Omelija tal-Papa Franġisku, Tnejn 20 ta’ Mejju 2013.

IL-PAPA JGĦID LI T-TALB QALBIENI U UMLI JAGĦMEL L-GĦEĠUBIJIET

Talb qalbieni, umli u qawwi jagħmel il-mirakli: dan kien il-messaġġ li ta l-Papa waqt il-quddiesa ta’ filgħodu fil-Casa Santa Marta.

Il-Papa kien qiegħed jikkummenta fuq il-Vanġelu ta’ nhar it-Tnejn, 20 ta’ Mejju 2013 li jirrakkonta kif id-dixxipli ma rnexxilhomx ifejqu tifel; Ġesu’ nnifsu kellu jindaħal u jilmenta min-nuqqas ta’ twemmin ta’ dawk preżenti. Meta wieġeb għat-talba tal-missier biex ifejjaqlu lil ibnu, Huwa qal, “kollox hu possibli għal min għandu l-fidi.” Il-Papa Franġisku nnota li spiss dawk li jħobbu lil Ġesu’ ma jissugrawx wisq fit-twemmin tagħhom fih u lanqas ma jafdaw għal kollox fih.

“Imma għaliex dan in-nuqqas ta’ twemmin? Naħseb li dan jiġri meta l-qalb ma tinfetaħx, meta l-qalb tkun magħluqa, meta l-qalb tkun trid tikkontrolla kollox.”

Hi qalb, mela, “li ma tinfetaħx” u li “ma tintelaqx f’Ġesu’” – qal il-Papa – “u meta d-dixxipli jsaqsuh għaliex ma setgħux ikeċċu l-ispirtu mit-tifel, il-Mulej iwieġeb li dan it-tip ta’ spirtu ma jitkeċċiex ħlief bit-talb. “Ilkoll kemm aħna,” qal il-Papa “għandna fina xi ftit tan-nuqqas ta’ twemmin.” “Jinħtieġ talb qawwi, talb umli u qawwi li jippermetti lil Ġesu’ li jwettaq il-miraklu. It-talb għall-miraklu, it-talb għal azzjoni straordinarja irid ikun talb li jinvolvina, li jgħaqqadna lkoll.” Biex aktar isaħħaħ il-punt tiegħu, il-Papa rrakonta l-istorja ta’ tifla żgħira fl-Arġentina li meta kien għad għandha seba’ snin mardet u t-tobba tawha biss ftit sigħat ta’ ħajja. Missierha, elektrixin, u “bniedem ta’ fidi” tah ferħ ta’ ġenn u f’dak l-istat ta’ ġenn, “qabad karozza tal-linja lejn is-Santwarju Marjan ta’ Lujan, 70km ‘il bogħod.” Fl-aħħar wasal. Id-disgħa ta’ filgħaxija kienu daqqu u kullimkien kien magħluq. U beda jitlob lill-Madonna, b’idejh imqabbdin mal-kanċell tal-ħadid. U talab, u talab, u beka u talab...u baqa’ hekk il-lejl kollu. Imma dar-raġel kien qiegħed jissielet: kien qiegħed jissielet m’Alla; kien qiegħed jissielet m’Alla nnifsu biex ifejjaqlu lil bintu. Imbagħad fis-sitta ta’ filgħodu mar fil-venda, rikeb karozza tal-linja u wasal l-isptar f’xi d-disgħa ta’ filgħodu. U sab lil martu tibki. Ħaseb fil-ħażin. “X’ġara? Miniex nifhem, miniex nifhem! X’ġara?” Hi qaltlu, “Ġew it-tobba u qaluli li d-deni ħalliha, qed tieħu n-nifs sew, li m’għandha xejn! Se jżommuha jumejn oħra, u ma nistax nifhem x’ġara! Għadhom jiġru, hux tassew? Il-mirakli għadhom isiru”.

Imma rridu nitolbu bil-qalb, temm jgħid il-Papa. “Irid ikun talb kuraġġuż, li jissielet biex jinkiseb il-miraklu, u mhux talb għall-kirjanza. ‘Eħe, nitlob għalik, ngħid il-Missierna, Sliema u Qaddisa u mbagħad ninsa kollox. Le, mhux hekk, irid ikun talb kuraġġuż bħal dak ta’ Abaraham li ssielet mal-Mulej biex isalva l-belt; bħal dak ta’ Mose’ li żamm idejh mgħollijin ‘il fuq u għejja, jitlob lill-Mulej, bħal dak ta’ ħafna nies, tant nies li għandhom il-fidi u jitolbu bil-fidi. It-talb jagħmel l-għeġubijiet, imma rridu nemmnu! Naħseb nistgħu nagħmlu talba sabiħa...u ngħidulU llum, il-jum kollu, ‘Mulej, jiena nemmen, għinni fin-nuqqas ta’ twemmin tiegħi’... u meta n-nies isaqsuna biex nitolbu għal tant nies li jbatu fil-gwerer, għar-refuġjati kollha, għall-ġrajjiet drammatiċi kollha li qegħdin iseħħu bħalissa, itolbu, imma itolbu bil-qalb lill-Mulej: ‘Agħmilha!’, imma għidulu: ‘Mulej, jiena nemmen. Għinni fin-nuqqas ta’ twemmin tiegħi li jinstab ukoll fit-talb tiegħi. Ejjew nagħmlu hekk illum.”

 

Ħajr lil Karma tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.