Omelija tal-Papa Franġisku tal-Ġimgħa, 24 ta’ Mejju 2013

L-għaqal tal-insara

“Fit-talba li hemm fil-missal Latin għall-quddiesa ta’ dalgħodu ddedikata lill-Madonna Awżiljatriċi - qal il-Papa Francesco fl-omelija tallum 24 ta’ Mejju, waqt iċ-celebrazzjoni fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae - nitolbu żewġ grazzji: li nissaportu bis-sabar u nirbħu bl-imħabba l-oppessjonijiet, esterni u interni.” Huma grazzji propji tan-nisrani; imma “li tissaporti bis-sabar mhix ħaġa faċli” għaraf il-Papa. Fil-fatt meta jolqtuna diffikultajiet minn barra jew meta jinbtu problemi fil-qalb, fir-ruħ, problemi nterni, mhux faċli li tissapportihom bis-sabar. Huwa ferm iktar faCli li titlef is-sabar.”

Xi tfisser mela tissaporti? Tissaporti jiġifieri “iġġorr diffikultà. Imma huwa li ġġorr fuqek diffikultà? Le. Tissaporti - spjega l-Qdusija Tiegħu - ifisser taqbad id-diffikultà u ġgorrħa fuqek, b’qawwa, sabiex id-diffikultà ma tbaxxiniex. Din hija virtù nisranija. San Pawl jitkellem dwarha diversi drabi. Tissaporti mela tfisser li ma nħallux lilna nfusna nintrebħu mid-diffikultà. In-nisrani għandu l-qawwa li ma jbaxxix dirgħajh, imma li jgħollihom, li jissaporti.” Biċċa xogħol xejn faċli, għaliex ninħakmu mill-qtigħ il-qalb u tiġina x-xewqa “li nbaxxu dirgħajna u ngħidu: Inmorru, nagħmlu dak li nistgħu u xejn iktar! Li tissaporti hija grazzja u hemm bżonn li nitolbuha fid-diffikultajiet.”

Il-grazzja l-oħra li dwarha tkellem il-Papa hija dik li nirbħu b’imħabba. “Iva wieħed jistà jirbaħ b’bosta modi - ippreċiża - imma l-grazzja li aħna nitolbu llum hija l-grazzja tar-rebħa bl-imħabba. Xejn mhi faċli.” L-imħabba tikkonsisti f’ “dik il-manswetudni li għallimna Ġesù. Dik hija r-rebħa.” L-appostlu Ġwanni, qal dwar dan il-Papa, “jgħidilna fl-ewwel ittra tiegħu: din hija r-rebħa tagħna, il-fidi tagħna. Il-fidi tagħna hija propju dan: li temmen f’Ġesù li għallimna l-imħabba u li għallimna biex inħobbu lil kulħadd. U l-prova li ninsabu fl-imħabba hija meta nitolbu għall-għedewwa tagħna.

Il-Qdusija Tiegħu ġab bħala eżempju l-għerf tal-anzjani: “Kemm persuni anzjani għaddew minn din it-triq. Tassew sabiħ tarahom. Gm dik il-ħarsa sabiħa, dik il-kuntentizza serena. Ma tantx jitkellmu imma għandhom qalb paċenzjuża u mimlija mħabba. Jafu x’inhi l-maħfra tal-għedewwa, jafu x;jiġifieri titlob għall-għedewwa. Tant insara huma hekk.” Jekk mill-banda l-oħra “naqbdu t-triq l-oħra,” dik li ma naħfrux, tal-imħabba miċhuda, allura “inkunu bla sabar u ngħejjew.” “Ir-rebħa - ikkonkluda l-Papa - hija il-fidi f’Ġesù li għallimna t-triq tal-imħabba, u t-telfa hija li tgħaddi mit-triq l-oħra. Kemm insibu nsara mdejqin, bla kuraġġ għaliex ma kellhomx din il-grazzja li jissaportu bis-sabar u jirbħu bl-imħabba.”

Waqt li kien jitkellem dwar l-anniversarju liturġiku fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, il-Papa Francesco fakkar il-festa ta’ Marija Awżiljatriċi u qal li llum “il-Knisja kollha qiegħda titlob għaċ-Ċina, gl-insara Ċiniżi. Dal-għodu noffru l-quddiesa gHal dan il-poplu Ċiniż nobbli u kbir, gl-insara, biex il-Madonna tgħinhom u tindukrahom.”

 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb