Ir-regola tad-deheb tal-umiltà

It-Tnejn, 8 ta’ April 2013

 

L-umiltà hija “r-regola tad-deheb: għan-nisrani “li tagħmel proġress” ifisser “li titbaxxa”. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. Dan fakkru l-Papa Francesco fl-omelija waqt il-quddiesa li ċċelebra fl-għodwa tat-Tnejn 8 ta’ April, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae.

L-istorja kollha tal-fidi, qal il-Papa, hija magħmula minn umiltà u “tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà”. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja “ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika,” li tkun bħallikieku “miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu.” Hekk hu għaliex - żied - “kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.”

Fil-waqt tal-annunżjazzjoni wkoll “Marija - sostna l-Papa Francesco - titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid iva. Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla.” U “Ġużeppi, l-għarus tagħha - kien għadhom mhumiex miżżewġin - ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira.” Ġużeppi, kompla l-Papa, “jġħid ukoll iva lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.”

Propju l-istil ta’Marija u ta’Ġużeppi juri li “l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu.” Il-Papa rrifera għall-ktieb tad-Dewteronomju meta qal: “Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu. Alla, umli u tant tajjeb. L-Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: hawn nikkmanda jien!”

“L-Alla tagħna - għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, huwa veru; mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru - jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà” kompla l-Qdusija Tiegħu, waqt li spjega: “Din l-imħabba kollha ti fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi.” U “l-umiltà - żied - hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, mintix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?” Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel - ma għażilx triq oħra - li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni.”

“It-trijonf tan-nisrani - ikkonkluda - jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Jiena nemmen li jgħid hekk: jitbaxxa. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu. Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà.” Infatti “jekk mhemmx umiltà, l-imħabba tibqà mblukkata. Ma tkunx tistà tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb