Il-libertà ta’ wlied Alla

Il-Ħamis, 4 ta’ Lulju 2013

 

Li kieku kellha teżisti “karta tal-identità għall-insara,, bla ebda dubju ta’ xejn il-libertà kienet issib ruħha fost il-karatteristiċi ewlenin. Il-Libertà ta’ wlied Alla - spjega dwar dan il-Papa Francesco fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu l-Ħamis 4 ta’ Lulju fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae - hija l-frott tar-rikonċiljazzjoni mal-Missier imwettqa minn Ġesù, li ħa fuqu d-dnubiet tal-bnedmin kollha u feda lid-dinja bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Ħadd, ippuntwalizza l-Papa, ma jistà jċaħhadna minn din l-identità.

Flimkien mal-Papa kkonċelebraw fost l-oħrajn il-kardinal Telesphore Placidus Toppo, arċisqof ta’ Ranchi, l-Indja, u l-arċisqof Piero Marini, prersident tal-Kumitat Pontifiċju għall-Kungressi Ewkaristiċi Internazzjonali, li kien qed jakkumpanja diversi dipendenti tad-dikasteru.

Ir-riflessjoni tal-Qdusija Tiegħu kienet ibbażata fuq is-silta tal-vanġelu ta’ Mattew (9, 1-8) li fiha hemm irrakkuntat il-miraklu tal-fejqan tal-paralitiku. Il-Papa għamel enfasi fuq is-sentimenti li bilfors qanqlu qalb il-bniedem invalidu meta, miġjub fuq l-istreċer, jismà lil Ġesù jgħidlu: “kuraġġ ibni, dnubietek maħfura.

Dawk li kienu qrib Ġesù f’dak il-waqt u semgħu kliemu “qalu: ‘Dan qed jidgħi, Alla biss jistà jaħfer id-dnubiet.’ U Ġesù biex iġegħlhom jifhmu sewwa staqsihom: ‘Xinhu l-eħfef: taħfer id-dnubiet jew tfejjaq? U fejjaq. Ġesù jgħid San Pietru, għadda jagħmel il-ġid, ifejjaq lil kulħadd, ifejjaq, ifejjaq lil kulħadd.”

“Imma Ġesù — kompla l-isqof ta’ Ruma - meta kien ifejjaq xi marid ma kienx biss fejjieq. Meta kien jgħallem lin-nies, naħsbu ftit dwar il-beatitudni, ma kienx biss katekista, predikatur tal-morali. Meta kien isawwat l-ipokresija tal-fariżej u tas-saduċej ma kienx rivoluzzjonarju li ried ikeċċi ‘l barra lir-Rumani. Le, dawn l-affarijiet li Ġesù kien jagħmel - il-fejqan, it-tagħlim, il-kliem qawwi kontra l-ipokresija - kienu biss sinjal, sinjal ta’ xi ħaġa iktar li Ġesù kien qiegħed jagħmel: jaħfer id-dnubiet.”

Jirrikonċilja d-dinja fi Kristu fl-isem tal-Missier: “din hija l-missjoni ta’ Ġesù. L-affarijiet l-oħra kollha, il-fejqan, it-tagħlim, iċ-ċanfir huma biss sinjali ta’ dak il-miraklu l-iktar profond li huwa l-ħolqien tad-dinja. Talba tassew sabiħa tal-Knisja tgħid: ‘O Mulej, int li ħloqt b’mod meraviljuż id-dinja, b’mod iktar meraviljuż fdejtha, erġajt ħloqtha mill-ġdid.’” Ir-rikonċiljazzjoni hija mela ir-rikrejazzjoni tad-dinja u l-missjoni l-iktar profonda ta’ Ġesù hija l-fidwa tagħna lkoll midimbin. U “Ġesù - żied il-Papa - dan ma jagħmlux bil-kliem biss, lanqas b’ġesti, mhux billi jimxi fit-triq, le! Dan jagħmlu b’ġismu. Huwa propju hu, Alla, li jsir wieħed minna, bniedem, biex ifejjaqna minn ġewwa.” Imma, staqsa il-Papa, “nistgħu ngħidu li Ġesù sar midneb? Le, mhux propju hekk, għaliex hu ma setax jidneb. San Pawl jgħid il-kelma eżatta: ma sarx midneb sar id-dnub (cfr. 2 Korintin 5, 21). Huwa ħa fuqu id-dnub kollu kemm hu. U dan huwa sabiħ, dan huwa l-ħolqien il-ġdid,” u “Ġesù li jinżel mill-glorja u din hija l-fidwa tagħna. U s-salib fl-aħħar, isir dnub (cfr. 2 Korintin 5, 21)».

Waqt li rrifera għall-ewwel qari tal-quddiesa, meħud mill-ktieb tal-Ġenesi (22, 1-19) il-Papa fakkar imbagħad li waqt li Abram kien wieġeb minnufih lil ibnu Iżakk li kien qed isejjaħlu quddiem in-nar tas-sagrifiċċju “lil Ġesù li kien qed jgħid ‘Missieri’ il-Missier ma jweġibx. U hu jgħid biss: ‘Missier għaliex abbandunajtni?’” Ġesù “kien sar dnub biex jilliberana(cfr. 2 Korintin 5, 21),” dan “huwa l-ikbar miraklu” li permezz tiegħu Ġesù rrendiena ulied Alla u tana l-libertà ta’ wlied. U huwa propju għal dan li “aħna nistgħu ngħidu: ‘Missier.’  Altrimenti qatt ma konn nkunu nistgħu ngħiduh.”

“Dan — żied il-Papa — huwa l-miraklu l-kbir ta’ Ġesù. Aħna lsiera tad-dnub, huwa lliberana” fejjaqna. Jagħmlilna tajjeb naħsbu dwar dan - żied - u naħsbu li hu tant sabiħ li nkunu wlied, għaliex l-Iben jinsab id-dar. Ġesù fetħilna l-bibien tad-dar, aħna issa ninsabu d-dar. Issa nifhmu din il-kelma ta’ Ġesù: ‘kuraġġ ibni inħafrulek dnubietek.’ Dan huwa l-għerq tal-kuraġġ tagħna: jien liberu, jien iben, iħobbni l-Missier u jien inħobb lill-Missier. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nifhmu sewwa din l-opra tiegħu.”

Alla “irrikonċilja miegħu lid-dinja fi Kristu - ikkonkluda - waqt li lilna fdalna l-kelma tar-rikonċiljazzjoni. U l-grazzja li nġorru b’qawwa, bil-libertà tal-ulied, din il-kelma ta’ rikonċiljazzjoni. Aħna salvati f’Ġesù Kristu” u ħadd ma jistà jċaħħadna minn din il-grazzja.

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb