Qatt tgħid kontra l-oħrajn

L-Erbgħa, 27 ta’ Marzu 2013

 

Li tgħid kontra xi ħadd huwa ekwivalenti għal tbigħu Bħal ma għamel Ġuda, li biegħ lil Ġesù għal tletin biċca flus. U propju waqt li ħa spunt mill-vanġelu ta’ Mattew li jħabbar bil-quddiem it-tradiment tal-appostlu, fl-omelija qasira tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu l-Erbgħa 27 ta’ Marzu fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, il-Papa Francesco wissa dwar  it-tqasqis. Bi stedina espliċita u ċara: “qatt tqasqsu kontra persuni oħra.”

Għaċ-celebrazzjoni kienu preżenti, kif issa saret ħaġa komuni, diversi dipendenti vatikani, fosthom grupp tal-Elimosinerija Apostolika u ieħor tas-Servizz tat-Telefon tal-Vatikan, akkompanjati rispettivament mill-elimosenjeru tal-Qdusija Tiegħu, l-arċisqof Guido Pozzo, u d-direttur tat-Telekomunikazzjonijiet, Patri Fernando Vèrgez Alzaga, li kkonċelebraw flimkien mal-Papa.

Lilhom il-Papa ried iħallilhom riflessjoni dwar il-ġest imwettaq minn Ġuda, wieħed mill-ħbieb ta’ Ġesù, li ma jaħsibhiex darbtejn biex ibigħu lill-mexxejja tal-qassissin. “Ġesù huwa bħal merkanzija: jiġi mibjugħ. Jiġi mibjugħ f’dak il-waqt - emfasizza - u tant drabi oħra fis-suq tal-istorja, fis-suq tal-ħajja, fis-suq ta’ ħajjitna. Meta aħna nagħmlu għażla għat-tletin biċca flus, inwarrbu lil Ġesù fil-ġenb.”

Meta nmorru għand xi ħadd li nafuh u d-diskors isir tqasqis, sewksik, skond il-Papa “dan huwa bejgħ” u l-persuna fin-nofs tat-tqasqis tagħna “issir merkanzija. Ma nafx għaliex - kompla jinsisti l-Papa - imma hemm ferħ skur fit-tqasqis.” Jinbeda bi kliem sabiħ, “imma mbagħad jasal it-tqasqis. U jibda dak “it-tnittif” tal-ieħor.” U huwa għal dak il-waqt li rridu naħsbu li kull darba li nġibu ruħna hekk, “inkunu qegħdin nagħmlu l-istess fatt ta’ Ġuda,” li meta mar għand il-mexxejja tal-qassissin biex ibigħ lil Ġesù, ma kellux fehma, ma kellux imħabba, ma kellux ħbiberija.                         

U hekk il-Papa Francesco reġà lura lejn tema li hija tant għal qalbu, dik tal-maħfra: “Naħsbu u nitolbu maħfra,” għaliex dak li nagħmlu lill-ieħor, lill-ħabib, “inkunu nagħmluh lil Ġesù. Għaliex Ġesù jinsab f’dak il-ħabib.” U jekk nindunaw li kliemna jistà jagħmel ħsara lil xi ħadd, “nitolbu lill-Mulej, nitkellmu mal-Mulej dwar dan, għall-ġid tal-ieħor: Mulej, għinu.” M’għandix inkun jien - spiċca jgħid il-Papa - “li nagħmel ġustizzja bi lsieni. Nitolbu din il-grazzja lill-Mulej.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.