Biex tħobb l-għedewwa

It-Tlieta, 18 ta’ Ġunju 2013

Inħobbu l-għedewwa tagħna, dawk li jippersegwitawna u li jġegħluna nbatu, huwa diffiċli u linqas mhi “affari tajba” għaliex tfaqqarna. Madankollu din hija t-triq indikata u li mexa Ġesù għall-fidwa tagħna. Dwar dan tkellem il-Papa Francesco fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tlieta 18 ta’ Ġunju, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae. Miegħu kkonċelebra, fost oħrajn, il-kardinal Giuseppe Versaldi, president tal-Prefettura tal-Affari ekonomiċi tas-Santa Sede, li kien qed jakkumpanja diversi kollaboraturi tal-uffiċċju. Fost dawk preżenti, kien hemm ukoll dipendenti tal-Mużewijiet Vatikani.

Waqt l-omelija l-Papa fakkar li l-liturġija ta’ dawn il-jiem tipproponi biex nirriflettu fuq il-paralelliżmi bejn “il-liġi antika u l-liġi l-ġdida, il-liġi tas-Sinaj u l-liġi tal-muntanja tal-beatitudni.” Waqt li daħal fl-ispeċifiku tal-qari - meħud mit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (8, 1-9) u mill-vanġelu ta’ Mattew (5, 43-48) - il-Qdusija Tiegħu waqaf fuq id-diffikultà tal-imħabba lejn l-għedewwa u waqt li staqsa kif inhu possibbli li naħfru żied: “Aħna wkoll, ilkoll kemm aħna għandna għedewwa, ilkoll. Biċċa għedewwa dgħajfa, oħrajn qawwija. Ukoll aħna bosta drabi insiru għedewwa ta’ oħrajn; ma nixtiqulhomx ġid. Ġesù jgħidilna li hemm bżonn li nħobbu lill-għedewwa.”

Xejn mhu mpenn faċli u, l-biċca l-kbira, “naħsbu li Ġesù qed jitlob iżżejjed. Naħsbu: “Dawn l-affarijiet inħalluhom għas-sorijiet tal-klawsura li huma qaddisin, għal xi ruħ tajba!” Dan iżda mhux l-atteġġjament ġust. “Ġesù - fakkar il-Papa - jgħid li hemm bżonn nagħmlu dan għaliex inkella nkunu bħall-pubblikani, bħall-pagani, u ma nkunux insara.” Quddiem tant drammi li jindikaw l-umanità, ammetta, huwa diffiċli li nagħmlu din l-għażla: infatti kif tistà tħobb, “lil dawk li jieħdu d-deċiżjoni li jwettqu bombardament u joqtlu tant nies? Kif nistgħu nħobbu lil dawk li gl-imħabba tal-flus ma jħallux jaslu l-mediċini għal min hu fil-bżonn, għall-anzjani, u jħalluhom imutu?” U iktar: “Kifnistgħu nħobbu lill-persuni li jfittxu biss l-interessi tagħhom, il-poter tagħhom u jagħmlu tant ħsara?”

Jien ma nafx - sostna l-isqof ta’ Ruma - kif trid tagħmel. Imma Ġesù jgħidilna żewġ affarijiet: l-ewwel ħarsu lejn il-Missier. Nissierna huwa Alla: li jtellà x-xemx fuq it-tajbin u l-ħżiena; iniżżel ix-xita fuq il-ġusti u l-inġusti. Missierna filgħodu ma jgħidx lix-xemx: “Illum dawwal dawn u dawn; dawn le, ħallihom fid-dell!” Huwa jgħid: “Dawwal lil kulħadd.” Imħabbtu hija għal kulħadd, imħabbtu hija rigal għal kulħadd, tajbin u ħżiena. UĠesù jispiċċa b’dan il-parir: “Intom, mela, kunu perfetti bħal ma perfett huwa Missierkom ċelesti.” Mela l-indikazzjoni ta’ Ġesù hija li nimitaw lil Missier f’”dik il-perfezzjoni tal-imħabba. Hu jaħfer lill-għedewwa tiegħu. Jagħmel kollox biex jaħfrilhom. Aħsbu b’liema tenerezza Ġesù laqà lil Ġuda fl-ort taż-żebbuġ,” meta fost id-dixxipli hemm min jaħseb gl-vendetta.

“Il-vendetta - qal dwar dan il-Papa - hija dak il-platt tant tajjeb meta nikluh kiesaħ” u għalhekk nistennew il-mument addattat biex inwettquha. “Imma dan - irripeta - mhuwiex nisrani. Ġesù jitlobna biex inħobbu lill-għedewwa. Kif nistgħu nagħmlu dan? Ġesù jgħidilna: itolbu, itolbu għall-għedewwa tagħkom.” It-talb jagħmel il-mirakli u dan jgħodd mhux biss meta nkunu fil-preżenza tal-għedewwa; jgħodd ukoll meta nnebbtu ġewwa fina xi antipatija, “xi mibegħda ċkejkna.” U allura hemm bżonn li nitolbu, għaliex “dan huwa bħallikieku l-Mulej jiġi biż-żejt biex iħejji qlubna għall-paċi.”

Imma — żied il-Papa waqt li dar fuq dawk preżenti — «issa rrid inħallilkom mistoqsija, li għaliha kulħadd irid iwieġeb f’qalbu: Jien nitlob għall-għedewwa tiegħi? Jien nitlob għal dawk li ma jixtiqulix il-ġid? Jekk aħna ngħidu iva, jien ngħidilkom: komplu, itolbu iktar, għaliex din hija triq tajba. Jekk it-tweġiba hija le, il-Mulej jgħid: Imsejken! Int ukoll int għadu tal-oħrajn! U allura hemm bżonn li nitolbu biex il-Mulej ibiddlilhom qlubhom.”

Il-Papa mbagħad talabhom biex jgħassu għal atteġġjamenti li suppost li jiġgustifikaw il-vendetta skont il-grad tal-offiża riċevuta, tal-ħażen magħmul minn oħrajn: jiġifieri l-vendetta fondata fuq il-prinċipju “għajn għal għajn, sinna għal sinna.” Hemm bżonn li għal darb’oħra naraw l-eżempju ta’ Ġesù: “infatti tafu l-grazzja li dwarha llum jitkellem l-appostlu Pawlu: minn għani li kien, sar fqir għalikom, sabiex intom issiru għonja permezz tal-faqar tiegħu. Dan veru: l-imħabba għall-għedewwa tfaqqarna, tagħmilna foqra, bħal Ġesù, hu, li meta ġie, tbaxxa sakemm sar fqir.” Jistà jkun li mhix “affari tajba,” żied il-Papa, jew almenu mhix skont il-loġika tad-dinja. Madankollu, “hija t-triq li għamel Alla, it-triq li għamel Ġesù, sakemm kisbilna l-grazzja li għamlitna għonja.

Dan “huwa l-misteru tal-fidwa: bil-maħfra, bl-imħabba għall-għadu aħna nsiru ifqar. Imma dak il-faqar huwa żerriegħa fertili għall-oħrajn, bħal ma l-faqar ta’ Ġesù sar grazzja għalina lkoll, fidwa. Naħsbu fl-għedewwa tagħna, F’dawk li ma jixtiqulniex ġid. Tkun ħaġa sabiħa jekk noffru il-quddiesa għalihom, jekk noffru s-sagrifiċċju ta’ Ġesù għalihom li ma jħobbuniex. U wkoll għalina, sabiex il-Mulej jgħallimna dan l-għerf: tant diffiċli imma wkoll tant sabiħ u jirrendina wkoll simili għal Ibnu, li fit-tbaxxija tiegħu sar fqir biex jagħni lilna bil-faqar tiegħu.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.