Omelija tal-Erbgħa, 15 ta’ Mejju 2013

L-isqfijiet u s-saċerdoti għandhom bżonn it-talb tal-Fidili.

 

Itolbu għas-saċerdoti u għall-isqfijiet biex ma jaqgħux fit-tentazzjoni tal-flus u tal-vanità, imma jkunu qaddejja tal-poplu t’Alla.  Din l-eżortazzjoni għamilha l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa tal-Erbgħa 15 ta’ Mejju, fir-residenza tad-dar Santa Marta fil-Vatikan, li għaliha kienu preżenti grupp ta’ ħaddiema tar-Radju tal-Vatikan.

Il-ħsieb li beda l-omelija bih il-Papa kien il-pass mill-Atti tal-Appostli li fih insibu lil Pawlu jħeġġeġ lill-anzjani tal-Knisja ta’ Efesu biex jindukraw lilhom infushom u lill-merħla, biex ikunu ragħajja attenti u jħarsu l-Knisja mill-ilpup imġewħin li lesti jibilgħu il-merħla.

Din hi waħda mill-isbaħ paġni tat-Testment il-Ġdid, qal il-Papa Franġisku.  Hu episodju mimli tenerezza u mħabba pastorali li fiha naraw ir-relazzjoni sabiħa tal-isqof mal-poplu tiegħu.

L-isqfijiet u s-saċerdoti, kompla jispjega, qegħdin għas-servizz tal-oħrajn, biex jippreservaw, jibnu u jiddefendu l-poplu t’Alla.  Huma għandhom relazzjoni ta’ ħarsien u mħabba bejn Alla u r-ragħaj u bejn ir-ragħaj u l-poplu.
Kollox ma’ kollox l-isqof mhux isqof għalih innifsu.  Hu qiegħed għall-poplu u s-saċerdot mhux saċerdot għalih innifsu, anki hu qiegħed għall-poplu: biex iservih, imantnih, u jindokra l-merħla tiegħu biex iħarisha mill-ilpup.

Kemm hu sabiħ taħseb dan!  Meta l-isqof jimxi hekk, ikun hemm relazzjoni tajba mal-poplu tiegħu bħalma Pawlu, bħala isqof, kellu mal-poplu tiegħu, hux hekk? staqsa l-Papa.

U meta s-saċerdot jibni relazzjoni tajba mal-poplu, din tiġġenera l-imħabba, imħabba li tgħaqqad, imħabba vera, u l-Knisja ssir ħaġa waħda.

Il-Papa kompla jiddeskrivi r-relazzjoni tal-isqof u tas-saċerdot mal-poplu bħala relazzjoni eżistenzjali u sagramentali.  Aħna l-isqfijiet u s-saċerdoti, għandna bżonn it-talb tagħkom, qal Franġisku, għax anki l-isqof u s-saċerdot ikollhom it-tentazzjonijiet.

L-isqfijiet u s-saċerdoti għandhom jitolbu ħafna, ixandru lil Ġesù Rxoxt u bil-qlubija jipprietkaw il-messaġġ tas-salvazzjoni.  Madankollu, żied jgħid, aħna bnedmin u aħna midinbin u nkunu ttentati wkoll.
F’kumment dwar Eżekjel, Santu Wsitin jitkellem dwar żewġ tenatzzjonijiet: il-ġid, li jista’ jsir rgħiba , u l-vanità.  Santu Wistin jgħid li meta l-isqof, is-saċerdot, japprofittaw ruħhom minn-nagħaġ, tinqaleb id-dinamika u ma jkunx aktar is-saċerdot, l-isqof għall-poplu imma jsiru s-saċerdot, l-isqof li jikseb minn fuq il-poplu.

Santu Wisitn jgħid: Hu jieħu l-laħam min-nagħaġ biex jiekol, jieħu vantaġġ, jagħmel in-negozju u jkun marbut mal-flus; isir rgħib u kultant jaqa’ fis-simonija,(il-bejgħ u x-xiri ta’ karigi fil-Knisja).  Forsi japprofitta ruħu mis-suf tan-nagħaġ għall-vanità, biex jiddandan bih!
Għaldaqstant, osserva l-Papa, meta saċerdot, isqof jiġri wara l-flus, il-poplu ma jħobbux.. u dak hu sinjal!  Imma dak li jkun jispiċċa ħażin.  San Pawl ifakkarna li hu kien ħaddiem tal-id.  Ma kellux kont fil-bank, kien ħaddiem, u meta isqof jew saċerdot jimxu fit-triq tal-vanità, ikunu ntrikbu mix-xewqa li jkollhom karriera – u dan iweġġgħa ħafna lill-Knisja – minbarra li dak li jkun jaqa’ għar-redikolu; jibda’ jiftaħar, ikun iħobb jidher, irid il-poter – u n-nies dan kollu ma jogħġobhomx!

Itolbu għalina, tenna l-Papa, ħalli nkunu foqra, ħalli nkunu umli, mansweti u għas-servizz tal-poplu.

Fl-aħħar il-Papa Franġisku għamel suġġeriment lill-kogregazzjoni miġbura fil-kappella tad-Dar Santa Marta biex jaqraw il-versi 28 sa 30 tal-kapitlu 20 tal-Atti tal-Appostli fejn San Pawl jgħid:

« Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta' Alla li hu kiseb b'demmu stess.  Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex.  U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawwru d-dixxipli għal warajhom. »

Aqraw dan il-pass tant sabiħ u waqt li tkunu qed taqrawh itolbu, itolbu għalina l-isqfijiet u saċerdoti.  Għandna bżonn dat-talb biex nibqgħu fidili, biex inkunu bnedmin li ngħassu l-merħla tagħna u ngħassu fuqna nfusna, biex qalbna tkun dejjem tħares lejn il-merħla ta’ Alla.  Itolbu wkoll biex il-Mulej jeħlisna mit-tentazzjoni, għax jekk naqbdu t-triq tar-rikkezza, jekk nimxu fit-triq tal-vanità nsiru lpup u ma nibqgħux ragħajja.  Itolbu għal dan, aqraw dal-pass u itolbu.  Hekk Ikun, temm il-Papa.

 



 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.