Il-Kalunja toqtol

It-Tnejn, 15 ta’ April 2013

 

Il-kalunja teqred l-opra ta’ Alla, għaliex titwieled mill-mibegħda. Hija l-bint ta’ “missier il-gideb” u trid iġġib fix-xejn lill-bniedem, billi tbiegħdu minn Alla. Jekk il-kalunja hija żiffa kif ikanta Bażilju fil-Barbiere di Siviglia, għall-Papa Francesco hija hi riħ qawwi. Dan qalu nhar it-Tnejn filgħodu, 15 ta’ April, waqt is-solita quddiesa, ċcelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

Il-kalunja hija antika daqs id-dinja u nsibu riferimenti diġa fit-Testment il-Qadim. Biżżejjed naħsbu dwar l-episodju tar-reġina Ġeżabel bil-vinja ta’ Naabot, jew għal dak ta’ Susanna biż-żewġ imħallfin. Meta wieħed ma setax jikseb xi ħaġa “bis-sewwa, bit-triq id-dritta,” kien juża l-kalunja, li teqred. U “dan - ikkummenta l-Papa - iġiegħlna naħsbu: aħna lkoll aħna midimbin, ilkoll. Għandna d-dnubiet. Imma l-kalunja hija ħaġ’oħra.” Hija dnub, imma hija wkoll xi ħaġa iktar, għaliex “trid teqred l-opra ta’ Alla u titwieled minn xi ħaġa tassew krudila: titwieled mill-mibegħda. U min iħeġġeġ il-mibegħda huwa Satana.” Il-gidba u l-kalunja jmorr id f’id, għaliex għandhom bżonn waħda tal-oħra biex jgħaddu ‘l quddiem. U bla ebda dubju ta’ xejn, żied il-Papa, “fejn hemm il-kalunja hemm Satana, propju hu.” Il-Papa Franġisku imbagħad ħa spunt mis-salm 118 moqri fil-liturġija tal-jum, biex jispjega kif iħossu l-ġust li jisfa kkalunjat: “Ukoll jekk il-qawwija jpoġġu u jikkalunjawni, is-serv tiegħek jimmedita id-digrieti tiegħek. It-tagħlim tiegħek huwa l-ħlewwa tiegħi.” Il-ġust f’dan il-każ huwa Stiefnu l-protomartri, li dwaru kien jirreferi l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli.Stiefnu jħares lejn il-Mulej u jobdi l-liġi.” Huwa l-ewwel wieħed minn sensiela ta’ xhieda ta’ Kristu li żejnu l-Istorja tal-Knisja. Mhux biss fl-imgħoddi imma wkoll fi żmienna għandna bosta martri. “Hawn f’Ruma - żied il-Qdusija Tiegħu - għandna tant xhieda ta’ martri, nibdew minn Pietru. Imma ż-żmien tal-martri ma ntemmx: ukoll illum nistgħu fis-sewwa ngħidu, li l-Knisja għandha iktar martri milli kellha fiż-żmien tal-ewwel sekli.”

Il-nisja, infatti, “għandha tant irġiel u nisa li huma kkalunjati, li huma ppersegwitati, li jiġu maqtula b’mibegħda għal Ġesù, b’mibegħda għall-fidi.” Uħud jiġu maqtula għaliex “jgħallmu l-katekiżmu,” oħrajn għaliex “iġorru s-salib.”  Il-kalunja ssib spazju f’bosta pajjiżi, fejn l-insara jinsabu ppersegwitati. “Dawn huma ħutna - sostna - li llum qegħdin ibatu, f’dan iż-żmien tal-martri. Hemm bżonn li naħsbu dwar dan.” Il-Papa mbagħad ġibed l-attenzjoni dwar li l-epoka tagħna hija kkaretarizzata minn “iktar martri minn dik tal-ewwel sekli. Ippersegwitati minħabba l-mibegħda: huwa propju d-demonju li jiżra l-mibegħda f’dawk li jwettqu l-persekuzzjonijiet.”

Waqt li reġà tkellem dwar Stiefnu, il-Papa fakkar li dan kien wieħed mid-djakni ordnati mill-appostli. “Jidher mimli bil-grazzja u bil-qawwa - żied - u għamel għeġubijiet kbar, sinjali kbar fost il-poplu, u mexxa ‘l quddiem il-Vanġelu. Allura, diversi bdew jiddiskutu miegħu dwar Ġesù: jekk Ġesù kienx il-messija jew le.” Dik id-diskussjoni iżda saret qawwija u dawk li “kienu jiddiskutu miegħu ma felħux jirreżistu gl-qawwa tiegħu, gl-għerf tiegħu, għax-xjenza tiegħu.” U x’għamlu? Staqsa l-Papa. Minflok ma talbuh spjega għaddew għall-kalunja biex jeqirduh. “Billi l-battibekk pulit ma marx tajjeb, battibekk bejn bnedmin tajbain, erħewlha għat-triq tal-ġlieda maħmuġa: il-kalunja.” Sabu xhieda foloz, li qalu: Dan ma jagħmilx għajr jitkellem kontra dan il-post, kontra l-liġi ta’ Mosè, kontra dan, kontra dak.” L-istess kienu għamlu lil Ġesù.

Fl-epoka tagħna kkarettarizzata minn “tant maltempati spiritwali,” il-Papa stieden biex nirriflettu dwar ikona medjevali tal-Verġni. Il-Madonna li “tgħatti bil-mant tagħha lill-poplu ta’ Alla.” Ukoll l-ewwel antifona Latina tal-Verġni Marija hija Sub tuum presidium. “Aħna nitolbu lill-Madonna biex tipproteġina - qal il-Papa - u fiż-żmien tal-maltemp spiritwali il-post l-iktar sikur huwa taħt il-mant tal-Madonna, Infatti hija l-omm li tieħu ħsieb il-Knisja. U f’dan iż-żmien ta’ martri, hija l-protagonista tal-protezzjoni: hija l-omm.”

Il-Papaimbagħad stiedem biex ikollna fiduċja f’Marija, u ngħollu lejha talbna, li għandu jibda “Taħt il-protezzjoni tiegħek, u biex niftakru f’dik l-ikona antika bil-mant tagħha jgħatti l-poplu tiegħu: hija l-omm.”

“huwa propju l-Ispirtu Santu ġewwa fina li jagħtina l-qawwa biex inmorru.” Il-vanġelu ta’ Ġwanni (3, 31-36), moqri fiċ-ċelebrazzjoni, b’espressjoni tassew sabiħa jassikura “’Infatti dak li Alla bagħat jgħid il-kliem ta’ Alla: bla qies huwa jagħti l-Ispirtu.’ Missierna jagħtina l-Ispirtu, bla qies, biex nisimgħu lil Ġesù, biex inħossu lil Ġesù u nmorru għal għonq it-triq ta’ Ġesù.”   

Il-Papa Franġisku temm l-omeljija bl-istedina biex inkunu kuraġġużi fid-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja. “Nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ. Dejjem ikollna d-dnubiet: ilkoll aħna midimbin.” Imma ninħtieġu “l-kuraġġ li ngħidu ‘Mulej, jien midneb, kultant nobdi għal affarijiet mondani imma rrid nobdi lilek, irrid nimxi għal għonq it-triq tiegħek.’ Nitolbu din il-grazzja, li dejjem nimxu għal għonq it-triq ta’ Ġesù, u meta dan ma nagħmluhx, li nitolbu maħfra: il-Mulej jaħfrilna, għaliex Huwa hu tant twajjeb.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.