L-Iskandlu tal-inkarnazzjoni

Is-Sibt, l-1 ta’ Ġunju 2013

 

L-“iskandlu” ta’ Alla li sar bniedem u miet fuq is-salib kien iċ-ċentru tal-omelija magħmila minn Papa Francesco dalgħodu, is-Sibt l-ewwel ta’ Ġunju, waqt il-quddiesa li hu kkonċelebra fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, flimkien ma’ fost oħrajn, il-kardinal Kuban Jaime Lucas Ortega y Alamino, l-arċisqof ta’ San Cristobal de la Habana. Fost dawk preżenti, grupp ta’ ġentlomi tal-Qdusija Tiegħu.

It-tifkira tal-martri Ġustinu, li tiegħu kienet iċċelebrata it-tifkira liturġika, offriet lill-Papa l-okkażjoni biex jirrifletti dwar il-koerenza tal-ħajja u dwar in-nukleju fundamentali tal-fidi ta’ kull nisrani: is-salib. “Aħna nistgħu nagħmlu l-opri kollha soċjali li rridu - saħaq - u jgħidu: imma x’ġid il-Knisja, x’ġid l-opri soċjali li twettaq il-Knisja! Imma jekk aħna ngħidu li qed nagħmlu dan għaliex dawk in-nies huma l-ġisem ta’ Kristu, jiġi l-iskandlu.”

Mingħajr l-inkarnazzjoni tal-Verb jintilef il-pedament tal-fidi tagħna, bħal ma nsista il-Papa: “Dik hija l-verità, dik hija r-rivelazzjoni ta’Ġesù. Dik il-preżenza hija Ġesù nkarnat. Dak huwa l-punt.” Jekk dan ninsewh, tkun dejjem iktar qawwija “s-seduzzjoni” għad-dixxipli ta’ Kristu “li jwettqu ħwejjeġ tajba mingħajr l-iskandlu tal-Verb inkarnat, mingħajr l-iskandlu tas-salib.”

Ġustinu kien xhud ta’ din il-verità, għaliex propju għall-iskandlu tas-salib ġibed fuqu l-persekuzzjoni tad-dinja. Huwa ħabbar lil Alla li ġie fostna u li identifika ruħu fil-krejaturi tiegħu. It-tħabbir ta’ Kristu msallab u rxuxtat iħawwad lil dawk li kienu jisimgħuh, imma hu jkompli jixhed din il-verità mal-koerenza tal-ħajja. “Il-Knisja - ikkummenta l-Papa - mhix organizzazzjoni ta’ kultura, ta’ reliġjon, lanqas soċjali; mhijiex hekk. Il-Knisja hija l-familja ta’ Ġesù. Il-Knisja tistqarr li Ġesù huwa Bin Alla li libes il-qoxra tal-ġisem. Dan huwa l-iskandlu u minħabba f’dan ippersegwitaw lil Ġesù.”

Il-Papa għamel riferenza għas-silta tal-vanġelu ta’ Marku (11, 27-33) moqrija waqt il-liturġija u b’mod partikulari għall-mistoqsija magġħmula lil Ġesù mis-saċerdoti, mill-iskribi u minn l-anzjani ta’ Ġerusalem: “Bl-awtorità ta’ min tagġħmel dan?” Ġesù jwieġeb permezz ta’ mistoqsija oħra - “Il-Magħmudija ta’ Ġwanni ġiet mis-sema jew mill-bnedmin?” - u hekk ma jissekondax il-kurżità falza tagħhom. Kien biss iktar tard, quddiem il-qassis il-kbir li kien “l-awtorità tal-poplu,” li jirrivela dak li kienu staqsewh l-iskribi u l-anzjani. Qabel dak il-waqt dan ma jagħmlux, għaliex jifhem li l-oġġettiv veru ta’ l-interlokuturi tiegħu kien dak li “jonsbulu nassa.” Jippruvaw b’diversi modi, kif fakkar il-Papa: “Imma għidli, Mgħallem jekk tistà, hemm bżonn li nħallsu t-taxxi lil Ċesare?” Inkella: “Għidli, Mgħallem, din il-mara inqabdet fl-adulterju. Hemm bżonn li nimxu mal-liġi ta’ Mosè jew hemm xi triq oħra?” Kull mistoqsija hija nasba biex iġibuh dahru mal-ħajt, biex iġegħluh jgħid xi ħaġa żbaljata u jsibu l-iskuża biex jikkundannawh.

Imma għaliex Ġesù kien jikkostitwixxi problema? “Mhux għaliex huwa kien jagħmel il-mirakli” wieġeb il-Papa. U lanqas għaliex kien jippriedka u jitkellem dwar il-libertà tal-poplu. “Il-problema li kienet tiskandalizza lil dawn in-nies - tenna - kienet dik li x-xjaten kienu jġhajtu lil Ġesù: “Int l-Iben ta’ Alla, int il-qaddis.” Dn, dan huwa ċ-centru.” Dak ta’ Ġesù li jiskandalizza hija n-natura tiegħu ta’ Alla nkarnat. U bħala ma għalih hekk ukoll għalina “fil-ħajja se jonsbulna nases; dak li jiskandalizza dwar il-Knisja huwa l-Misteru tal-inkaranazzjoni tal-Verb: dak ma jitneħħiex, dak id-demonju ma jneħħiehx.” Anke bħalissa nisimgħu min ta’ spiss jgħid: “Imma intom l-insara, intom ftit iktar normali, bħall-persuni l-oħra, raġonevoli, mintomx daqshekk riġidi.” Wara din l-istedina, fir-realtà, hemm it-talba biex ma nħabbrux li “Alla sar bniedem,” għaliex “l-inkarnazzjoni tal-Verb hija l-iskandlu.”

Meta l-qassis il-kbir jistaqsih: “Huwa int il-Kristu, l-Iben ta’ Alla?” Ġesù jwieġeb iva u  minnufih jiġi kkundannat għall-mewt. “Dan huwa ċ-ċentru tal-persekuzzjoni” saħaq il-Papa. Infatti “jekk aħna nsiru nsara raġonevoli, insara soċjali, ta’ benefiċenza biss, xi tkun il-konsegwenza? Li qatt ma jkollna martri.” Għall-kuntrarju meta nsostnu li “Bin Alla ġies u sar bniedem, meta aħna nippridkaw l-iskandlu tas-salib, jiġu l-persekuzzjonijiet, jiġi s-salib.”

Fl-għeluq il-Papa Francesco ħeġġeg lill-fidili biex jitolbu lill-Mulej “ħalliu ma jistħux jġhixu ma’ dan l-iskandlu tas-salib. U stieden biex nitolbu mingħand Alla l-għerf, l-għaqal sabiex “ma nħallux lilna nfusna ninqabdu fin-nases tal-ispirtu tad-dinja li dejjem jagġħmel proposti edukati, proposti ċivilizzati, proposti tajbin.” Wara tali talbiet, ammonixxa, jiġi miċħud propju “il-fatt li l-Verb sar bniedem,” fatt li “jiskandalizza” u “jeqred l-opra tad-demonju.”

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.