Omelija fil-Quddiesa f’Dar Santa Marta, 16 ta’ Mejju 2013

 

Il-Gwaj ta’ San Pawl

 

Bix-xhieda tiegħu għall-verità  n-nisrani jrid “jagħti fastidju”   lill-“istrutturi komdi tagħna”,  ukoll jekk dan ikun ifisser li jsib ruħu “fil-gwaj”, u jagħmel dan għax ikun  imħeġġeġ  minn “ġenn spiritwali b’saħħtu” għall-“periferiji eżistenzjali”  kollha.

 

Fuq l-eżempju ta’ San Pawl, li għadda “minn  battalja ħarxa għall-oħra”,  min jemmen m’għandux ifittex il-kenn “f’ħajja trankwilla”  jew  fil-kompromessi.  Illum,  fil-Knisja hemm ħafna “insara tas-salott, dawk edukati”, “bierda”,  li  għalihom dejjem “kollox sew”,  imma  li m’għandhom  ebda ħeġġa appostolika fir-ruħ tagħhom.  Fil-Quddiesa ċelebrata llum, il-Ħamis 16 ta’ Mejju fil-Kappella tad-Domus Santa Marta, il-Papa Franġisku appella  b’mod qawwi għall-missjoni  mhux biss f’artijiet imbiegħda imma wkoll fl-ibliet tagħna.

 

Ir-riflessjoni tiegħu bdiet mis-silta tal-Atti tal-Appostli (22, 30; 23, 6-11)  li fiha naraw lil San Pawl bħala l-protagonista f’waħda mill-battalji ħarxa tiegħu.  Imma l-Papa  qal li din id-darba l-battalja “bdieha hu, bil-furbizja tiegħu.  Meta nduna bil-firda bejn dawk li kienu akkużawh”, bejn is-Sadduċej u l-Fariżej, hu ra kif għamel biex bdew joħduha “kontra xulxin.  Matul  ħajtu  San Pawl għadda minn battalja ħarxa għall-oħra, minn persekuzzjoni għall-oħra. Għadda minn ħafna provi;  il-Mulej kien qal li dan kellu jkun id-destin tiegħu”,  destin “b’tant slaleb; imma hu baqa’ miexi ‘l quddiem;  kien iħares lejn il-Mulej u jibqa’ miexi ‘l quddiem”.

 

Il-Papa fisser li: “Pawlu  kien jagħti fastidju; kien raġel li bil-priedki tiegħu, bil-ħidma tiegħu, bl-imġiba tiegħu kien jagħti fastidju, propju għax ħabbar lil Ġesù Kristu.  Ħafna drabi t-tħabbira ta’ Ġesù Kristu  tagħti fastidju lill-istrutturi komdi tagħna, anki dawk insara. U l-Mulej irid li aħna nibqgħu dejjem mexjin  aktar ‘l quddiem, li  naqdfu ‘l quddiem”. Irid li “aħna ma nfittxux il-kenn f’ħajja trankwilla jew fi strutturi li  malajr jgħaddu”.  Pawlu kien jagħti fastidju għax kien jippriedka lil Ġesù. Imma  kien jibqa’ miexi ‘l quddiem, għax kellu fih dak l-attaġġament nisrani li hu ż-żelu appostoliku. Kellu fih il-fervur appostoliku.  Le, ma kienx  raġel ta’ kompromessi,  imma    tal-verita u kien jibqa’ miexi ‘l quddiem! Kien iħabbar lil Kristu u jibqa’ miexi ‘l quddiem. U dan ma kienx  jagħmlu biss minħabba t-temperament tiegħu:  hu kien bniedem mimli nar”. 

 

Imbagħad il-Papa reġa’ mar lura  lejn l-Atti tal-Appostli u wera kif  “anki il-Mulej daħal”  fil-ġrajja ta’ Pawlu,   “propju  għax fil-lejl ta’ wara din il-battalja ħarxa,  il-Mulej deher lil Pawlu u qallu: “Agħmel il-qalb!”  U Pawlu baqa’ miexi aktar ‘l quddiem. Il-Mulej qanqlu biex jibqa’ miexi ‘l quddiem billi qallu: “Kif tajt xhieda għalija f’Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f’Ruma”.  U l-Papa kompla jżid:  “(..)Jogħġbuni dawn il-kliem li juru li  l-Mulej ħa ħsieb din id-djoċesi tagħna sa mill-ewwel żmenijiet: aħna privileġġati!”.

 

«Mela ż-żelu appostoliku” – ippreċiża l-Papa – “ mhuwiex entużjażmu biex ikollok il-poter,  biex ikollok xi ħaġa, imma jiġi minn ġewwa;  huwa dak li l-Mulej stess irid minna: insara b’żelu appostoliku. U mnejn jiġi dan iż-żelu appostoliku?  Ikollna dan iż-żelu għax insiru nafu lil Ġesù Kristu. Pawlu sab lil Ġesù; iltaqa’ miegħu, mhux b’għarfien intellettwali u xentifiku – dan importanti li nkunu nafuh għax jgħinna -  imma   għarfu bil-qalb tiegħu, billi ltaqa’ miegħu b’mod personali.   Nagħraf  lil Ġesu li salvani u li miet għalija: dan kien  l-għarfien profond ta’ Pawlu, li mbuttah biex jibqa’ miexi ‘l quddiem u jħabbar lil Ġesu.”

 

U għal Pawlu “kienet tispiċċa ħaġa u tibda oħra. Dejjem kien isib ruħu fil-gwaj,  mhux għall-gwaj fih innifsu, imma għal Ġesu. It-tħabbira ta’ Ġesu  ġġib magħha dawn il-konsegwenzi.  Għax għaraf lil Ġesù, Pawlu sar bniedem  mimli ħeġġa appostolika.    Kien ikun f’dik  il-Knisja, jaħseb fl-oħra,  jerġa’ jmur lejn waħda, imbagħad imur  fl-oħra.  U din hija  grazzja. Il- fervur appostoliku, iż-żelu appostoliku hu l-attaġġament tan-nisrani”.

Imbagħad Papa  Franġisku rrefera għall-Eżerċizzi Spiritwali ta’ Sant Injazju ta’ Loyola u ssuġġerixxa din il-mistoqsija: “Jekk Kristu għamel dan għalija, x’jeħtieġ li nagħmel jien għalih?” U wieġeb: “Il-ħeġġa appostolika, iż-żelu appostoliku tista’ tifhmu biss fejn  hemm atmosfera ta’ mħabba: mingħajr l-imħabba ma tifhmux għax iż-żelu appostoliku għand fih  xi ħaġa tal-ġenn, ġenn spiritwali, imma ġenn b’saħħtu. U Pawlu kellu dan il-ġenn b’saħħtu”.

 

Il-Papa kompla jgħid «Huwa l-Ispirtu s-Santu li jikkustodixxi dan iż-żelu appostoliku, huwa l-Ispirtu s-Santu li jkabbru. Hu jimla  r-ruħ  b’dak in-nar  li jwassalna biex inkomplu nħabbru lil Ġesù Kristu. Jeħtieġ nitolbuhielu l-grazzja taż-żelu appostoliku”.  U dan jgħodd “ mhux biss għall-missjunarji, li tant huma bravi.  F’dawn il-ġranet ltqajt ma’ xi wħud li qaluli: ‘Ili sittin sena fl-Amazzonja!’ Sittin sena u baqgħu mexjin ‘l quddiem! Illum fil-Knisja hemm ħafna minn dawn  li huma mimlija żelu: hemm ħafna rġiel u nisa li għandhom dan il-fervur u jibqgħu mexjin ‘l quddiem. Imma  fil-Knisja hemm ukoll  oħrajn  bierda; għandhom ċertu bruda; huma tajbin imma ma ma jħossux li għandhom jibqgħu mexjin ‘l quddiem.  Hemm ukoll dawk l-insara tas-salott; dawk edukati, li għalihom kollox sew, imma ma jafux ikunu wlied il-Knisja u jwasslu l-bxara t-tajba u jkollhom il-ħeġġa appostolika”.  

 

Għalhekk il-Papa talab lill-Ispirtu s-Santu “ biex jagħti din il-ħeġġa appostolika lilna lkoll; biex jagħtina l-grazzja li nagħtu fastidju lill-affarijiet li huma trankwilli wisq fil-Knisja; il-grazzja li nersqu lejn il-periferiji eżistenzjali. Il-Knisja għandha bżonn kbir ta’ dan!  Mhux biss f’artijiet imbiegħda, fil-Knejjes  li ma tantx ilhom li twaqqfu, fil-popli li għadhom ma jafux lil Ġesù  Kristu. Imma hemm bżonn tat-tħabbira ta’ Kristu hawnhekk fil-belt tagħna.  Għalhekk nitolbu lill-Ispirtu s-Santu din il-grazzja taż-żelu appostoliku: li nkunu nsara b’żelu appostoliku. U jekk nagħtu fastidju, ikun imbierek il-Mulej.  Nimxu ‘l quddiem u kif qal lil Pawlu: “Nagħmlu il-qalb!”

 

Fost dawk li kkonċelebraw mal-Papa kien hemm  il-Kardinal Peter Kodwo Appiah Turkson  u l-Isqof Mario Toso,  li huma l-president u s-segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Monsinjur Luigi Mistò, segretarju  tal-Amministrazzjoni għall-Patrimonju tas-Sede Appostolika (Apsa),  u l-ġiżwita Hugo Guillermo Ortiz,  li hu responsabbli tal-programmi bil-lingwa Spanjola fir-Radjuo Vatikana. Fost dawk preżenti kien hemm  l-istaff  fid-dikasteru Ġustizzja u Paċi u grupp ta’ impjegati max-xandir tal-Vatikan.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.