Bżonn li jkollna il-kuraġġ li nitolbu l-Mulej

It-Tnejn, 1 ta’ Lulju 2013

 

Jekk irridu niksbu xi ħaġa mingħand Alla hemm bżonn li jkollna il-kuraġġ li “ninnegozjaw” miegħu permezz ta’ talb insistenti u konvint, magħmul minn ftit kliem. Il-Papa Francesco reġà għal darb’oħra dar jitkellem dwar il-kuraġġ li għandu jsostni it-talb magħmul lill-Missier, bil-“familjarità kollha possibbli.”  U bħala eżempju ġab it-talb ta’ Abram, il-mod li bih kien ikellem lill-Mulej propju bħal wieħed li jsib ruħu qiegħed jinnegozja, appuntu, ma’ raġel ieħor.

Huwa dwar dan li l-Papa stieden biex jirriflettu lil dawk li ħadu sehem dalgħodu, it-Tnejn, l-ewwel ta’ Lulju, fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae. Fost l-oħrajn kien hemm uffiċjali u kollaboraturi tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Unità tal-Insara, akkumpanjati mill-kardinal president Kurt Koch, li wkoll ikkonċelebra mal-Papa.

L-episodju li għalih irrifera l-Papa jinsab irrakkuntat fil-ktieb tal-Ġenesi (18, 16-33) fejn hemm irrakkuntata l-interċessjoni kuraġġuża ta’ Abram biex jevita l-mewt tal-ġusti fil-qerda ta’ Sodoma u Gomorra, eżempju propju ta’ familjarità u ta’ rispett lejn Alla. Abram idur fuq Alla bħalma jagħmel kwalunkwè bniedem u jesponi l-problema, waqt li jinsisti: “U li kieku kien hemm ħamsin ġusti? U li kieku kien hemm erbgħin....tletin.... għoxrin... għaxra?”

Abram, fakkar il-Papa, kien diġa qabeż il-mitt sena. Kien ilu jkellem lill-Mulej għal madwar ħamsa u għoxrin u dwaru kien kiseb konoxxenza profonda. U għalhekk idur lejn il-Mulej biex jistaqsih “x’kien se jagħmel b’dik il-belt midinba. Abram iħoss il-qawwa li jkellem wiċc ‘imb wiċc mal-Mulej u jipprova jiddefendi dik il-belt. Huwa nsistenti.” Huwa jħoss, reġà spjega l-Papa, li dik l-art hija tiegħu u allura jipprova jsalva dak li huwa tiegħu. Imma, wissa, jħoss ukoll li għandu jiddefendi dak li jappartieni lill-Mulej.

“Abram — ikkjarifika l-Papa Francesco — huwa kuraġġuż u jitlob b’kuraġġ.” Mill-bqija fil-Bibbja, żied, l-ewwel ħaġa li wieħed jinnota hija propju l-affermazzjoni li  “it-talb għandu jkun kuraġġuż.” Meta nitkellmu dwar il-kuraġġ “aħna naħsbu dejjem dwar il-kuraġġ apostoliku,” għal dak li jwassalna “biex inmorru nippridkaw il-Vanġelu.”

Madankollu jeżisti “wkoll il-kuraġġ quddiem il-Mulej, il-kjarifika quddiem il-Mulej: inmorru għand il-Mulej kuraġġużi biex nitolbu xi affarijiet.” U “Abram jitkellem mal-Mulej b’mod speċjali, b’dan il-kuraġġ.”

Il-Papa jqabbel it-talba ta’ Abram ma’ “negozju feniċju” li fih kienu jikkuntrattaw fuq il-prezz u min jitlob jipprova jiġġebbed l-iktar possibbli biex ibaxxi l-prezz. Abram jinsisti u “minn 50 irnexxioelu jniżżel il-prezz għal 10” minkejja li kien jaf li ma kienx possibbli li jevita l-kastig għall-belt midinba. Imma hu kellu jinterċedi biex isalva “wieħed ġust, kuġinuh.” B’kuraġġ, b’insistenza, però kompla għaddej.

Kemm drabi, fakkar il-Papa, ġara lil xiħadd minna li sab lilu nnifsu jitlob għal xi ħadd billi jgħid: “Mulej nitolbok għal dak, għal dak....” Imma “jekk wieħed irid li l-Mulej jikkonċedi grazzja - saħaq l-Isqof ta’ Ruma - hemm bżonn li jmur bil-kuraġġ u jagħmel dak li għamel Abram, b’insistenza. Ġesù stess jgħidilna li hemm bżonn nitolbu hekk.” U biex ifiehem iktar il-konċett il-Papa reġà ppropona diversi episodji evanġeliċi waqt li wera, li billi wieħed jinsisti, jasal li jakkwista mingħand il-Mulej dak li jitlob. Dan, irripeta, huwa “atte ggjament tat-talb. Santa Tereża titkellem dwar it-talb bħala negozju mal-Mulej. U dan huwa possibbli meta jkun hemm familjarità mal-Mulej. Abram kien ilu 25 sena mal-Mulej, kellu familjarità. U minħabba dan ażżarda jieħu dik it-triq ta’ talb. Insisti, kuraġġ. Dan jgħejji, tassew, imma dan huwa t-talb. Dan ifisser tirċievi mingħand Alla grazzja.”

Il-Papa imbagħad waqaf ukoll fuq kif Abram idur fuq il-Mulej: “Ma jgħidx ‘imma msieken se jiġu maħruqa .... imma aħfrilhom. Int trid tagħmel dan? Int li  int tant twajjeb trid tagħmel l-istess lill-ħażin u lill-ġust. Imma le, int ma tistax tagħmel dan.’ Jaqbad l-argumenti, il-motivazzjonijiet tal-qalb ta’ Alla stess. Hekk ukoll jagħmel Mosè meta l-Mulej irid jeqred lill-poplu: ‘imma, le, Mulej, la tagħmilx hekk, għasliex jgħidu: ħariġhom mill-Eġittu fid-deżert biex joqtolhom! Le int ma tistax tagħmel dan.’ Tikkonvinċi lill-Mulej bil-virtujiet tal-Mulej, u dan huwa sabiħ.”

Is-suġġeriment mela huwa li tmur dritt għall-qalb tal-Mulej. “Ġesù - qal il-Papa - jgħallimna: il-Missier l-affarijiet jafhom. La tinkwetawx, il-Missier jibgħat ix-xita fuq il-ġusti u fuq il-midimbin, ix-xemx għall-ġusti u għall-midimbin. Jiena rrid - ikkonkluda waqt li dar fuq dawk preżenti - li mil-lum ilkoll kemm aħna għal ħames minuti waqt il-ġurnata naqbdu l-Bibbja u bil-mod nirreċitaw is-salm 102 li huwa dak li rreċitajna bejn iż-żewġ qari. ‘Bierek il-Mulej ruħ tiegħi, dak kollu li hemm fija jbierek isem il-Mulej, la tinsiex il-benefiċċji kollha tiegħu Huwa jaħfer il-ħtijiet kollha, ifejjaq il-mard kollu, isalva mill-ħofra ħajtek, idawrek bil-ġid u bil-ħniena.” Itolbuh kollu. U b’dan nitgħallmu l-affarijiet li rridu ngħidu lill-Mulej, meta nitolbuh grazzja.”

 

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb