Is-sejħa ta’ Abram

It-Tlieta, 25 Ta’ Ġunju 2013

 

It-triq għall-paċi fil-Lvant Nofsani hija dik indikata mill-“għerf” ta’ Abraham, missier komuni fil-fidi għal Lhud, insara u musulmani. Dan qalu l-Papa Francesco fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae it-Tlieta 25 ta’ Ġunju, waqt li rrifera għall-“ġlieda għall-art” bejn Abram u Lot, irrakkontata fil-kapitolu 13 tal-Ġenesi (2.5-18). Meta naqra dan, naħseb fil-Lvant Nofsani u nitlob tant lill-Mulej biexd jagħtina lkoll l-għerf, dan l-għerf: ma niġġildux - int minn hemm u jien minn hawn - għall-paċi” qal fil-bidu tal-omelija. U Abram, żied, ifakkarna wkoll li “ħadd mhu nisrani kumbinazzjoni” għaliex Alla isejħilna b’isimna u b’”wegħda.”

Flimkien mal-Papa ikkonċelebraw, fost l-oħrajn, il-kardinali Camillo Ruini u Roberto Sarah, president tal-Kunsill Pontifiċju Cor Unum, li kien qed jakkumpanja grupp ta’ uffiċjali u kollaboraturi tad-dikasteru; l-isqof Ignacio Carrasco de Paula, president tal-Akkademia Pontifiċia per la Vita, flimkien mal-kollaboraturi tiegħu; u l-ġiżwita Gabriel G. Funes, direttur tal-Ispecola Vatikana, flimkien mal-ħaddiema tal-osservatorju astronomiku.

Hemm wegħda, fakkar il-Papa, fl-għeruq tal-istorja ta’ Abram li huwa lest li jħalli artu “biex imur ma jafx fejn, imma fejn il-Mulej kellu jgħidlu.” Il-Qdusija Tiegħu fakkar il-viċissitudini tiegħu, il-passaġġ fl-Egittu, u appuntu, il-kustjoni u wara l-paċi ma Lot dwar il-kustjoni tal-art. Il-Papa Francesco irripeta l-kliem sabiħ tal-Ġenesi: “Allura l-Mulej qal lil Abram: ‘Għolli għajnejk u, mill-post fejn tinsab, itfà l-ħarsa tiegħek lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar,’ kullimkien, kollox ikun tiegħek, tad-dixxendenti tiegħek.” U, żied, “dan ir-raġel li forsi ġa kellu disgħin sena, iħares lejn kollox u jemmen il-kelma ta’ Alla li stiednu biex joħroġ minn artu. Jemmen. Imbagħad imur jistabilixxi ruħu fil-Querce di Mamre, il-post fejn il-Mulej ikellmu tant drabi.”

Abram, sostna l-Papa, “jitlaq minn artu b’wegħda. Il-mixja kollha tiegħu hija li jmur lejn din il-wegħda. U t-triq tiegħu hija wkoll mudell tat-triq tagħna. Alla jsejjaħ lil Abram, persuna, u minn din il-persuna jagħmel poplu. Jekk aħna nmorru għall-ktieb tal-Ġenesi, fil-bidu, fil-ħolqien, nistgħu nsibu li Alla joħloq il-kwiekeb, joħloq il-pjanti, joħloq l-annimali.” Kollox fil-plural. “Imma joħloq lill-bniedem: singular. Wieħed. Alla jkellimna dejjem fis-singular, għaliex ħalaqna għall-immaġni u x-xebħ tiegħu. U Alla jkellimna fis-singular u kellem lil Abram, għamillu wegħda u stiednu biex joħroġ minn artu

Ukoll “aħna l-insara - kompla l-Papa - ġejna msejħin fis-singular.  Ħadd minna l-insara b’kumbinazzjoni: ħadd. Hemm sejħa għalik, għalik u għalik.” Hija sejħa “bl-isem, b’wegħda: mur, jiena miegħek, jien nimxi ma’ ġembek.”

Dan - spjega - kien jafu wkoll Ġesù li fil-mumenti l-iktar diffiċli idur lejn il-Missier,” bħalma ma ġara “fl-ort taż-Żebbuġ. U fl-aħħar, meta ħass dak id-dlam hekk profond,” jgħid: “Missier, għaliex tlaqtni?” Mela, “dejjem f’għaqda mal-Missier li sejjaħlu u li bagħtu. U wkoll meta jħallina f’jum it-tlugħ tiegħu fis-sema, jgħidilna dik il-kelma tant sabiħa: jien inkun magħkom kuljum, qribkom, qribek, qribek. Dejjem.”

“Alla jakkumpanjana, Alla jsejħilna b’isimna. Alla jwegħdna dixxendenza” reġà fakkar il-Papa. “U din hija s-sikurezza tan-nisrani: din mhix kumbinazzjoni, din hija sejħa. Din sejħa li tgħinna nimxu ‘l quddiem. Li tkun nisrani hija sejħa ta’ mħabba, ta’ ħbiberija. Sejħa biex insir iben Alla, ħu Ġesù, biex insir fertili fit-trasmissjoni ta’ din is-sejħa lill-oħrajn, biex insir strument ta’ din is-sejħa.”

Bla ebda dubju, għaraf, “hemm tant problemi, mumenti diffiċli. U Ġesù għadda minn bosta, imma dejjem b’dik is-sikurezza: il-Mulej sejjaħli, il-Mulej huwa miegħi, il-Mulej wegħdni. Imma forsi l-Mulej żbalja fuqi? Il-Mulej huwa fidil, għaliex Hu qatt ma jasal li jiċħad lilu nnifsu. Hu huwa fedeltà.”

Propju “waqt li naħsbu  f’Abram, dwar dan il-pass tal-Iskrittura, fejn hu jiġi midluk għall-ewwel darba, missier tal-poplu, naħsbu wkoll dwarna - kompla l-Papa - li ġejna midlukin fil-Magħmudija u naħsbu dwar ħajjitna nisranija.” U lil min tgħid “Missier, imma jiena midneb!” il-Papa fakkar li lkoll kemm aħna midimbin. L-importanti huwa “li nimxu ‘l quddiem, mal-Mulej. Nimxu ‘l quddiem b’dik il-wegħda li għamlilna, b’dik il-wegħda ta’ fertilità; u ngħidu lill-oħrajn, nirrakkontaw lill-oħrajn, li l-Mulej huwa magħna, li l-Mulej għażilna u li hu qatt ma jħallina weħedna. Dik iċ-ċertezza tan-nisrani tagħmlilna tajjeb.”

Il-Papa Francesco ikkonkluda billi awgura li l-“Mulej jagħti lil kulħadd din ix-xewqa li nimxu ‘l quddiem li kellu Abram” ukoll f’nofs id-diffikultajiet. Li ngħaddu ‘l quddiem, bis-sikurezza  li l-Mulej “sejjaħli, li wegħdni tant affarijiet sbieħ, li jinsab miegħi.”

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Stampa t-test ... >