L-ilsien jistà joqtol ukoll

Il-Ħamis, 13 ta’ Ġunju 2013

 

Ir-rabja u l-insult lil ħuk jistgħu joqtlu. Dan fakkru l-Papa Francesco fil-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ħamis 13 ta’ Ġunju, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, waqt li kkummenta s-silta tal vanġelu ta’ Mattew (5, 20-26) tal-liturġija tal-jum, fejn jirrakkonta li kulmin jirrabja ma’ ħuh għandu jkun  soġġett għall-ħaqq. Flimkien mal-Papa, fil-jum li fih jagħlaq tliet xhur mill-elezzjoni tiegħu, kienu preżenti xi diplomatiċi Arġentini. Quddiem nett l-istaff tal-ambaxxata fis-Santa Sede u ta’ dik fl-Italja, ir-rappreżentanti tal-Pajjiż fl-Organiżazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-alimentazzjoni u l-agrikoltura (il-FAO) u fl-ordni Sovran militari ta’ Malta (Smom) u d-dipendenti tal-konsolat Arġentin f’Ruma u Milan.

Waqt li fakkar lil San Ġwann li dwar dan jgħid li min jesprimi risentiment u mibegħda lejn ħuh fir-realtà, f’qalbu, jkun diġa qatlu, il-Papa enfasizza il-bżonn  li nidħlu fil-loġika tal-perfezzjoni, jiġifieri dik “li nirrivedu l-kondotta tagħna.” Evidentement, qal huwa waqt li dar lejn il-fidili tal-lingwa Spanjola, reġà mar lura fuq it-tema li “li niskreditaw lil ħuna billi nibdew mill-passjonijiet interni tagħna. Din fil-prattika hija t-tema tal-insult.” Mill-banda l-oħra, il-Papa ġiegħel li jkun innutat b’mod ironiku kemm huwa mifrux “fit-tradizzjoni Latina” r-rikors għall-insult, bi “kreattività meraviljuża, giex nivvintaw wieħed wara l-ieħor.”

Sakemm  “l-attribut huwa amikevoli, jistà jgħaddi” ammetta l-Papa. Imma “l-problema hija meta jkun hemm attribut ieħor” iktar offensiv. “Allura, qal, inmorr biex nikkwalifikawh b’sensiela ta’ definizzjonijiet li mhumiex eżattament evanġeliċi.” Fil-prattika, spjega, l-insult huwa mod biex inċekknu lill-ieħor. Infatti “mhemmx għalfejn tmur għand il-psikologu biex tkun taf li meta wieħed iċekken lill-ieħor huwa għaliex ma jkunx jistà jikber, għandu bżonn li l-ieħor imur iktar fil-baxx biex iħossu xi ħaġa. Dawn huma mekkaniżmi koroh.” Għall-kuntrarju, fakkar il-Papa, Ġesù bis-sempliċità kollha jgħid: “La titkellmux ħażin dwar l-oħrajn, la ċċekknuhom, la tiskwalifikawhomx. Wara kollox ilkoll kemm aħna qegħdin navanzaw lejn l-istess mixja.”

Din ir-riflessjoni ssib l-ispirazzjoni fil-pass tal-vanġelu tal-jum, li, fakkar il-Papa, huwa kontinwazzjoni tad-diskors tal-muntanja. Ġesù, qal, “ħabbru l-liġi l-ġdida. Ġesù huwa Mosè l-ġdid... u jħabbar il-liġi l-ġdida. Huma l-beatitudni. Il-priedka tal-Muntanja.” Bħalma Mosè fuq il-muntanja Sinaj kien ħabbar il-liġi, hekk Ġesù ġie biex jgħid “li hu ma ġiex biex jelimina l-liġi ta’ qabel, imma biex iwettaqha, biex ikompli javanzaha, biex iġegħlha timmatura iktar,” biex iwassalha għall-milja tagħha. Ġesù, kompla l-Papa, “jiċcara ferm aħjar li ma ġiex biex jabolixxi l-liġi sakemm l-aħħar punt u komà tal-liġi jkunu mwettqa.” Anzi, ġie biex jispjega x’inhi din il-liġi l-ġdida: “Bla ebda dubju kien qiegħed jagħmel aġġustament; kien qed jaddottaha għall-parametri legali l-ġodda.” Hija bla ebda dubju ta’ xejn riforma; u madankollu din hija “riforma bla ksur, riforma fil-kontinwazzjoni: miż-żerriegħa sal frotta”.

Meta Gesù għamel dan id-diskors, kompla l-Papa, beda b’sentenza: “Il-ġustizzja tagħkom hemm bżonn li tkun superjuri minn dik li qegħdin taraw issa, dik tal-iskribi u tal-fariżej.” U jekk din il-ġustizzja ma tkunx “superjuri, jintilfu, ma jidħlux fir-renju tas-Smewwiet.” Għal dan, dak li “jidħol fil-ħajja nisranija, dak li jaċċetta li jsegwi din il-mixja, għandu esiġenzi superjuri g dawk tal-oħrajn kollha.” U hawn puntwalizzazzjoni: “M’għandhiex vantaġġi superjuri, le! Għandha esiġenzi superjuri.” U propju Ġesù isemmi xi wħud minnfom fosthom “l-esiġenza tal-konvivenza,” imma mbagħad jindika wkoll “it-tema tar-relazzjoni negattiva lejn l-aħwa.” Il-kliem ta’ Ġesù, insista l-Papa, ma jħallu ebda ċans ta’ ħarba: “Intom smajtu dak li ngħad fl-imgħoddi: La toqtolx. Dak li joqtol irid jidher quddiem it-tribunal. Imma jien ngħidilkom li kull min jirrabja kontra ħuh ikun ħaqqu li jkun ikkundannat u kulmin jinsultah ħaqqu li jkun ikkastigat mit-tribunal.”

Rigward l-insult, sostna l-Papa, Ġesù huwa ferm iktar radikali u “jmur iktar ‘il hemm.” Għaliex jgħid li meta “tibda tismà f’qabek xi ħaġa negattiva” kontra ħuk u dan tesprimih “b’insult, b’saħta, jew b’rabja, ikun hemm xi ħaġa li mhix tiffunzjona. Hemm bżonn li tikkonverti, hemm bżonn li tinbidel.”

Dwar dan il-Papa Francesco fakkar lill-appostlu Ġakbu li jgħid li “dgħajsa titmexxa bi tmun u persuna imexxiha l-ilsien.” Mela, sostna l-Qdusija Tiegħu, jekk xi ħadd “mhux kapaċi jiddomina lsienu, jintilef.” Dan hu punt debboli għall-bniedem. Din hija kustjoni li tiġi mill-bogħod, għaliex “dik l-aggressività naturali li kellu Kajjin lejn ħuh Abel tirrepeti ruħha tul l-istorja. Mhux għaliex aħna kattivi; aħna debboli u midinmbin.” Hekk hu għaliex, kompla, “huwa ferm faċli li nsolvu sitwazzjoni permezz ta’ nsult, b’kalunja, b’malafama, milli nsolvuha bit-tajjeb, bħal ma jgħid Ġesù.” Mill-banda l-oħra, Ġesù huwa ċar f’dan ir-rigward, meta jistieden biex niftehmu mal-għadu u naslu għal ftehim ħalli ma nispiċcawx quddiem it-tribunal. U jmur iktar ;l hemm. “Jekk tmur tfaħhar lil Missierek, żied il-Papa, u tmur tippreżenta l-offertà fuq l-altar, u tiftakar li għandek problema ma’ ħuk, l-ewwel solvi l-problema.”

Bħala għeluq il-Papa talab lill-Mulej il-grazzja għal kulħadd biex “noqogħdu attenti ftit iktar għal ilsienna rigward dak li ngħidu dwar l-oħrajn.” Huwa bla dubju ta’ xejn “penitenza ċkejkna, imma tagħti frott tajjeb.” Huwa minnu li dan jirrikjedi sagrifiċċju u sforz, għaliex huwa ferm iktar faċli li dduq “il-frott ta’ kumment b’togħma tajba kontra l-ieħor; Fit-tul dan “il-ġuħ tiffruttifika u tagħmlilna tajjeb.” Minn hawn il-bżonn li nitolbu lill-Mulej il-grazzja li “jadattalna ħajjitna għal din il-liġi l-ġdida, li hija l-liġi tal-manswetudni, il-liġi tal-imħabba, il-liġi tal-paċi, billi jibda biex “jiżbrilna ftit ilsienna, jiżbrilna ftit il-kummenti li nagħmlu dwar l-oħrajn jew l-isplużjonijiet li jwassluna għall-insult, għar-rabja faċli.”

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb