Il-paċi m’għandhiex prezz

Il-Ħamis, 4 ta’ April  2013

Il-paċi la tinxtara u lanqas tinbiegħ: hija rigal ta’ Alla. U hemm bżonn li nitolbuhielu. Dan fakkar il-Papa Francesco nhar il-Ħamis filgħodu, 4 ta’ April, waqt li tkellem fuq l-“istagħġib” manifestat mid-dixxipli ta’ Emmaws quddiem il-mirakli ta’ Ġesù. L-okkażjoni kienet il-kumment tas-silta evanġelika ta’ Luqa (24, 35-48), ipproklamata fil-liturġija tas-solita quddiesa ta’ filgħodu fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, fil-preżenza ta’ dipendenti Vatikani, dalġhodu madwar ħamsin responsabbli u operaturi tat-Tipografija Vatikana.

“Id-dixxipli li kienu għadhom kemm raw il-fejqan taz-zopp u issa jaraw lil Ġesù - qal il-Papa - jinsabu ftit jew wisq mitlufin, mhux għaliex morda b’moħħhom: mitlufin minħabba l-istagħġib.” Imma xinhuwa dan l-istagħġib> “Huwa xi ħaġa - qal il-Qdusija Tiegħu - li toħroġna ftit jew wisq barra minna nfusna, bil-ferħ: dan huwa kbir, huwa ferm kbir. Mhuwiex sempliċement entużjażmu: ukoll is-sapporters fil-grawnd ikunu entużjasti meta t-tim tagħhom jirbaħ, le? Le, ma huwiex entużjażmu, huwa xi ħaġa iktar profonda: huwa l-istagħġib li jaħkimna meta niltaqgħu ma’ Ġesù.”

 Dan l-istagħġib, spjega l-Papa, huwa l-bidu “tal-istat abitwali tan-nisrani.” Bla dubju, sostna, ma nistgħux ngħixu l-ħin kollu fl-istagħġib, imma din il-kondizzjoni hija l-bidu li jimpermetti li jħalli “tinbru fir-ruħ, u l-konsolazzjoni spiritwali.” Infatti, l-istat tan-nisrani għandu jkun il-konsolazzjoni spiritwali, minkejja l-problemi, id-duluri u l-mard. “L-aħhar tarġa tal-konsolazzjoni - qal il-Papa - hija l-paċi: iva tibda bl-istagħġib, u t-ton minuri ta’ dan l-istagħġib, ta’ din il-konsolazzjoni hija l-paċi.” In-nisrani, ukoll fil-provi l-iktar dolorużi, qatt ma jitlef “il-paċi u l-preżenza ta’ Ġesù” u b’”naqra kuraġġ, nistgħu ngħiduh lill-Mulej: ‘Mulej, tini din il-grazzja li hija t-timbru tal-laqgħa miegħek’.” U fuq kollox, saħaq, “qatt titilfu l-paċi.” Inħarsu lejn il-Mulej, li “bata tant, fuq is-salib, imma ma tilifx il-paċi. Il-paċi, din, mhix tagħna: la tinbiegħ u lanqas tinxtara.” Hija rigal ta’ Alla li rridu nitolbu. Il-paċi hija bħall-“aħhar tarġa ta’ din il-konsolazzjoni spiritwali, li tibda bl-istagħġib tal-ferħ.” Minħabba dan m’għandniex inħallu lilna nfusna “niġu ngannati mill-fantasiji tagħna u tant oħrajn, li jwassluna biex nemmnu li dawn il-fantasiji huma r-realtà.” Infatti, huwa ferm iktar nisrani “li temmen li r-realtà ma tistax tkun tant sabiħa. Il-Papa temm billi talab il-grazzja tal-konsolazzjoni spiritwali u tal-paċi, li “tibda b’dan l-istagħġib ta’ ferħ fil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb