Is-sinjali tal-gratwità

It-Tlieta, 11ta’ Ġunju 2013

 

Faqar u tifir lil Alla: dawn huma ż-żewġ koordinati ewlenin tal-missjoni tal-Knisja, is-“sinjali” li jirrivelaw lill-poplu ta’ Alla jekk “appostlu jgħixx il-gratwità.” Dawn indikahom il-Papa Francesco waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu, it-Tlieta 11 ta’ Ġunju, fid-Domus Sanctae Marthaem ikkonċelebrat fost l-oħrajn mill-arċisqof Gerhard Ludwig Muller, prefett tal-Kongregazzjoni għad-uttrina tal-Fidi, preżenti responsabbli u dipendenti tal-ex Sant’Uffizzju.

Ir-riflessjoni tal-Papa li bħas-soltu ħa spunt mill-qari tal-jum - meħudin mill-Atti tal-Appostli (11, 21-26; 13, 1-3) u mill-vanġelu ta’ Mattew (10, 7-13) - kienet kollha inċentrata fuq it-tema tal-gratwità. Għaliex, spjega, “il-predikazzjoni evanġelika titwieled mill-gratwità, mill-istagħġib tal-fidwa li tiġi; u dak li jien irċivejt b’xejn, hemm bżonn li ntih b’xejn.”

Dan narawh meta Ġesù jibgħat lill-appostli tiegħu u jagħtihom l-istruzzjonijiet għall-missjoni li hemm tistennihom. “Huma għotjiet - saħaq il-Qdusija Tiegħu - tassew sempliċi: La ġġorru magħkom deheb u inqas fidda, lanqas flus;” meta tqisu li jkunu biżżejjed “iċ-ċintorin, il-barżakka tal-vjaġġ, iż-żewġ imnatar, il-qorq, il-bastun,” għax-xogħol afdat lilhom. Missjoni ta’ fidwa, iżid Ġesù, li tikkonsisti fil-fejqan tal-morda, fil-qawmien tal-mejtin, fit-tindif tal-lebbrużi, fit-tkeċċija tax-xjaten.         

Din hija missjoni, speċifika l-Papa Francesco, sabiex tressaq lill-bnedmin lejn ir-renju ta’ Alla, biex tagħtihom il-bxara t-tajba li r-renju ta’ Alla huwa fil-qrib, anzi wasal. Imma - wissa minnufih - il-Mulej irid gl-appostli “sempliċità” tal-qalb u disponibiltà li tħalli spazju “għall-qawwa tal-Kelma ta’ Alla.” Mill-bqija, - wissa minnufih - li kieku huma ma kellhomx “fiduċja kbira fil-Kelma ta’ Alla, forsi kienu jaslu li jagħmlu xi ħaġa oħra,” imma ma kinux iħabbru l-Vanġelu.

Il-frażi ewlenija tal-għotjiet ta’ Kristu lil tieg hu hija appuntu: “b’xejn irċivejtu, b’xejn għatu:!” kliem li fih hemm “il-gratwità kollha tal-fidwa.” Għaliex - iċcara l-Papa - “aħna ma nistgħux nippritkaw, inħabbru r-renju ta’ Alla, mingħajr din iċ-ċertezza nterna li kollox huwa b’xejn. Kollox huwa grazzja.” Dan huwa dak li saħaq Santu Wistin: Quaere causam et non invenies nisi gratiam. U meta aħna naġixxu mingħajr ma nħallu spazju għall-grazzja, sostna l-Papa, allura “il-Vanġelu m’għandux effett.”

Wara kollox, li l-predikazzjoni evanġelika titwieled mill-gratwità jixhduh diversi episodji tal-ħajja tal-ewwel appostli. “San Pietru - fakkar il-Qdusija Tiegħu - ma kellux kont il-bank u meta kellu jħallas it-taxxi, il-Mulej bagħtu jistad biex ġol-ħuta jsib il-munita biex biha jħallas.” U Filippu meta ltaqà mal-ministru tar-reġina Candace, ma ħasibx biex joħloq “organizzazzjoni biex issostni l-Vanġelu,” ma nnegozjax; għall-kuntrarju, “ħabbar, għammed u telaq.” Mela allura l-bxara t-tajba tinfirex biż-żriegħ tal-Kelma ta’ Alla. Huwa l-istess Ġesù li jgħid dan: “ir-renju huwa bħaż-żerriegħa li jagħti Alla. Hija rigal b’xejn.

Sa mill-oriġini fil-komunita nisranija kien hemm it-“tentazzjoni li jfittxu qawwa li ma kinitx il-gratwità.” Imma l-unika “qawwa tagħna hija l-gratwità tal-Vanġelu” reġ1 sostna l-Qdusija Tiegħu, waqt li ħeġġeġ biex noqogħdu attenti mir-riskju li l-aħbar tistà tidher bħala proselitiżmu: “minn dik it-triq - assikura - m’għandniex ngħaddu” mill-ebda parti. U għal dan ikkwota lill-predeċessur tiegħu Benedittu XVI, skont liema “Il-Knisja ma tikbirx bil-proselitiżmu” imma “bl-attrazzjoni.” Għaliex, żied il-Papa Francesco, “il-Mulej bagħatna biex inħabbru il-gratwità tal-fidwa. “Kollox huwa grazzja” tenna. U fost it-tant sinjali ta’ din il-gratwità għażel b’mod partikulari il-faqar u t-tifħir lil Alla.

Rigward tal-ewwel, spjega li t-tħabbir tal-vanġelu għandu jgħaddi mit-triq tal-faqar, mix-xhieda ta’ dan il-faqar. “M’għandix għana, l-għana tiegħi hija biss ir-rigal li rċivejt mingħand Alla. Din il-gratwità hija l-għana tagħna.” U huwa faqar, dan, li “jsalvana milli nsiru organizzaturi, imprendituri.” Il-Papa jaf sewwa li “hemm bżonn li jitmexxew ‘il quddiem l-opri tal-Knisja” u li “wħud minnhom huma ftit jew wisq kumplikati,” imma hemm bżonn li jsiru “b’qalb ta’ faqar, mhux b’qalb ta’ investiment, jew bħala imprenditur. Il-Knisja mhix xi ong: hija ħaġ’oħra, iktar importanti. Titwieled minn din il-gratwità riċevuta u mħabbra.”

Rugward il-kapaċità tat-tifħir, il-Qdusija Tiegħu għamilha ċara li meta appostlu ma jgħixx il-gratwità jitlefd ukoll il-kapaċità li jfaħħar lill-Mulej, “għaliex li tfaħħar lill-Mulej huwa essenzjalment gratwit. Hija talba gratwita. Mhux nitolbu biss, infaħħru. Mill-banda l-oħra - ikkonkluda - “meta nsibu appostli li jridu jagħmlu Knisja sinjura, Knisja mingħajr il-gratwità tat-tifħir,” hija “tixjieh, issir ong, m’għandhiex ħajja.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb