L-eżempju ta’ Ġwanni il-leħen tal-Kelma

It-Tnejn, 24 ta’ Ġunju 2013

 

Knisja ispirata fuq il-figura ta’ Ġwanni l-Battista: li “teżisti biex ixxandar, biex tkun il-leħen ta’ kelma, tal-għarus tagħha li huwa l-kelma” u “biex ixxandar din il-kelma sal-martirju” minn idejn “l-iktar suppervi tad-dinja.” Dan ipproponieh il-Papa Francesco waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, dalgħodu, it-Tnejn 24 ta’ Ġunju, festa liturġika tat-twelid tal-qaddis, li l-Knisja tqim bħala “l-ikbar bniedem mwieled minn mara.” Mal-Papa kkonċelebra, fost l-oħrajn, il-kardinal Gianfranco Ravasi, president tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura u tal-Kummissjoni Pontifiċja tal-Arkeoloġija Sagra li kien qed jakkumpanja grupp ta’ uffiċjali u kollaboraturi taż-żewġ rejaltajiet. Fost dawk preżenti wkoll grupp tal-ffiċċju filateliku u numismatiku tal-Governatorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan

Ir-riflessjoni kollha tal-Qdusija Tiegħu kienet kollha kemm hi nċentrata fuq dan il-paralelliżmu, għaliex “il-Knisja għandha xi ħaġa minn Ġwanni,” alavolja - minnufih wissa - huwa diffiċli li tiddefinixxi l-figura tiegħu. Mill-bqija “Ġesù jgħid li huwa l-ikbar bniedem li qatt twieled;” imma mbagħad jekk “naraw x’għamel” u “naħsbu dwar ħajtu,”  innota l-Papa Francesco, nindunaw li “huwa profeta li għadda, bniedem li kien kbir,” qabel ma spiċċa b’mod traġiku.

Hekk hi allura l-istedina ta’ min hu verament Ġwanni, billi nħallu l-kelma lill-protagonista nnifsu. Hu, infatti, meta “l-iskribi, il-fariżej, imorru jistaqsuh jispjegalhom aħjar min kien,” iwieġeb b’mod ċar: “Jien miniex il-Messija. Jiena leħen, leħen fid-deżert.” Bħala konsegwenza l-ewwel ħaġa li tifhem hija li -d-deżert” huma dawk li marru jistaqsuh; nies b’”qalb hekk, mingħajr xejn,” iddefinihom il-Papa. Waqt li hu huwa “il-leħen, leħen mingħajr kelma, għaliex il-kelma mhuwiex hu, huwa ieħor. Huwa huwa dak li jitkellem imma ma jgħidx; dak li jippriedka dwar ieħor li għad jiġi wara.” F’dan kollu - spjega il-Papa - hemm il-ministeru ta’ Ġwanni” li “qatt ma jaħtaf il-kelma; il-kelma huwa ieħor. U Ġwanni huwa dak li juri, dak li jgħallem,” waqt li juża t-termini “warajja... jien miniex dak li qed taħsbu intom; hekk hu jiġi warajja wieħed li jien miniex dehen li naqfillu l-qorq.” Mela “il-kelma mhix hemm,” minflok hemm “leħen li jindika ieħor.” Is-sens kollu ta’ ħajtu “hu li jindika ieħor.”

Waqt li kompla għaddej bl-omelija tiegħu il-Papa Francesco imbagħad ġibed l-attenzjoni kif il-Knisja għażlet għall-festa ta’ San Ġwann “il-jiem l-iktar twal tas-sena; il-jiem li għandhom l-iktar dawl, għaliex fid-dlamijiet ta’ dak iż-żmien Ġwanni kien il-bniedem tad-dawl: mhux dawl propju, imma dawl rifless. Bħal qamar. U meta Ġesù beda jippriedka,” id-dawl ta’ Ġwanni beda jnin, “jonqos, jinżel.” Hu stess dan jgħidu b’mod ċar waqt li jitkellem dwar il-missjoni tiegħu: “Hemm bżonn li huwa jikber u jien nonqos.”

Fil-qosor, mela: “Leħen mhux kelma; dawl, imma mhux tiegħu, Ġwanni donnu mhu xejn.” Hekk hu żvelata ‘il-vokazzjoni tal-Battista, sostna l-Papa: “Isdsir xejn. U meta aħna nikkontemplaw il-ħajja ta’ dan il-bniedem hekk kbir, hekk qawwi - kulħadd kien jaħseb li kien il-Messija - meta nikkontemplaw kif din il-ħajja tintilef fix-xejn saħansitra sad-dlam ta’ ħabs. Nikkontemplaw misteru” enormi. Infatti, kompla, “aħna nafu kif kienu” l-aħħar jiem tiegħu. Hu magħruf biss li ġie maqtul u li rasu spiċċat fuq dixx bħala rigal kbir minn ballerina lil waħda adultera. Naħseb li iktar minn hekk ma nistgħux ninżlu ‘l isfel, nannjentaw lilna nfusna.

Iżda nafu dak li seħħ qabel, matul iż-żmien mgħoddi fil-ħabs: nafu “dawk id-dubji, dak l-inkwiet li huwa kellu;” sal-punt li jsejjaħ lid-dixxipli u jibgħathom “biex jistaqsu lill-kelma: huwa int jew irridu nistennew ieħor?” Għaliex lanqas ma kien iffrankat lilu lanqas “id-dlam, in-niket fuq ħajtu:” ħajti għandha sens jew żbaljajt?

Insomma, qal il-Papa, il-Battista setà jiftaħar, iħossu mportanti, imma dan m’għamlux: huwa “kien jindika biss, kien iħossu leħen u mhux kelma.” Dan hu għall-Papa Francesco “is-sigriet ta’ Ġwanni.”Hu “ma riedx ikun ideologu.” Kien “bniedem li nnega lilu nnifsu, sabiex il-kelma” tikber. Hekk hi mela l-attwalità tat-tagħlim tiegħu: “Aħna bħala Knisja illum nistgħu nitolbu l-grazzja - awspika l-Qdusija Tiegħu - li ma nsirux Knisja ideoloġizzata,” biex minflok insiru “biss il-Dei Verbum religiose audiens et fidenter proclamans,”  qal jikkwota l’incipit tal-kostituzzjoni konċiljari dwar id-divina rivelazzjoni. “Knisja li tismà b’mod reliġjuż il-kelma ta’ Ġesù u xxandarha b’kuraġġ;” “Knisja bla ideoloġiji, mingħajr ħajja propja;” “Knisja li hija mysterium lunae, li għandha dawl mingħand l-għarus tagħha”  u li trid iddgħajjef id-dawl tagħha għaliex li jirrisplendi huwa d-dawl ta’ Kristu. Il-Papa Francesco m’għandux dubji. “Il-mudell li joffrilna llum Ġwanni” huwa dak ta “Knisja dejjem għas-servizz tal-Kelma; Knisja li qatt ma tieħu xejn għaliha nfisha.” U billi fil-kolletta u fit-talba tal-fidili kienet mitluba “il-grazzja tal-ferħ,” u kien “mitlub lill-Mulej biex iferraħ lil din il-Knisja fis-servizz tal-kelma, biex tkun il-leħen ta’ din il-kelma, biex tippriedka din il-kelma,” il-Papa ħeġġeġ biex tintalab “il-grazzja li nimitaw lil Ġwanni: mingħajr ideat tagħna, mingħajr vanġelu meħud bħala propjetà;” biex inkunu “biss Knisja leħen li jindika l-kelma, sal-martirju.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb