Knisja ħielsa mill-idejoloġija

Il-Ġimgħa, 19 ta’ April 2013

 

L-idejoloġija tiffalsifika l-Vanġelu u thedded ukoll il-Knisja. Għal dan il-Papa Franġisku, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ dalgħodu l-Ġimgħa 19 ta’ April, talab biex nitolbu “sabiex il-Mulej jeħles lill-Knisja minn kwalunkwè interpretazzjoni idejoloġika.” Madwar l-altar tal-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, biex jitolbu flimkien mal-Papa, kien hemm grupp ta’ dipendenti tal-Osservatore Romano u tat-Tipografija Vatikana, flimkien mal-editur mexxej, il-viċi direttur u d-direttur tal-ġurnal. Fost il-konċelebranti, Dun Marek Kaczmarczyk, direttur kummerċjali tal-Tipografia Vaticana Editrice L’Osservatore Romano.

 Fil-kummentarju tal-qari tal-jum — l-ewwel meħud mill-Atti tal-Appostli (9, 1-20) u t-tieni mill-Vanġelu ta’ Ġwanni (6, 52-59) —il-Papa Franġisku ippropona riflessjoni fuq il-leħen ta’ Ġesù, interpretat minn xi wħud “bil-qalb” u minn oħrajn “bil-moħħ.”  U wissa propju dwar min, ukoll illum, jinterpreta kliem Ġesù “bil-moħħ” u mhux bil-qalb: dawk “l-idejoloġi” li jippretendu li jinterpretaw dak li jgħid il-Mulej skont l-idejoloġiji dominanti jispiċċaw biex jiffalsifikaw il-Vanġelu.

“Ġesù — beda r-rakkont tiegħu l-Papa — jitkellem. Ġesù jkellem lil Pawlu, Ġesù jkellem lil Anania, u Ġesù jkellem ukoll lid-dutturi tal-liġi. Huwa l-leħenta’ Ġesù li jgħid lil Pawlu ‘Għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Huwa l-leħen ta’ Ġesù li jmur għand Anania u jgħidlu: ‘Mur fit-triq imseha d-Dritta u fittex fid-dar ta’ Ġuda ċeru Pawlu.’ Huwa l-leħen ta’ Ġesù li jkellem lill-poplu u lid-dutturi tal-liġi, u jgħid li min ma jiekolx ġismu u ma jixrobx demmu ma jsalvax.”

Il-leħen ta’ Ġesù “jgħidilna xi ħaga u jmur propju f’qalbna. Jgħaddi minn moħħna u jmur f’qalbna. Għaliex Ġesù jfittex il-konverżjoni tagħna.” U hawn hi t-tweġiba għal leħen il-Mulej irrakkuntat mill-qari: “Pawlu: ‘Min int, Mulej?’ Anania jgħid: ‘Imma... Mulej, rigward dan il-bniedem, instamà minn bosta kemm ħsara għamel fost il-fidili tiegħek,’ u b’umiltà rrakkonta lill-Mulej il- curriculum vitae ta’ Pawlu. L-oħrajn, id-dutturi jwieġbu mod ieħor: bid-diskussjoni bejniethom. Jaslu li jgħidulu: ‘Imma int miġnun!’ u bejniethom jgħidu: ‘Imma kif bniedem jistà jagħtina biex nieklu ġismu?’”

Biex jitlaq minn dawn l-espressjonijiet, il-Papa spjega d-diversità tat-tweġibiet: “l-ewwel tnejn, Pawlu u Anania, jwieġbu bħall-kbar tal-istorja tas-salvazzjoni, bħal Ġeremija, Iżaija. Ukoll Mosè kellu d-diffikultajiet tiegħu: ‘Imma, Mulej, jien ma nafx nitkellem, kif se nmur għand l-Eġizzjani u ngħid dan?’ U wkoll Marija: ‘Imma, Mulej, jien miniex miżżewġa!’ Huma t-tweġibiet tal-umli, ta’ min jilqà l-Kelma ta’ Alla bil-qalb.”

Għall-kuntrarju “d-dutturi jwieġbu biss bil-moħħ. Ma jafux li l-Kelma ta’ Alla tmur fil-qalb, ma jafux b’konverżjoni. Huma ‘xjentifiċi.’ Huma l-idejoloġi l-kbar,” dawk li ma jifhmux li l-kelma ta’ Alla hija diretta gl-qalb “għaliex hija kelma ta’ mħabba, hija kelma sabiħa u ġgib l-imħabba, iġġiegħlna nħobbu.” Min ma jilqax din il-karatteristika jipprekluda it-triq għall-imħabba kif ukoll għas-sbuħija.”

L-“idejoloġi,” spjega l-isqof ta’ Ruma, huma dawk li fir-rakkont evanġeliku jinxteħtu “jiddiskutu asprament bejniethom: ‘Kif jistà dan jagħtina ġismu biex nikluh?’Gli «ideologi», ha spiegato il vescovo di Roma, sono quelli che nel raccon Kollox problema ta’ intellett! U meta tidħol l-idejoloġija fil-Knisja - qal f’dan il-waqt il-Papa - meta tidħol l-idejoloġija fl-intelliġenza, mill-Vanġelu ma nifhmu xejn.” Hekk kollox jiġi nterpretat fis-sens tad-dmir pjuttost milli fis-sens ta’ dik il-konverżjoni li għaliha “jistedinna Ġesù.” U dawk li jsegwu triqet id-dmir, “jgħabbu kollox fuq spallejn il-fidili.”

“L-idejoloġi jiffalsifikaw il-Vanġelu” issentenzja l-Papa, waqt li żied : “Kull interpretazzjoni idejoloġika, tiġi minn liema naħa tiġi, minn banda jew minn oħra hija falsifikazzjoni tal-Vanġelu. U dawn l-idejoloġi - rajniha fl-istorja tal-Knisja - jispiċċaw biex ikunu ntellettwali mingħajr talent, etiċisti mingħajr tjubija. U dwar is-sbuħija ma ngħidu xejn, giex ma nifhmu xejn.” Għall-kuntrarju “it-triq tal-imħabba, it-triq tal-Vanġelu hija sempliċi: hija dik it-triq li fehmu l-qaddisin! Il-qaddisin huma dawk li jmexxul-Knisja ‘l quddiem,” dawk li jsegwu “it-triq tal-konverżjoni, it-triq tal-umiltà, tal-imħabba, tal-qalb, triqet is-sbuħija.”

“Illum nitolbu lill-Mulej — temm jgħid il-Papa — għall-Knisja: li l-Mulej jeħlisha minn kwalunkwè interpretazzjoni idejoloġika u biex jiftaħ qalb il-Knisja, ta’ ommna l-Knisja, għall-Vanġelu sempliċi, għal dak il-Vanġelu pur li jkellimna dwar l-imħabba, li jġibilna l-imħabba u huwa tant sabiħ! U wkoll jagħmel sbieħ lilna bis-sbuħija tal-qdusija. Nitolbu llum għall-Knisja.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.