Alla m’għandux il-bakketta maġika

Il-Ġimgħa, 12 ta’ April 2013

 

Il-“fantasiji trijonfalistiċi” huma “tentazzjoni kbira fil-ħajja nisranija.” Imma Alla “ma jagħmilx bħal saħħara bil-bakketta maġika,” li jistà jsalva l-bniedem f’tebqa t’għajn; pjuttost jinqeda bit-triq tal-perseveranza, għaliex “isalvana fiż-żmien u fl-istorja,” fil-“mixja tal-jiem kollha.” Hija din ir-riflessjoni li l-Papa offra waqt il-quddiesa ċċelebrata l-Ġimgħa filgħodu, 12 ta’ April, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

Waqt li rrifera għas-silta tal-Atti tal-Appostli (5, 34-42) pproklamata fl-ewwel qari, il-Papa indika f’Gamaliel “raġel għaref,” għaliex “jagħtina eżempju ta’ kif Alla jaġixxi f’ħajjitna. Meta dawn il-qassissin, fariżej, dutturi tal-liġi kollha kienu tant nervużi, imġennin għal dak li kienu qegħdin jagħmlu l-Appostli, u riedu saħansitra joqtluhom, qal: imma ieqfu ftit! U fakkar diversi stejjer ta’ Ġuda l-Galilew, ta’ Teuda, li ma kien irnexxielhom jagħmlu xejn: kienu jgħidu li kienu il-Kristu, il-Messija, is-salvatur u mbagħad kollox baqà bla suċċess. ‘Agħtu żmien liż-żmien’ jgħid Gamaliel.”

“Huwa parir għaqli — spjega l-Papa Francesco — ukoll għal ħajjitna. Għaliex iż-żmien huwa l-messaġġier ta’ Alla: Alla jsalvana fiż-żmien, mhux fil-waqt. Kultant jagħmel il-mirakli, imma fil-ħajja komuni jsalvana fiż-żmien. Kultant naħsbu li l-Mulej jiġi f’ħajjitna, ibiddilna. Iva, ibiddilna: il-konversjonijiet huma dak. ‘Irrid insegwik, Mulej.’ Imma din il-mixja hemm bżonn li tagħmel l-istorja.” Il-Mulej, mela, “isalvana fl-istorja: fl-istorja tagħna personali. Il-Mulej ma jagħmilx bħal saħħara bil-bakketta maġika. Le. Jaghtik il-grazzja u jgħid, bħal ma kien jgħid lil kull wieħed li kien ifejjaq: ‘Mur, imxi.’ Dan jgħidu wkoll lilna: ‘Imxi f’ħajtek, agħti xhieda ta’ dak kollu li l-Mulej jagħmel magħna’.”

Allura hemm bżonn li nerġgħu naħarbu minn “tentazzjoni kbira fil-ħajja nisranija, dik tat-trijonfaliżmu. Hija tentazzjoni - saħaq il-Papa - li wkoll l-appostli kellhom. Per eżempju, meta Pietru jgħid lill-Mulej: Imma, Mulej, jien qatt ma niċħdek, żgur! Il-Mulej jgħidlu: Ikkalma. Qabel ma s-serduq jidden, qabel ma jkun hemm l-iddin tas-serduq, għal tliet darbiet tgħid kontra tiegħi.” Din hija appuntu t-tentazzjoni tat-“trijonfaliżmu: taħseb li f’mument jistà jsir kollox! Le, f’mument jibda: hemm grazzja kbira, imma hemm bżonn li nimxu l-mixja tal-ħajja.”

Ukoll wara t-tkattir tal-ħobż - jirrakkonta l-vanġelu ta’ Ġwanni (6, 1-15) - hemm it-tentazzjoni tat-trijonfaliżmu. “Allura n-nies, kif raw is-sinjal li hu kien għadu kemm wettaq, qalu: ‘Dan tassew profeta, dak li kellu jiġi fid-dinja! Imma Ġesù, li għaraf li kienu sejrin jaqbduh u jagħmluh sultan,’ idabbar rasu.” Hekk hu, mela, “it-trijonfaliżmu: ah, dan hu s-sultan! U mbagħad Ġesù jċanfarhom : intom tiġu warajja mhux biex tisimgħu kliemi, imma għaliex tajtkom tieklu.”

“It-trijonfaliżmu — spjeda il-Papa — mhux tal-Mulej. Il-Mulej daħal fid-dinja b’mod umli. Qattà ħajtu għal tletin sena, kiber bħal tifel normali, għadda mill-prova tax-xogħol, kif ukoll il-prova tas-salib. U mbagħad, fl-aħħar, irxoxta. Il-Mulej jgħallimna li fil-ħajja mhux kollox maġiku, li t-trijonfaliżmu mhux nisrani.”

Huwa minnu “ dak li qal l-għaref Gamaliel: ħalluhom, iż-żmien għad jgħidilna!” U “wkoll aħna - kompla l-Papa - ejjew ngħidu lilna nfusna: ‘Jien irrid inmur wara l-Mulej, għal għonqit-triq tiegħu, imma din mhix ħaġa ta’mument, hija ħaġa tal-ħajja kollha, tal-jiem kollha.’ Meta nqum filgħodu: ‘Mulej, inmur miegħek, inmur miegħek.’ Din hija l-grazzja li jmissna nitolbu: dik tal-perseveranza.”

Dan mela jfisser - temm jgħid - li “nipperseveraw fil-mixja tal-Mulej, sal-aħħar, il-jiem kollha. Mhux ngħid se nibda mill-ġdid il-jiem kollha: le, inkompli l-mixja. Inkompli miexi dejjem. Mixja b’diffikultà, bix-xogħol, ukoll b’ħafna ferħ. Imma l-mixja tal-Mulej.”

“Nitolbu - ħeġġeġ - il-grazzja tal-perseveranza. U li l-Mulej isalvana mill-fantasiji trijonfalistiċi. It-trijonfaliżmu mhux nisrani, mhux tal-Mulej. Il-mixja ta’ kuljum, fil-preżenza ta’ Alla, dik hija t-triq tal-Mulej. Nimxu għal għonq din it-triq.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb