L-ubbidjenza hija smigħ li jirrendina liberi

Il-Ħamis, 11 ta’ April 2013

 

Alla ma jistax ikun oġġett ta’ negozjar. U l-fidi ma tipprevedix il-possibiltà li nkunu “bierda”, “la kattivi u linqas tajbin,” waqt li nfittxu “ħajja doppja” biex naslu ghal kompromess għal “status vivendi” mad-dinja. Dan qalu l-Papa Francesco fl-omelija tal-quddiesa, iċcelebrata fl-għodwa tal-Ħamis 11 ta’ April, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, li fiha ħadu sehem id-direzzjoni u r-redazzjoni tal-Osservatore Romano. Barra mill-ġurnalisti tal-ġurnal kienu preżenti dawk tal-edizzjoni perjodiċi u l-istaff tad-direzzjoni ġenerali.

Fil-qari, spjega l-Papa waqt l-omelija, “tidher għal tliet darbiet il-kelma ‘tobdi’: titkellem dwar l-ubbidjenza. L-ewwel darba meta Pietru jwieġeb ‘hemm bżonn li nobdu lil Alla minflok il-bnedmin’” quddiem is-sinedriju, kif jirrakkontaw l-Atti tal-Appostli (5, 27-33).

Xi jfisser — staqsa l-Papa — “tobdi lil Alla?  Ifisser li aħna għandna nkunu bħala skjavi, ilkoll marbutin? Le, għaliex propju min jobdi lil Alla huwa liberu, mhuwiex skjav! U dan kif isir? Jien nobdi, ma nagħmilx ir-rieda tiegħi u jien liberu? Tidher donnha kontradizzjoni.” Infatti l-kelma tobdi ġejja mill-Latin, u tfisser tismà, tismà lill-ieħor. Tobdi lil Alla huwa tismà lil Alla, ikollok qalbek miftuħa biex tmur għal għonq it-triq li jurik Alla. L-ubbidjenza lil Alla tfisser tismà lil Alla. U dan jagħmilna liberi.”

Propju waqt li kkummenta is-silta tal-Atti tal-Appostli, il-Papa fakkar li Pietru “quddiem dawn l-iskribi, il-qassissin, ukoll il-qassis il-kbir, il-fariżej,” kien imsejjaħ biex “jieħu deċiżjoni.” Pietru “semà dak li kienu qegħdin jgħidu il-fariżej u l-qassissin, u kien qed jismà dak li Ġesù kien qed jgħidlu ġewwa qalbu: ‘X;nagħmel?’ Huwa jgħid: ‘Jien nagħmel dak li jgħidli Ġesù, mhux dak li triduni nagħmel intom.’ U hu baqà għaddej hekk.”

 “F’ħajjitna — qal il-Papa Francesco — nisimgħu ukoll proposti li ma jiġux mingħand Ġesù, li ma jiġux mingħand Alla. Dan nifhmuh, id-dgħufijiet tagħna kultant jeħduna fuq dik it-triq. Jew ukoll fuq dik l-oħra li hija iktar perikoluża: nagħmlu ftehim, biċca ta’ Alla u biċċa tagħkom. Nagħmlu ftehim u hekk inmorru fil-ħajja b’ħajja doppja: biċca l-ħajja ta’ dak li nħossu li jgħidilna Ġesù, u biċċa l- ħajja li nħossu li tgħidilna d-dinja, il-qawwiet tad-dinja u tant iktar.” Imma din hija sistema li “ma taħdimx.” Infatti “fil-ktieb tal-Apokalissi, il-Mulej jgħid: dan ma jaħdimx, għaliex hekk la intom ħżiena u linqas tajbin: intom bierda. Jien nikkundannakom.”

Il-Papa wissa propju dwar din it-tentazzjoni. “Li kieku Pietru qal lil dawn il-qassissin: ‘ejjew nitkellmu ta’ ħbieb u nistabilixxu status vivendi,’ jistà jkun li l-affari kienet tmur tajjeb.” Imma ma kinitx tkun għażla propja “tal-imħabba li tiġi meta nisimgħu lil Ġesù.” Għażla li ġgib konsegwenzi. “X’jiġri - kompla l-Qdusija Tiegħu - neta nisimgħu lil Ġesù? Kultant dawk li jagħmlu l-proposta l-oħra jirrabbjaw u t-triq tispiċċa fil-persekuzzjoni. F’dan il-waqt, dan għidtu, għandna tant ħutna, nisa u rġiel li biex jobdu, iħossu, jisimgħu dak li Ġesù qed jitlobhom jinsabu taħt persekuzzjoni. Niftakru dejjem f’dawn ħutna rġiel u dawn ħutna nisa li poġġewil-laħam fuq in-nar u jgħiduhulna b’ħajjithom: ‘Jien irrid nobdi, nimxi għal għonq it-triq li jgħidli Ġesù.’”

Bil-liturġija tallum “il-Knisja tistedinna” biex “nimxu għal-għonq it-triq ta’ Ġesù” u biex ma nisimgħux dawk il-proposti li tagħmlilna d-dinja, dawk il-proposti ta’ dnub jew dawk il-proposti hekk u hekk, nofs u nofs:” dan ifisser, sostna, mod ta’ għixien li “ma jaħdimx” u “li ma jagħmilniex kuntenti.”

F’din l-għażla ta’ ubbidjenza ta’ Alla u mhux tad-dinja, bla ma naqgħu fil-kompromess, in-nisrani mhux waħdu. “Fejn għandna - staqsa l-Papa - l-għajnuna biex nimxu għal fgħonq it-triq li nħossu lil Ġesù? Fl-Ispirtu Santu. Ta’ dawn il-fatti aħna xhieda: huwa l-Ispirtu Santu  li Alla ta lil dawk li jobduh,” Imbagħad,qal, “huwa propju l-Ispirtu Santu ġewwa fina li jagħtina l-qawwa biex nimxu.” Il-vanġelu ta’Ġwanni (3, 31-36) moqri fiċ-ċelebrazzjoni, b’espressjoni tassew sabiħa jassikura “’Infatti dak li Alla bagħat jgħid kliem Alla: bla qies huwa jagħti l-Ispirtu Santu,’ Missierna jagħtina l-Ispirtu, bla qies, biex nisimgħu lil Ġesù, inħossu lil Ġesù u nimxu għal għonq it-triq ta’ Ġesù.”

Il-Papa Francesco temm l-omelija bl-istedina biex inkunu kuraġġużi fid-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja. Nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ. Dejjem ikollna dnubiet: ilkoll aħna midimbin.” Imma ninħtieġu “l-kuraġġ li ngħidu: ‘Mulej, jiena midneb, kultant nobdi affarijiet mondani imma rrid nobdi lilek, irrid nimxi għal għonq it-triq tiegħek,’ Nitolbu din il-grazzja, li nimxu dejjem għal għonq it-triq ta’ Ġesù, u meta dan ma nagħmluhx, li nitolbu maħfra: il-Mulej jaħfrilna, għaliex hu huwa tant tajjeb.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb