Is-salvazzjoni skont Papa Franġisku

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2013

 

“Il- Mulej ma jsalvaniex b’ittra, b’digriet, imma salvana” u jkompli jsalvana b’ “imħabbtu,”  billi jagħti lura lill-bnedmin “dinjità u tama.” Fis-solita quddiesa ta’ filgħodu, iċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, l-Erbgħa 10 ta’ April, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-Salvazzjoni nisranija, waqt li wera s-sinifikat l-iktar awtentiku: dik l-imħabba ta’ Alla li permezz tal-Iben uniġenitu tiegħu “sar wieħed minna, mexa magħna.”

 Waqt li kkummenta t-talba kolletta, il-Papa infatti saħaq li fl-ewwel talba tal-quddiesa fil-fatt ingħad lill-Mulej: “Inti fl-Għid għamilt żewġ ħwejjeġ: erġajt irristabbilejt l-bniedem lura fid-dinjità mitlufa tiegħu.” U bħala konsegwenza, “tajtu t-tama.” Din - spjega - “hija l-fidwa. Il-Mulej jagħtina d-dinjitli tlifna. Dik id-dinjità ta’ wlied jirristabilixxi d-dinjità, kif ukoll jagħtina t-tama. Dinjità li tkompli għaddejja, sal-aħħar laqgħa definittiva tagħna miegħu. Din hija t-triq tal-fidwa, u dan huwa sabiħ: tagħmlu biss l-imħabba. Aħna denji, aħna nisa u rġiel tat-tama.

Madankollu jiġri li kultant “aħna rridu nsalvaw lilna nfusna u nemmnu li dan nistgħu nagħmluh, ‘Jien insalva lili nnifsi!’ Ma ngħidux hekk imma hekk nagħmlu fil-ħajja.” Per eżempju meta naħsbu: “Jien insalva bil-flus, mhix problema...Għandi dinjità: id-dinjità ta’ bniedem għani.” Iżda - wissa l-Papa  Francesco - dan kollu “mhux biżżejjed. Naħsbu fil-parabbola tal-Vanġelu, ta’ dak ir-raġel li kellu l-maħżen tal-qamħ mimli sa fuq u jgħid: ‘Nibni ieħor, biex ikolli iktar u hekk norqod trankwill.’ U l-Mulej iwieġbu: ‘Iblaħ! Il-lejla stess se tmut.’ Dik il-fidwa ma tiswiex, dik fidwa proviżorja, fidwa li tidher biss,” bħal dawk id-drabi li fihom nilludu lilna nfusna li “ninfdew bil-vanità, bil-kburija,” nemmnu li aħna “qawwija,” waqt li nimmaskraw “il-faqar tagħna, id-dnubiet tagħna bil-vanità, bil-kburija:” kollha ħwejjeġ li jintemmu, waqt li l-vera fidwa għandha x’taqsam mad-dinjità u t-tama riċevuti grazzi għall-imħabba ta’ Alla - żied waqt li għamel referenza għas-silta tal-Vanġelu ta’ Ġwanni (3, 16-21) ipproklamata ftit qabel - li bagħat lil Ibnu biex jifdina.

Minn hawn l-istedina tal-Papa biex nagħmlu “att ta’ fidi” waqt li qal: “Mulej, jiena nemmen. Nemmen fi mħabbtek. Nemmen li mħabbtek salvatni. Nemmen li mħabbtek tatni dik id-dinjità li ma kellix. Nemmen li mħabbtek tagħtini t-tama.” Allura hekk hu li ssir “ħaġa sabiħa li temmen fl-imħabba,” għaliex “dik hija l-verità. Hija l-verità ta’ ħajjitna.”

Stedina biex nemmnu fl-imħabba ta’ Alla mill-ġdid mtennija mill-Papa fi tmiem l-omelija, bl-eżortazzjoni konklussiva biex niftħu “qalbna biex din l-imħabba tiġi, timliena u timbuttana ħalli nħobbu lill-oħrajn.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb