imma spiss jiġri li dawn ir-rikkezzi  jżommuna lura milli nmorru qrib Ġesù” u  kultant saħansitra anke jġibulna “n-niket”.

«Ilkoll kemm aħna - ħeġġeġ il-Papa - hemm bżonn li nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar liema huma r-rikkezzi tagħna li qegħdin iżommuna milli noqorbu lejn Ġesù fi triqitna tal-ħajja”. Dawn huma rikkezzi li joħorġu mill-kultura tagħna. L-ewwel rikkezza “hija l-ġid. Il-kultura tal-ġid li jirrendina ftit li xejn qalbiena, li jirrendina għażzenin, li jagħmilna wkoll egoisti”. Kultant “il-ġid jilluppjana”, għaliex fl-aħħar minn l-aħħar “fil-ġid inkunu sewwa”. Anke quddiem il-għażla li jkollna iben, inħallu lilna nfusna niġu kkondizzjonati mill-ġid. Il-Papa immaġina djalogu bejn koppja ta’ miżżewġin: “Le, le, iktar minn iben wieħed, le! Għaliex ma nkunux nistgħu nieħdu vakanza, ma nkunux nistgħu nmorru hawn, ma nkunux nistgħu nixtru d-dar, le! Kollox sew insegwu lill-Mulej imma sa ċertu punt....” U ikkummenta: “Dan hu li jagħmel il-ġid. Ilkoll nafu sew kif jagħmel il-ġid. Imma dan jitfagħna ‘l isfel, ineżżagħna minn dak il-kuraġġ, minn dak il-kuraġġ qawwi biex inmorru qrib Ġesù”. Madankollu “din hija l-ewwel rikkezza tal-kultura tagħna tallum. Il-kultura tal-ġid”.

Barra minn din, Il-Papa indikalna oħra, li żzommna milli nmoruu qrib Ġesù: il-gost tat-temporanju. Aħna namrati tat-temporanju”, waqt li l-proposti ta’ Ġesù huma definittivi. It-temporanju jogħġobna “għaliex nibżgħu mill-ħin ta’ Alla”, li huwa ħin definittiv.

U kif spiss jiġri, il-Papa ippropona tifkira tal-esperjenza personali tiegħu: “Smajt dwar wieħed li xtaq isir saċerdot, imma biss għal għaxar snin, mhux iktar”. U l-istess qed jiġri għal tant koppji li jiżzewġu bil-ħsieb: “sakemm tibqà l-imħabba u mbagħad naraw”. Huwa dan “il-gost tat-temporanju” it-tieni rikkezza li taffaxxina lill-bnedmin tallum; u li timbuttahom, b’mod partikulari, biex “ isiru padruni tal-ħin: nirrendu żgħir il-ħin għall-mument”.

Il-ġid u t-temporanjetà huma appuntu ż-żewġ rikkezzi li fis-soċjetà kontemporanja “jimpeduna milli navanzaw ‘il quddiem.” Kuntrarju għal dan, il-Papa mar għal dawk “it-tant irġiel u nisa li ħallew pajjiżhom biex imorru bħala missjunarji, għal għomorhom kollu;” u għat-“tant irġiel u nisa li ħallew djarhom biex iwettqu żwieġ u għal ħajjithom kollha waslu sal-aħħar.” Dan - saħaq il-Papa - “ifisser issegwi lil Ġesù mill-qrib, dan hu d-definittiv.” Waqt li t-temporanju mhux li ssegwi lil Ġesù; it-temporanju huwa territorju tagħna, li fih aħna “l-padruni.”

Minn hawn toħroġ l-eżortazzjoni tal-Papa: “Quddiem l-istedina ta’ Ġesù, quddiem dawn iż-żewġ rikkezzi kulturali, naħsbu dwar id-dixxipli,” li “kienu mħawda. Anke aħna nistgħu nitħawdu b’dan id-diskors ta’ Ġesù; u meta Ġesù spjega xi ħaġa, baqgħu ferm iktar mistagħġba.” Allura - din kienet l-istedina konklussiva - “nitolbu lill-Mulej li jagħtina l-kuraġġ li nimxu ‘l quddiem, li nitneżżgħu minn din il-kultura tal-ġid pewrmezz tat-tama,” li hija “l-għan tal-mixja fejn jistenniena hu, fil-ħin; mhux bit-tama żgħira tal-mument, li m’għadhiex tiffunzjona.”

 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb