Bejn stagħġib u memorja

Is-Sibt, 8 ta’ Ġunju 2013

 

Il-Kelma ta’ Alla, dik li biss tismagħha “tqanqal stagħġib,” gfħandha tkun mgħassa b’mod ġeluż fil-profond tal-qalb. Dan qalu l-Papa Francesco dalgħodu, is-Sibt 8 ta’ Ġunju, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae. Fl-omelija l-Papa għamel aċcent propju fuq l-istagħġib. Dak li ħafen lil dawk kollha li semgħu lil Ġesù ta’ tnax-il sena fit-tempju quddiem l-għorrief li kienuy jinterrogawh, kif jirrakkonta l-vanġelu ta’ Luqa (2, 41-51), hekk bħal ma baqgħu mistagħġbin Ġużeppi u Marija hekk kif sabu lil Ġesù wara tlett ijiem ifittxuh: “L-għorrief  kienu mistagħġba - ippuntwalizza l-Papa - u Ġużeppi u Marija hekk kif raw lil Ġesù baqgħu mistagħġbin.” L-ewwel effett tal-Kelma ta’ Alla huwa mela dak ta’ stagħġib, minħabba li fiha aħna nsibu is-sens tad-divin, sostna l-Qdusija Tiegħu: “U mbagħad timliena bil-ferħ. Dan huwa mument li fih il-Kelma ta’ Alla tinżergħa ġewwa qalbna.”

Madankollu m’għandniex ngħix l-istagħġib biss fil-waqt li fih niġu mqanqla mill-Kelma: din hi xi ħaġa li trid iġgorr miegħek tul ħajtek kollha, “fost għassa.” Hemm bżonn “ngħassu l-Kelma ta’ Alla, u dan - sostna l-Papa Francesco - jgħidu l-Vanġelu: ommu kienetb tgħasses il-ħwejjeġ kollha f’qalbha.” Tgħasses il-Kelma ta’ Alla: espressjoni li, mill-ġdid sostna l-Papa, li fir-rakkonti evaġeliċi nsibuha spiss: anke fil-lejl tat-twelid ta’ Ġesù, “wara ż-żjara tar-rgħajja” Marija “hija mistagħġba.”

Il-Papa Francesco imbagħad irrifletta dwar is-sinifikat tal-“għassa” ttal-Kelma ta’ Alla u staqsa: “Jiena nirċievi il-Kelma, imbagħad naqbad flixkun, inqiegħed il-Kelma fil-flixkun u ngħassisha?” Tgħasses il-Kelma ta’ Alla - wieġeb - “ifisser niftħu l-qlub tagħna” għal dik il-Kelma, “bħal ma l-art tinfetaħ biex tirċievi ż-żerriegħa. Il-Kelma ta’ Alla hija żerriegħa u tiġi miżrugħa. U Ġesù qalilna x’jiġri miż-żerriegħa. Uħud jaqgħu fil-mogħdija u jiġu u jikluhom l-għasafar,” u dan iseħħ meta l-Kelma ma tkunx mgħassa. Ifisser li “ċerti qlub ma jafux jirċevuha.” Jiġri wkoll li żrieragħ oħrajn jaqgħu “f’art b’ħafna ġebel u ż-żerriegħa ma jirnexxilhiex tifrex għeruqha u tmut,” jiġifieri meta ma nkunux tajbin għal din l-għassa għaliex ma nkunux kostanti; u meta jiġi l-inkwiet ninsew.

 “Il-Kelma taqà wkoll fuq art mhix imħejjija - żied il-Papa - fejn hemm ix-xewk, u fl-aħħar tmut” għaliex “mhix mgħassa.” Imma xinhu x-xewk? Jgħidu Ġesù stess: “Ir-rabta mal-għana, il-vizzji, u dawn l-affarijiet kollha. Tgħasses il-Kelma ta’ Alla huwa li nirċevuha ġewwa qlubna,” reġà tenna l-Papa Francesco. Imma hemm bżonn li “nħejju qlubna biex nirċevuha. Nimmeditaw dejjem x’tgħidilna din il-Kelma llum, waqt li naraw xinhu jiġri fil-ħajja.” Dan hu li għamlet Marija waqt il-ħara fl-Eġittu u fit-tieġ ta’ Kana, meta staqsiet lilha nfisha dwar is-sinifikat ta’ dawn il-ġrajjiet. Hekk hu l-impenn għall-insara: jilqgħu l-Kelma ta’ Alla u jaħsbu dwar is-sinifikat tagħha llum.

“Dan - innota l-isqof ta’ Ruma - huwa xogħol spiritwali kbir. Ġwanni Pawlu II kien jgħid li Marija kellha, għal dan ix-xogħol, għejja partikolari f’qalbha. Kellha qalbha għajjiena. Imma dan mhux affann, huwa xogħol: tfittex dan xi jfisser f’dan il-waqt; xi jrid jgħidli l-Mulej f’dan il-waqt.” Insomma, taqra “il-ħajja flimkien mal-Kelma ta’ Alla dan li jfisser tgħasses.” Imma jfisser ukoll li tagħmel tifkira. “Il-memorja - qal dwar dan il-Papa - hija għassa tal-Kelma ta’ Alla, tgħinna ngħassuha, niftakar dak kollu li l-Mulej għamel f’ħajti, il-meravilji kollha tal-fidwa.”

Il-Papa imbagħad staqsa lil dawk preżenti: “Kif qegħdin aħna llum ngħassu l-Kelma ta’ Alla? Kif qegħdin nikkonservaw dan l-istagħġib billi naraw kif ma nħallux li l-għasafar jieklu ż-“żerriegħa” u l-vizzji “ma jifgawhiex?” U wieġeb li jagħmlilna tajjeb li nistaqsu dan, propju fid-dawl ta’ dak li qed iseħħ fil-ħajja, waqt li mbagħad ħeġġeġ biex ngħassu il-Kelma “bil-memorja tagħna, u wkoll biex ngħassuha bit-tama tagħna. Nitolbu lill-Mulej - temm jgħid il-Papa Francesco - il-grazzja li nirċievu l-Kelma ta’ Alla u ngħassuha, u wkoll il-grazzja li f’din il-għassa jkollna qalb għajjiena.”

 

Miġjub għall-Malti mt-Taljan minn Emanuel Zarb.