Tfittxija għal veru teżor

Il-Ġimgħa, 21 ta’Ġunju 2013

 

“L-imħabba, il-karità, is-servizz, is-sabar, it-tjubija, it-tenerezza” huma l-“isbaħ teżori” li dwarhom tkellem il-Papa Francesco dalgħodu, il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae. Ikkonċelebra, fost l-oħrajn, il-kardinali Francesco Coccopalmerio, president tal-Kunsill Pontifiċju għat-Testi Legislattivi, li kien qed jakkumpanja grupp ta’ uffiċcjali u kollaboraturi tad-dikasteru. Fost il-preżenti grupp ukoll tal-bażilika ta’ San Ġwann Lateran.

Bħas-soltu, il-Papa ddedika r-riflessjoni tiegħu fuq il-qari tal-jum, waqt li pponta b’mod partikulari s-silta tal-Vanġelu ta’ Mattew (6, 19-23) “spunt” bejn it-termini “teżor, qalb u dawl” u awspika li “l-Mulej ibiddlilna qalbna biex infittxu l-veru teżor u hekk insiru persuni mdawla u mhux tad-dlam.”

L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu, spjega l-Qdusija Tiegħu, hija li nistaqsu lilna nfusna: “Liema hu t-teżor tiegħi?” U bla ebda dubju ma jistgħux ikunu r-rikkezzi, meta wieħed iqis li l-Mulej jgħid: “Tgeddsux għalikom teżori fuq din l-art, għaliex dawn fl-aħħar minn l-aħħar jintilfu.” Mill-bqija, nsista l-Papa, dawn huma “teżori riskjużi, li jintilfu;” u huma wkoll “teżori li rridu nħalluhom, ma nistgħux neħduhom magħna. Jiena qatt ma rajt trakk tal-Garr wara korteo ta’ funeral,” ikkummenta. Allura, staqsa, liema hu t-teżor li nistgħu neħduh magħna wara x-xogħol tagħna fuq din l-art? It-tweġiba hija sempliċi: “Tistà tieħu dak li tajt, dak biss. Imma dak li żammejt għalik, ma tistax tieħdu.” Huma ħwejjeġ li jistgħu jinsterqu mill-ħallelin, jew ħwejjeġ li jittieħdu mill-werrieta. Waqt “li dak it-teżor li tajna lill-oħrajn” matul ħajjitna, dak neħduh magħna wara mewtna “u dak ikun il-mertu tagħna”;” jew aħjar, ippuntwalizza, “il-mertu ta’ Ġesù Kristu fina.”  Ukoll għaliex hija l-unika ħaġa “li l-Mulej iħallina nieħdu.” Dan qalu b’mod l-iktar ċar l-istess Ġesù lid-dutturi tal-liġi li kienu jiddandnu bis-sbuħija tat-tempju ta’ Ġerusalem: “Ma jibqax ġebla fuq ġebla.” Dan jgħodd ukoll “għat-teżori tagħna, dawk li jiddependu fuq ir-rikkezzi, mill-poter uman.”

Imma Gesù — innota l-Qdusija Tiegħu — ma jillimitax gl-kritika; imur pass ‘il quddiem u jżid: “Fejn hu t-teżor tiegħek, hemm tkun ukoll qalbek.” Imissna nikkonsidraw li “il-Mulej għamilna biex infittxuh, biex insibuh, biex nikbru. Imma jekk it-teżor tagħna mhux qrib il-Mulej, ma jiġix mill-Mulej, qalbna ma tibqax kwieta.” Eżempju? “Tant nies, aħna wkoll, inkwetati - qal il-Papa - biex ikollna jew biex naslu għal xi ħaġa. U fl-aħħar il-qalb tagħna tgħejja, titgħażżen,issir qalb mingħajr imħabba.” Hija dik li l-Papa ddefenixxa b’immaġni effikaċi “l-għejja tal-qalb. Ejjew naħsbu: Jien x’għandi? Qalb għajjiena, li trid biss tissistema ruħha bi tlieta jew erbà ħwejjeġ, b’kont sabiħ fil-bank? Jew għandi qalb inkwetata, li dejjem tfittex iktar l-affarijiet tal-Mulej?” Min hawn l-istedina biex “nieħdu ħsieb dejjem” ta’ din l-inkwetudni tal-qalb. Għaliex weħedna ftit li xejn nistgħu nagħmlu; irid ikun il-Mulej li jgħinna, hu li wegħdna: “Jien nagħmel minn qalbkom tal-ġebel qalb tal-laħam, qalb umana.” U billi din hija wegħda tal-Mulej, nistgħu aħna nitolbuh il-grazzja: “Mulej biddilli qalbi.” Mill-banda l-oħra, il-“Mulej ma jistà jagħmel xejn - wissa l-Papa Francesco - kemm-il darba qalbi hija marbuta ma’ teżor terren, ma’ teżor egoist, ma’ teżor tal-mibegħda,” wieħed minn dawk it-teżori li minnhom “jiġu l-gwerer.”

L-aħħar parti tar-riflessjoni ta’ Ġesù tmur għall-espressjoni: “il-lampa tal-ġisem hija l-għajn,” jew aħjar “l-għajn hija l-intenzjoni tal-qalb.” Bħala konsegwenza għall-Papa “jekk għajnejk hija sempliċi, ġejja minn qalb li tħobb, minn qalb li tfittex lill-Mulej, minn qalb umli, ġismek kollu jkun jixħet id-dawl. Imma jekk għajnek hija ħażina, ġismek kollu jkun mdallam.” Għal dan il-Qdusija Tiegħu talab lil dawk preżenti xinhu l-ħaqq tagħna fuq l-affarijiet: “Imdawwal jew mudlam? Aħna persuni tad-dawl jew tad-dlam? L-importanti hu kif niġġudikaw l-affarijiet: bid-dawl li jiġi mit-teżor veru ġewwa qalbna? Jew bid-dlam ta’ qalb tal-ġebel?” Tweġiba tistà tiġi mix-xhieda ta’ San Alwiġi Gonzaga, il-ġiżwita żagħżugħ li propju llim taħbat it-tifkira liturġika tiegħu. “Nistgħu nitolbu l-grazzja ta’ qalb ġdida - stieden il-Papa - lil dan it-tfajjel qalbieni, li qatt ma qagħad lura fis-servizzi lill-oħrajn, tant li kien lest jagħti ħajtu biex jikkura lil-lebbrużi. Hekk hu allura l-eżortazzjoni tal-Qdusija Tiegħu li nitolbu fit-talba li “il-Mulej jibdlilna qalbna. U dawk il-biċċiet kollha ta’ qalbna li huma tal-ġebel il-Mulej jagħmilhom umani, b’dik l-ansjetà tajba li ngħaddu ‘l quddiem infittxu lilu u li nħallu lilna nfusna niġu mfittxa minnu.” Għaliex, ikkonkluda, il-Mulej biss jistà jsalvana “mit-teżori li ma jistgħux jgħinuna fil-laqgħa miegħu, fis-servizz lill-oħrajn.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb