Alla huwa persuna

Il-Ħamis, 18 ta’ April 2013

 

Li titkellem ma’ Alla huwa bħalma titkellem ma’ xi persuni: il-Missier, l-Iben, l-Ispirtu Santu. Għaliex dan huwa l-Alla tagħna, wieħed u tlieta; mhux alla indefinit u mferrex, bħal sprej imferrex ftit jew wisq ma’ kullimkien.. Huwa dan is-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku fl-omelija magħmula waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 18 ta’ April, fid-Domus Sanctae Marthae, li fiha ħadu sehem diriġenti u aġenti tal-Ispettorat tas-Sicurezza Pubblika tal-Vatikan.

Huwa l-Mulej li “jkellimna dwar il-fidi” beda l-Papa fl-omelija. Hu jgħġidilna biex “nemmnu fih, Imma qabel jgħidilna wkoll xi ħaġa oħra: ‘Ħadd ma jistà jiġi għandi jekk ma jattirahx il-Missier li bagħatni.’ Li nmorru għand Ġesù, li nsibu lil Ġesù, li nsiru nafu lil Ġesù huwa rigal tal-Missier. Huwa rigal. Il-fidi hija rigal. Rigal li rċivejna fil-Magħmudija imma li mbagħad irid jiżviluppa tul il-ħajja, jiżviluppa fil-qalb, jiżviluppa fl-opri li nagħmlu. Il-fidi hija rigal, u min għandu din il-fidi għandu l-ħajja ta’ dejjem. Nistgħu nistaqsu: ‘Għandna fidi?’ ‘Iva, iva: jien nemmen f’Alla.’ ‘Imma f’liema Alla int temmen?’ ‘Mah, f’Alla!’ Kemm-il darba nisimgħu dan ‘f’Alla.’ Alla mferrex, alla-sprej, li jinsab ftit ma’ kullimkien imma li ma nafux xinhu. Aħna nemmnu f’Alla li huwa Missier, li huwa Iben, li huwa Spirtu Santu. Aħna nemmnu f’persuni, u meta nitkellmu ma’ Alla nitkellmu ma’ persuni: jew nitkellem mal-Missier, jew nitkellem mal-Iben, jew nitkellem mal-Ispirtu Santu. U din hija l-fidi.”

Imbagħad waqt li rrifera għall-ewwel qari, meħud mill-Atti tal-Appostli (8, 26-40), il-Papa waqaf fuq il-figura tal-ewnuku Etjopiku teżorier tar-reġina Candace, li kellu fidi ftit li xejn matura u solida, “fidi li għadha fil-bidu.” Iżda “kellu rieda tajba. Kien ġie Ġerusalem biex jitlob, biex jadura lil Alla, u kien qed jaqra l-Profeta Iżaija. Kellu ċertu nuqqas ta’ trankwillità f’ruħu. Kien poġġieh il-Missier biex jiġbdu lejn Ġesù. U dan ir-raġel, meta Filippu jersaq lejh u jistaqsih: ‘Imma inti tifhem dak li taqra?’ huwa jwieġbu li le. U meta Filippu jħabbarlu lil Ġesù, dan ir-raġel iħoss li din kienet aħbar tajba. Iħoss il-ferħ. Jibda jħoss ferħ speċjali. U tant kien il-ferħ li meta jara l-ilma jgħid: ‘Għammidni issa! Jien irrid insegwi lil Ġesù!’”

Din, saħaq il-Papa Franġisku, hija ħaġa li għandha ġġiegħlna nirriflettu: “Naħsbu: ma kienx bniedem tat-triq, bniedem komuni. Kien ministru tal-ekonomija, eh! Nistgħu naħsbu li kien aktarx xi ftit marbut mal-flus. Nistgħu wkoll naħsbu li kien karrerista għaliex kien ċaħhad lilu nnifsu mill-paternità minħabba l-karriera, le?  Imma dan kollu jaqà quddiem dik l-istedina tal-Missier biex jiltaqà ma’ Ġesù. Din hija l-fidi. U mbagħad Ġesù jgħidilna kif inhi triqtu, jgħallimna l-atteġġjamenti ta’ dawk li jsegwuh: fil-beatitudni, imbagħad fl-atteġġjament tagħna. ‘Biex timxu warajja, dawn huma l-affarijiet li tridu tagħmlu: il-beatitudni’.” Li magħhom jiżdiedu l-atteġġjamenti deskritti fil-“kapitolu 25 ta’ Mattew, rigward il-Ġudizzju finali: ‘Kelli l-ġuħ u tajtuni niekol, kelli l-għatx u tajtuni nixrob, kont marid u ġejtu żżuruni’ (cfr. Mattew 25, 31-46). Dawn huma l-atteġġjamenti tad-dixxipli ta’ Ġesù. Min għandu l-fidi għandu l-ħajja ta’ dejjem, għandu l-ħajja. Imma l-fidi hija rigal, huwa l-Missier li jtihielna. Aħna hemm bżonn li nkomplu din il-mixja.”

Jistà jiġri lilna wkoll, wissa l-Papa, li nimxu din it-triq waqt li nkunu  mitlufin fi ħsibijietna. Mill-bqija, “midimbin aħna lkoll u dejjem ikollna xi affarijiet li ma jgħaddux,” madankollu l-Mulej jaħfrilna “kemm-il darba nitolbuh maħfra: u navanzaw dejjem, bla ma naqtgħu qalbna!” Huwa possibbli mela li f’dik it-triq tiġri l-istess ħaġa li ġrat lit-teżorier Etjopiku. La darba telgħu mill-ilma wara l-Magħmudija - irrakkonta l-Papa Franġisku - l-Ispirtu tal-Mulej ħataf lil Filippu u hu “ma rahx iktar. U mimli ferħ kompla triqtu.”

Kien il-ferħ tal-fidi, “il-ferħ li kien iltaqà ma Ġesù, il-ferħ li tagħti l-paċi: mhux dik li tagħti d-dinja, dik li jagħti Ġesù. Din hija l-fidi tagħna,” dik li “tagħmilna qawwija, tagħmilna ferħanin,” u li titmana dejjem fil-ħajja “bil-laqgħat ċkejkna ta’ kuljum ma’ Ġesù.”

Fl-għeluq tal-quddiesa, wara t-talba lil San Mikiel Arkanġlu, patrun tal-Pulizija tal-Istat, il-Papa ried jiżżi ħajr lil dawk kollha preżenti “għas-servizz li huma jattwaw fost is-soċjetà. Servizz diffiċli: servizz għall-ġid komuni, għall-paċi komuni. Servizz li huwa perikoluż, ukoll għall-ħajja. Servizz li - bħal ma tlabna lil San Mikiel Arkanġlu - jeħtieġ rettitudni tal-moħħ, forza tar-rieda, onestà għal dawk affettati, serenità. Grazzi bil-kbir għal dan is-servizz. Il-Mulej iberikkom ħafna.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.