Biex nikxfu l-idoli moħbija

Il-Ħamis, 6 ta’ Ġunju 2013

 

Din hija stedina biex niskopru “l-idoli moħbija fit-tant pjiegi li għandna fil-personalità tagħna,” biex nikkaċċjaw l-idolu tal-mondanità, li jwassalna biex insiru għedewwa ta’ Alla” dik  imwassla mill-Papa Francesco waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ħamis 6 ta’ Ġunju, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae. Fost il-preżenti, fost l-oħrajn, id-dipendenti tal-Bibbjoteka Apostolika Vatikana u tal-Universita Pontifiċja Laterana.

L-esortazzjoni biex naqbdu “t-triq tal-imħabba lejn Alla,” biex neħulha fil-“mixja ħalli naslu” fir-renju tiegħu kienet il-koronament ta’ riflessjoni inċentrata fuq is-silta tal-vanġelu ta’ Marku (12, 28-34), li fiha Ġesù jwieġeb lill-iskriba li jistaqsih dwar liema huwa l-kmandament l-iktar importanti fost il-kmandamenti kollha. L-ewwel notament tal-Papa huwa li Ġesù ma jweġibx bi spjega imma billi juża l-kelma ta’ Alla: “Ismà, Iżrael! Il-Mulejn Alla tagħna huwa l-uniku Mulej,” Dawn, qal, “mhumiex kliem ta’ Ġesù.” Infatti, huwa jdur fuq l-iskriba bħalma kien għamel ma’ Satana fit-tentazzjonijiet, “bil-kelma ta’ Alla: mhux bi kliemu.” U dan jagħmlu billi juża “l-kredu ta’ Iżrael, dak li l-ebrej kollha ta’ kuljum, u diversi drabi kuljum, jgħidu: Shema Iżrael! Ftakar Iżrael, li tħobb lil Alla biss.”

 B’riferenza għal dan il-Papa stqarr li kien jifhem li l-iskriba in kwestjoni forsi “ma kienx xi qaddis, u kellu f’moħħu li jipprova lil Ġesù jew ukoll li jdaħħlu f’nassa. Insomma l-intenzjonijiet tiegħu xejn ma kienu mill-aHjar, għaliex “meta Ġesù wieġeb bil-kelma ta’ Alla” jrid jgħid li fin-nofs kien hemm tentazzjoni. “u dan jidher ukoll meta l-iskriba jgħidlu: għidt sewwa Mgħallem,” u b’hekk ta l-impressjoni li hu kien japprova t-tweġiba. Għal dan Ġesù jwieġbu “m’intix bogħod mir-renju ta’ Alla. Inti tafha sewwa t-tejorija, inti taf sewwa li dan huwa hekk, imma m’intix ‘il bogħod. Għad jonqsok xi ħaġa biex tasal fir-Renju ta’ Alla.” Dan ifisser li hemm bżonn li taqbad “triq biex tasal fir-Renju ta’ Alla;” jenħtieġ “li tpoġgi fil-prattika dan il-kmandament.”

Minħabba dan, “l-istqarrija ta’ Alla issir fil-ħajja, fil-mixja tal-ħajja; mhux biżżejjed - wissa l-Papa - li tgħid: jien nemmen f’Alla, l-uniku;” imma hemm bżonn li tistaqsi.lilek innifsek kif tgħix dan il-kmandament. Fir-realtà, spiss inkomplu “ngħixu bħallikieku hu ma hux l-uniku Alla” u bħallikieku kien hemm “divinitajiet oħra għad-dispożizzjoni tagħna.” Huwa dak li l-Papa Francesco jiddefenixxi bħala “l-perikolu tal-idolatrija,” li “jitwassal lilna bl-ispirtu tad-dinja.” U fuq dan Ġesù kien dejjem ċar: “L-ispirtu tad-dinja le.” Tant li fl-aħħar ċena “jitlob lill-Missier li jiddefendina mill-ispirtu tad-dinja, għaliex dan iwassalna għall-idolatrija.” Anke l-appostlu Ġakbu, fir-rabà kapitolu tal-ittra tiegħu, għandu ideat ċarissimi: min hu ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla. Mhemmx għażla oħra. L-istess Ġesù kien uża kliem simili, fakkar il-Qdusija Tiegħu: “Jew Alla jew il-flus; ma tistax taqdi lill-flus u lil Alla.”

Għall-Papa Francesco huwa l-ispirtu tad-dinja li jwassalna għall-idolatrija u dan jagħmlu bil-makakkerija. “Jiena ċert  - qal - li ħadd minna ma jmur quddiem siġra biex jaduraha bħala idolu;” li “ħadd minna m’għanu statwi x’jadura ġewwa daru.” Imma, wissiena biex ngħassu għaliex “l-idolatrija hija fina: aħna għandna l-idoli tagħna moħbija, u t-triq tal-ħajja biex naslu, biex ma tkunxbogħod mir-Renju ta’ Alla, hija triq li titlobna li nsibu l-idoli moħbija.” U din hija biċċa xogħol impenjattiva, meta tqis li spiss inżommuhom “moħbijin sewwa.” Kif għamlet Rakele meta ħarbet ma’ żewġha Ġakobb minn dar missierha Laban, u billi kienet serqitlu l-idoli, ħbiethom taħt is-sarġ li kienet bilqiegħda fuqu. Hekk meta missierha stedina biex tqum, weġbitu “b’ħafna skużi, b’ħafna argumenti” sabiex taħbi l-idoli. L-istess, skont il-Papa, nagħmlu aħna, li nżommu l-idoli tagħna moħbijin taħt is-sraġ tagħna.” Għalhekk “irridu nfittxuhom u rridu neqirduhom, bħalma Mosè qered l-idolu tad-dehefid-deżert.”

Imma kif nistgħu nikxfu dawn l-idoli? Il-Qdusija Tiegħu offra kriterju ta’ valutazzjoni: huma dawk li jagħmlu l-kuntrarju tal-kmandamenti: “Ismà Iżrael! Il-Mulej Alla tagħna huwa l-uniku Mulej.” Għalhekk “it-triq tal-imħabba lejn Alla - ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha - hija triq ta’ mħabba; hija triq ta’ fedeltà.”  Sal punt li “l-Mulej jieħu gost iqabbel lil din it-triq mal-imħabba taż-żwieġ. Il-Mulej isejjaħ lill-Knisja, għarusa: lil ruħna, gHarusa.” Jiġifieri jitkellem dwar “imħabba li tant tixbaħ lill-imħabba taż-żwieġ, l-imħabba ta’ fedeltà.” Hija din tal-aħħar li timponilna “li nikkaċċjaw l-idoli, li niskopruhom,” għaliex jinsabu hemm u jinsabu “moħbija sewwa fil-personalità tagħna, fil-kwalità ta’ ħajjitna;” u li jirrenduna infidili fl-imħabba. Mhux ta’ b’xejn li l-Appostlu Ġakbu meta jwissi li: “min hu ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla u jibda biex iċanfarna u juża t-terminu “adulteri,” għaliex “Min hu ħabib tad-dinja huwa idolatra u xejn mhu fidil lejn l-imħabba ta’ Alla.”

Gesù mela ppropona “triq ta’ fedeltà,” skont espressjoni li l-Papa Francesco jsib f’waħda mill-ittri tal-Appostlu Pawlu lil Timoteju: “Jekk int m’intix fidil mal-Mulej, hu jibqà fidil, giex ma jistax jiċħad lilu nnifsu. Hu huwa l-fedeltà sħiħa. Hu ma jistax ikun infidil. Tant hija l-imħabba li għandu għalina.” Waqt li aħna, “bl-idolatriji żgħar u kultant mhux tant żgħar li għandna, bl-imħabba lejn l-ispirtu tad-dinja,” nistgħu nsiru infidili. Il-fedeltà hija l-essenza ta’ Alla li jħobbna. Minn hawn l-istedina konklussiva biex nitolbu hekk: “Mulej, inti tant twajjeb, għallimni din it-triq biex inkun kuljum inqas bogħod mir-renju ta’ Alla; din it-triq biex nikkaċċja l-idoli kollha tiegħi. Ħaġa diffiċli - ammetta l-Papa - imma hemm bżonn li nibdew.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.