VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO
FL-OKKAŻŻJONI TAT-28 JUM MONDJALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Quddiesa fil-Bażilka tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Aparecida

Omelija tal-Papa Franġisku

 

L-Erbgħa, 24 ta’ Lulju, 2013

 

Eminenza, Venerati Aħwa fl-Episkopat u s-Saċerdozju,

Għeżież ħuti!

X’ferħ kbir jagħtini li niġi fid-dar tal-Omm ta’kull Brażiljan, is-Santwarju tal-Madonna ta’ Aparecida!  L-għada li jien ġejt magħżul Isqof ta’ Ruma mort inżur il-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore, biex inqiegħed quddiem il-Madonna l-ministeru tiegħi.  Illum ridt niġi hawn biex nitlob lill-Ommna Marija sabiex il-Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ tirnexxi u nqiegħed f’riġlejha l-ħajja tal-poplu Latin-Amerikan.

Qabel xejn nixtieq ngħidilkom ħaġa waħda.  F’dan is-Santwarju, fejn sitt snin ilu saret il-Ħames Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerka Latina u l-Carraibi, seħħet ġrajja tassew sabiħa li rajtha sseħħ quddiemi stess:  tara kif l-Isqfijiet li kienu ħadmu fuq id-dokument dwar il-laqgħa ma’ Kristu, id-dixxipulat u l-missjoni – ħassewhom mimlijin kuraġġ, akkumpanjati u, f’ċertu sens, ispirati mill-eluf ta’ pellegrini li kienu jiġu kuljum biex iqegħedu ħajjithom taħt il-ħarsien tal-Madonna;  dik il-Konferenza kien moment important ħafna għall-Knisja.  U fil-fatt jista’ jingħad li d-Dokument ta’ Aperecida twieled mil-laqgħa bejn il-ħidma tar-Ragħajja u l-fidi sempliċi tal-pellegrini, taħt il-ħarsien matern ta’ Marija.  Il-Knisja, meta tfittex ‘il Kristu, tħabbat dejjem id-dar tal-Omm u titlob: “Urina lil Ġesu’”.  Hu minnHa  li wieħed jitgħallem ikun dixxiplu tassew.  U din hija r-raġuni għaliex il-Knisja tmur għall-missjoni dejjem fuq il-passi ta’ Marija.

Illum, meta nħarsu lejn il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li ġabni hawn fil-Brażil, jien ukoll ġejt inħabbat il-bieb tad-dar ta’ Marija – li ħabbet u edukat lil Ġesu’ – ħalli hija tgħin lilna lkoll, Ragħajja tal-Poplu t’Alla, il-ġenituri u l-edukaturi, biex aħna ngħaddu liż-żgħażagħ tagħna l-valuri li jgħinuhom ikunu bennejja ta’ Nazzjon u ta’ dinja aktar ġusti, magħqudin flimkien u fraterni.  Għalhekk, nixtieq niġbed l-attenzjoni għal tlitt atteġġjamenti sempliċi, tlitt atteġġjamenti sempliċi: inżommu t-tama, inħallu lil Alla jissorprendina, u ngħixu fil-ferħ.

1.  Inżommu t-tama.  It-tieni qari tal-Quddiesa jurina xena drammatika: mara – figura ta’ Marija u tal-Knisja – tiġi ppersegwitata mid-Dragun – ix-xitan – li jrid jibla it-tifel.  Imma x-xena m’hijiex waħda ta’ mewt, imma ta’ ħajja, għaliex Alla jidħol u jsalva lit-tifel (ara Ap 12, 13a.15-16a).  Kemm diffikultajiet hemm fil-ħajja ta’ kull wieħed, fost niesna, fil-komunitajiet tagħna, imma għalkemm dawn jistgħu jidhru kbar ħafna, Alla ma jħalli qatt li dawn jgħarrquna taħthom.  Quddiem il-qtiegħ il-qalb li jista’ jkollna fil-ħajja, għal min jaħdem fl-evanġeliżazzjoni, jew min jipprova jgħix il-fidi bħala missier jew omm ta’ familja, irrid intenni bil-qawwa:  ikollkom dejjem f’qalbkom din iċ-ċertezza: Alla jimxi qrib tagħkom, fl-ebda waqt huwa ma jitlaqna!  Ma nitilfu qatt it-tama!  Ma nitfuha qatt minn qalbna!  “Id-dragun”, il-ħażen, hemm qiegħed fl-istorja tagħna, imma mhux hu l-aktar wieħed qawwi.  L-aktar wieħed qawwi huwa Alla, u Alla huwa t-tama tagħna!  Tassew li llum tista’ tgħid xi ftit kulħadd, anke ż-żgħażagħ tagħna, iħossu l-ġibda ta’ tant idoli li jqegħedu lilhom infushom minn flok Alla u jidhru li jagħtu tama: il-flus, is-suċċess, is-setgħa, il-pjaċir. Spiss sens ta’ skiet u vojt jidħol fil-qalb ta’ ħafna u jmexxi għal tfittxija ta’ kumpens f’dawn l-idoli li jgħaddu.  Għeżież ħuti, ejjem inkunu dwal ta’ tama!  Ikollna ħarsa posittiva lejn ir-realta’.  Ejjem nagħmlu kuraġġ li huwa l-karatteristika taż-żgħażagħ, nakkumpanjawhom biex isiru protagonisti fil-bini ta’ dinja aħjar: huma mutur qawwi għall-Knisja u għas-soċjeta’.  M’għandhomx ħtieġa ta’ affarijiet biss, fuq kollox jeħtieġu li jiġu proposti lilhom dawk il-valuri mhux materjali li huma l-qalb spiritwali ta’ poplu, il-memorja ta’ poplu.  F’dan is-Santwarju, li huwa parti mill-memorja tal-Brazil, fiha nistgħu kważi naqraw: spiritwalita’, ġenerożita’, solidarjeta’, fraternita’, ferħ; huma valuri li jsibu l-għeruq tagħhom l-aktar profonda fil-fidi nisranija.

2. It-tieni atteġġjament: Inħallu lil Alla jissorprendina.  Ir-raġel, il-mara li huma nies ta’ tama – dik it-tama kbira li l-fidi tagħtina – jafu li  f’nofs id-diffikultajiet ukoll, Alla jaħdem u jissorprendi.  L-istorja ta’ dan is-Santwarju hija eżempju ta’ dan:  tlitt sajjieda, wara jum ta’ ħidma għal xejn, li fih ma qabdu l-ebda ħuta, fil-baħar ta’ Rio Parnaíba, isibu xi ħaġa li ma kienux jistennewha: xbiha tal-Madonna tal-Kunċizzjoni.  Min qatt kien jimmaġina li l-post ta’ sajda bla ebda frott kellu jsir il-post li fih il-Brażiljani kollha jistgħu iħossuhom ulied tal-istess Omm?  Alla dejjem hu tal-għaġeb, bħall-inbid ġdid fl-Evanġelju li smajna.  Alla jħalli dejjem l-aħjar għalina.  Imma jitlob li aħna nħallu lilna nfusna nissorprendu ruħna minn imħabbtu, li nilqgħu s-sorpriżi tiegħu.  Ejjew ikollna fiduċja f’Alla!  Meta nkunu ‘l bogħod minnu, l-inbid tal-ferħ, l-inbid tat-tama, jispiċċa.  Jekk nersqu lejH, jekk nibqgħu miegħU, dak li jidher ilma kiesaħ, dak li huwa diffikulta’, dak li huwa dnub, jinbidel f’inbid ġdid ta’ ħbiberija miegħU.

3. It-tielet atteġġjament: Ngħixu fil-ferħ:  Għeżież ħbieb, jekk nimxu fit-tama, waqt li nħallu lilna nfusna niġu sospriżi mill-inbid ġdid li Ġesu’ joffrielna, fil-qalb tagħna hemm il-ferħ u ma nistgħux ma nkunux xhieda ta’ dan il-ferħ.  In-nisrani huwa ferrieħi, qatt ma’ huwa mdejjaq.  Alla jakkumpanjana.  Għandna Omm li dejjem tidħol għall-ħajja ta’ wliedha, aħna, bħas-sultana Ester li qrajna dwarha fl-ewwel qari (ara Est 5, 3).  Ġesu’ wriena li l-wiċċ t’Alla huwa dak ta’ Missier li jħobbna.  Id-dnub u l-mewt ġew mirbuħa.  In-nisrani ma jistax ikun pessimista!  Ma għandux wiċċu li jidher qisu f’luttu perpetwu.  Jekk aħna tassew inħobbu ħafna lil Kristu u nħossu kemm huwa jħobbna, il-qalb atgħna “tkun taqbad” b’dak il-ferħ li jdakkar dawk kollha li jgħixu qribna,  Bħalma kien qal Benedittu XVI, hawn, f’dan is-Santwarju:  “Id-dixxiplu jaf li mingħajr Kristu m’hemmx dawl, m’hemmx tama, m’hemmx imħabba, m’hemmx futur” (Diskors fil-ftuħ tal-Konferenza ta’ Aparecida, 13 ta’ Mejju, 2007, Insegnamenti III/1, p. 861)

Għeżież ħbieb, ġejna biex inħabbtu l-bieb tad-dar ta’ Marija.  Hija fetħitilna, daħħlitna u wrietna lil Binha.  Hija issa titlobna:  “Agħmlu kulma jgħidilkom” (Ġw 2, 5).  Iva, Omm tagħna, aħna nimpenjaw ruħna biex nagħmlu dak li Ġesu’ jgħidilna!  U nagħmluh bit-tama, jiduċjużi fis-sorpriżi t’Alla u mimlijin bil-ferħ.  Ammen. 

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.