Tqasqis xejn, Biżà xejn

Is-Sibt, 13 ta’ April 2013

 

Biex insolvu l-problemi tal-ħajja hemm bżonn li niffaccjaw ir-realtà, lesti, bħall-gowlkiper ta’ tim tal-futbol, biex nilqgħu l-ballun minn kwalunkwè naħa li jiġi. U bla ma nċedu għall-biżà jew għat-tentazzjoni tat-tgergir, għaliex Ġesù huwa dejjem qrib kull bniedem, ukoll u fuq kollox fil-mumenti l-iktar diffiċli. Dan qalu l-Papa Francesco fil-quddiesa ċċelebrata, filgħodu tas-Sibt 13 ta’ April, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

Fost il--preżenti, id-direttur tas-sikurezza u protezzjoni ċivil Domenico Giani flimkien mal-familjari, aġenti tal-korp tal-Ġendarmerija u tal-Vigili del Fuoco, omm il-Monsinjur Alfred Xuereb u diversi handikappati li qegħdin jieħdu sehem f’laqgħa fil-Vatikan.

Fis-silta tal-Atti tal-apposoli (6, 1-7), imxandar fl-ewwel qari, “hemm biċċa - spjega l-Papa - mill-istorja tal-ewwel jiem tal-Knisja: il-Knisja kienet qed tikber, iżzid in-numru tad-dixxipli,” imma “sa minn dan il-waqt jibdew il-problemi.” Infatti, “dawk tal-lingwa Griega kienu jgergru kontra dawk tal-lingwa Ebrajka” għaliex fl-assistenza ta’ kuljum kienu qegħdin jiġu ttraskurati r-romol. “Il-ħajja - kompla - mhix dejjem kwieta u sabiħa” u “l-ewwel ħaġa li jagħmlu huwa t-tgergir, iqasqsu wieħed kontra l-ieħor: ‘Imma ara, hawn dan.... .’ Imma dan ma jwassal għal ebda soluzzjoni.”

Minflok “l-appostli, bl-assistenza tal-Ispirtu Santu, irrejaġixxew sewwa. Sejħu lill-grupp tad-dixxipli u tkellmu. Danhuwa l-ewwel pass: meta jkun hemm diffikultà, hemm bżomm nifluha sewwa, naqbduha u nitkellmu. Qatt m’għandna naħbuha. Il-ħajja hija hekk. Il-ħajja hemm bżonn li neħduha kif tiġi, mhux kif irriduha aħna li tiġi.” Huwa “ftit jew wisq - qal il-Papa Francesco waqt li rrikorra għal metafora effikaċi u għalih għażiża - bħal gowlkiper tat-tim, le? Li l-ballun jaqbdu minn liema naħa jiġi. Din hija r-realtà.” L-appostli, mela, “tkellmu bejniethom u għamlu proposta sabiħa, proposta rivoluzzjonarja, għaliex qalu: ‘Imma aħna l-appostli, dawk li Ġesù għażel.’ Imma dan mhux biżżejjed. Intebħu li l-ewwel dmir tagħhom kien it-talb u s-servizz tal-Kelma. ‘U rigward l-assistenza ta’ kuljum lir-romol, hemm bżonn li nagħmlu xi ħaġ;oħra’.” Hekk “iddeċidew li jagħmlu d-djakni.”

“Deċiżjoni — żied il-Papa — ftit jew wisq riskjuża f’dak il-waqt. Imma l-Ispirtu Santu mbuttahom biex jagħmlu dak. Għamluh. Għażlu d-djakni, deċiżi. Ma qagħdux jgħidu: ‘Imma, għada naraw, paċenzja.’ Le, le. Ħadu d-deċiżjoni u l-final huwa hekk sabiħ: ‘U l-Kelma ta’ Alla kompliet tinfirex u n-numru tad-dixxipli f’Ġerusalem immultiplika b’mod grandjuż.’ Tassew sabiħ. Meta jkun hemm il-problemi, hemm bżonn li niffaċċjawhom u l-Mulej jgħinna biex insolvuhom

Hekk “M’għandniex nibżgħu mill-problemi. Ġesù stess jgħid lid-dixxipli tiegħu: hawn jien, la tibżgħux, hawn jien! Dejjem.Bid-diffikultajiet tal-ħajja, bil-problemi, bl-affarijiet il-ġodda li rridu nieħdu: il-Mulej qiegħed hemm. Nistgħu niżbaljaw, tassew, imma Hu dejjem qribna u jgħid: żbaljajt, erġà aqbad it-triq it-tajba.”

Problema, qal il-Papa, ma ssolvix ruħha kemm-il darba nillimitaw ruħna li ngħidu “lili ma togħġobnix u nibdew “ingergru u nqasqsu.” U “mhuwiex atteġġjament tajjeb dak li nirtokkaw il-ħajja, li nagħmlu l-irtokk lill-ħajja. Le, le. Il-ħajja hi kif inhi. Hija r-realtà. Hija kif Alla jridha li tkun jew kif Alla jippermetti li tkun. Imma hi kif inhi, u hemm bżonn li neħduha kif inhi. L-Ispirtu tal-Mulej jagħtina s-soluzzjoni għall-problemi.”

“Ukoll fil-Vanġelu — spjega il-Papa waqt li kkumenta s-silta appena moqrija ta’ San Ġwanni (6, 16-21) — isseħħ xi ħaġa simili. Id-dixxipli kienu kollha kuntenti ġhaliex kienu raw li dawk il-ħames ħbejżiet ma kinux qegħdin jintemmu. Kienu temgħu tant nies, tant persuni. Kienu fi triqthom lejn ix-xatt l-ieħor, bid-dgħajsa, u qam riħ qawwi: il-baħar tqalleb u qabadhom ċertu biżà. Sabu ruhħom f’diffikultà.  U l-Mulej jiġi ħdejhom biex jgħinhom. Beżgħu ftit, u hu jgħidilhom: ‘La tibżgħux, huwa jien!’ Dik hija l-kelma ta’ Ġesù, dejjem: fid-diffikultajiet, fil-waqtiet mudlama, fil-waqtiet fejn kollox huwa skur u ma nafux x’naqbdu nagħmlu, ukoll meta f’qalbna jkun isaltan id-dlam. Il-ħajja hija hekk. Illum tiġi hekk, b’dan id-dlam. Imma l-Mulej qiegħed hemm. Ma nibżgħux! Manibżgħux mid-diffikultajiet, ma nibżgħux meta qalbna hija mdejqa u mudlama! Nieħdu l-affarijiet kif jiġu, bl-Ispirtu tal-Mulej u bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu. U hekk nibqgħu mexjin ‘il quddiem ċerti mit-triq it-tajba.”

Il-Papa Francesco temm l-omelija bl-istedina biex nitolbu lill-“Mulej din il-grazzja: la tibżgħux, la tirtukkawx il-ħajja” biex inkunu kapaċi “nieħdu l-ħajja kif tiġi u nfittxu li nħollu l-problemi bħal ma għamlu l-appostli. U nfittxu wkoll il-laqgħa ma’ Ġesù li dejjem jinsab maġembna, wkoll fil-waqtiet l-iktar imċajpra tal-ħajja.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.