ITTRA TA' SAN PAWL LILL-FILIPPIN

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

 

1. Tislima

 

[Fil:1:1] Pawlu u Timotju, qaddejja ta' Kristu Ġesł, lill-qaddisin kollha fi Kristu Ġesł, flimkien ma' l-isqfijiet tagħhom u d-djakni li jinsabu fil-belt ta' Filippi. [Fil:1:2] Il-grazzja lilkom u s-sliem mingħand Alla Missierna u mingħand il-Mulej Ġesł Kristu!

 

Pawlu jitlob għalihom

 

[Fil:1:3] Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom, [Fil:1:4] u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, [Fil:1:5] minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir ta' l-Evanġelju, mill-ewwel jiem sa llum. [Fil:1:6] Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta' Kristu Ġesł. [Fil:1:7] Ħaġa sewwa li jiena naħseb hekk fikom ilkoll, għaliex jiena nġibkom f'qalbi, lilkom ilkoll, li qsamtu miegħi l-grazzja li għandi, kemm issa li jien marbut bil-ktajjen, u kemm meta kont niddefendi u nwettaq  l-Evanġelju. [Fil:1:8] Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta' Kristu Ġesł! [Fil:1:9] U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b'kull dehen, [Fil:1:10] biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta' Kristu, [Fil:1:11] mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta' Ġesł Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta' Alla.

 

[Fil:1:12] Irridkom tkunu tafu, ħuti, li kull ma ġara lili safa aktar ta' ġid biex ġieb 'il quddiem  l-Evanġelju; [Fil:1:13] għaliex b'hekk, kull min jinsab fil-Pretorju u l-oħrajn kollha lkoll saru jafu li jiena marbut fil-ħabs għal Kristu, [Fil:1:14] u l-biċċa l-kbira ta' l-aħwa għamlu l-qalb fil-Mulej minħabba fil-ktajjen tiegħi, u bdew ixandru l-kelma bil-kuraġġ u bla biża' ta' xejn.

 

[Fil:1:15] Tassew li dan xi wħud jagħmluh imqanqla mill-għira u l-pika, imma l-oħrajn lil Kristu jxandruh minn qalbhom. [Fil:1:16] Dawn ta' l-aħħar jaħdmu bl-imħabba, għax jafu li jiena magħżul biex niddefendi l-Evanġelju; [Fil:1:17] l-oħrajn, imma, lil Kristu jxandruh imqanqlin mill-għira, b'fehma mdennsa, u jistħajjlu li b'hekk se jtaqqluli l-ktajjen.

 

[Fil:1:18] X'jimporta? Hekk jew hekk, sew jekk b'fehma safja u sew jekk le, basta jixxandar Kristu; u b'dan jien nifraħ, iva, u nibqa' nifraħ. [Fil:1:19] Għax naf li dan bit-talb tagħkom u bl-għajnuna ta' l-Ispirtu ta' Ġesł Kristu, għad jisfali għas-salvazzjoni tiegħi. [Fil:1:20] Jien għadni nittama u nistenna bil-ħerqa li ma jkolli xejn mniex nistħi; anzi għandi l-fiduċja li, kif dejjem hekk s'issa, Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut. [Fil:1:21] Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. [Fil:1:22] Jekk għandi nibqa' ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X'naqbad nagħmel ma nafx; [Fil:1:23] ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma' Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; [Fil:1:24] min-naħa l-oħra, jekk nibqa' ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom. [Fil:1:25] Minn dan jiena żgur; għalhekk naf li se nibqa' hawn, u nkun magħkom għall-ġid u l-hena tagħkom fil-fidi. [Fil:1:26] Mela, meta nerġa' niġi għandkom, ikollkom aktar biex tiftaħru bija fi Kristu Ġesł. [Fil:1:27] Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta' Kristu, ħalli sew jekk niġi narakom, sew jekk inkun 'il bogħod, nisma' fuqkom li intom tinsabu qawwija fi spirtu wieħed, u tissieltu b'ruħ waħda għall-fidi ta' l-Evanġelju, [Fil:1:28] bla xejn ma tibżgħu minn dawk li jeħduha magħkom. Dan ikun għalihom prova tat-telfien tagħhom, imma għalikom prova tas-salvazzjoni; u dan kollu ġej minn Alla, [Fil:1:29] għaliex lilkom ngħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih, [Fil:1:30] u tkunu fl-istess taqbida li intom rajtu fija, u li issa smajtu li għadni fiha.

 

2. L-umiltą ta' Kristu u dik tagħna

 

[Fil:2:1] Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta' ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija; kunu fehma waħda [Fil:2:2] u imlewni bil-ferħ! Ħa jkollkom  l-istess imħabba, u ruħ waħda u ħsieb wieħed. [Fil:2:3] Tagħmlu xejn b'pika ta' partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu. [Fil:2:4] Ħadd minnkom ma għandu jfittex li jaqbillu, imma li jaqbel lil ħaddieħor. [Fil:2:5] Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesł:

 

     [Fil:2:6] hu li għad li kellu n-natura ta' Alla, ma qagħadx         

     ifittex tiegħu li hu daqs Alla, [Fil:2:7] iżda xejjen lilu  nnifsu

     billi ħa n-natura ta' lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher

     minn barra bħala bniedem;

     [Fil:2:8] ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-

     mewt tas-salib.

     [Fil:2:9] Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejjnu

     bl-Isem  li hu fuq kull isem,

      [Fil:2:10] biex fl-isem ta' Ġesł

      - fis-sema, fl-art u f'qiegħ l-art –

  il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,

  [Fil:2:11] u kull ilsien jistqarr:

  "Ġesł Kristu hu l-Mulej,

  għall-glorja ta' Alla l-Missier."

 

Aħna d-dawl tad-dinja

 

[Fil:2:12] Għalhekk, għeżież tiegħi, bħalma dejjem obdejtu, mhux biss meta kont magħkom, imma wisq aktar issa li m'iniex magħkom, ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom bil-biża' u t-tregħid. [Fil:2:13] Alla hu li jaħdem fikom u jġegħelkom tridu u tħabirku biex tagħmlu dak li jogħġob lilu. [Fil:2:14] Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, [Fil:2:15] ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f'nofs bnedmin ta' ħajja mgħawwġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb. [Fil:2:16] U żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja; hekk fil-jum ta' Kristu jkolli biex niftaħar li ma nkunx ġrejt u tħabatt għal xejn. [Fil:2:17] U mqar kieku kelli nxerred demmi fuq il-vittmi u  s-sagrifiċċju tal-fidi tagħkom, jiena nifraħ fuq li nifraħ magħkom ilkoll. [Fil:2:18] U hekk ukoll intom għandkom tifirħu fuq li tifirħu miegħi.

 

Timotju u Epafroditu

 

[Fil:2:19] Nittama fil-Mulej Ġesł li nibagħtilkom malajr lil Timotju biex nieħu r-ruħ jiena wkoll b'aħbarkom. [Fil:2:20] 'Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa. [Fil:2:21] Kulħadd ifittex li jaqbel lilu u mhux dak li hu ta' Ġesł Kristu. [Fil:2:22] Intom tafu bit-tiġrib tiegħu; kif bħal iben ma' missieru ħadem miegħi għat-tixrid ta' l-Evanġelju. [Fil:2:23] Nittama li nibagħtu ma ndumx hekk kif insir naf fiex sa nsib ruħi. [Fil:2:24] Għandi qalbi qawwija fil-Mulej li ma ndumx ma niġi għandkom.

 

[Fil:2:25] Ħassejt li jeħtieġ nibagħtilkom lil Epafroditu, ħija, ħaddiem miegħi u sieħbi fit-taqbid; mibgħut minnkom biex jgħinni fil-ħtiġiet tiegħi. [Fil:2:26] Għandu ħrara kbira li jarakom u inkwieta ħafna għax intom smajtu li kien marad. [Fil:2:27] Tassew li kien marid għall-mewt; iżda Alla ħenn għalih, u mhux biss għalih, imma għalija wkoll u b'hekk ma kellix għali fuq għali. [Fil:2:28] Għalhekk fittixt aktar fuq ix-xwiek li nibgħathulkom, ħalli tarawh intom, u tifirħu; u jien neħles mill-għali. [Fil:2:29] Ilqgħuh ilkoll ferħana fil-Mulej; għożżuhom nies bħal dawn. [Fil:2:30] Ittarraf sal-mewt u kien għoddu miet biex jaħdem għal Kristu, u tarraf ħajtu biex jagħmel tajjeb hu fejn naqset l-għajnuna tagħkom għalija.

 

3. Il-qdusija vera

 

[Fil:3:1] Mill-bqija, ħuti, ifirħu fil-Mulej! Jiena ma niddejjaqx niktbilkom fuq l-istess ħwejjeġ, għaliex dan isaħħaħkom. [Fil:3:2] Oqogħdu attenti mill-klieb! Oqogħdu attenti minn dawk li jagħmlu l-ħażen! Attenti minn dawk li jridu t-tqattigħ tal-ġisem! [Fil:3:3] Għax dawk li tassew għandhom iċ-ċirkonċiżjoni huma aħna; aħna li qegħdin naqdu lil Alla fl-Ispirtu u niftaħru fi Kristu Ġesł; aħna li ma nqegħdux il-fiduċja tagħna  il-ġisem, [Fil:3:4] għad li jien nista' nqiegħed il-fiduċja tiegħi fil-ġisem. Jekk hemm xi ħadd li għandu għax iqiegħed it-tama tiegħu fil-ġisem, jiena għandi aktar minnu: [Fil:3:5] ta' tmint ijiem għamluli ċ-ċirkonċiżjoni, twelidt fil-poplu ta' Iżrael, mit-tribł ta' Benjamin, Lhudi mil-Lhud, Fariżew fl-osservanza tal-Liġi; [Fil:3:6] biż-żelu li kelli, ippersegwitajt il-Knisja; għal dik li hi ġustizzja tal-Liġi, ħadd ma sata' jgħid xejn fija. [Fil:3:7] Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. [Fil:3:8] Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesł Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, [Fil:3:9] u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz  tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. [Fil:3:10] Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, [Fil:3:11] biex jirnexxili nikseb il-qawmien  mill-imwiet.

 

Inħarsu 'l quddiem

 

[Fil:3:12] M'iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross 'il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesł ġa ħataf lili. [Fil:3:13] Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa 'l ta' warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; [Fil:3:14] niġri 'l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejjħilna hemm fuq fi Kristu Ġesł. [Fil:3:15] Aħna li aħna perfetti, ħa nkunu ta' din il-fehma. Jekk taħsbu xorta oħra, jagħtikom id-dawl Alla. [Fil:3:16] Mill-bqija, wasalna fejn wasalna, ħa nimxu pass wieħed.

 

[Fil:3:17] Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skond l-eżempju li rajtu fina. [Fil:3:18] Għaliex hawn ħafna - dan għedthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f'għajnejja - hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta' Kristu. [Fil:3:19] It-telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b'dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja. [Fil:3:20] Imma aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesł Kristu. [Fil:3:21] Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.

 

4. [Fil:4:1] Għalhekk, intom, ħuti li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.

 

4. Twissijiet

 

[Fil:4:2] Lil Evojda u lil Sintiki nitlobhom bil-ħerqa biex ikunu ta' fehma waħda fil-Mulej. [Fil:4:3] U lilek ukoll nitlob, sieħbi Siżigu, għinhom int, għax huma t-tnejn tħabtu miegħi fix-xogħol ta' l-Evanġelju flimkien ma' Klement u l-bqija ta' sħabi. Isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja.

 

[Fil:4:4] Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa' ngħidilkom, ifirħu.

 

[Fil:4:5] Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob. [Fil:4:6] Tħabbtu raskom b'xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. [Fil:4:7] U s-sliem ta' Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista' jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesł.

 

[Fil:4:8] Mill-bqija, ħuti, f'dan għandkom taħsbu: f'kull ma hu veru, f'kull ma hu xieraq, f'kull ma hu ġust, f'kull ma hu safi, f'kull ma jiġbed l-imħabba, f'kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f'kull ma hu virtł, f'kull ma ħaqqu t-tifħir; f'dan kollu aħsbu. [Fil:4:9] U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

L-għajnuna tal-Filippin

 

[Fil:4:10] Jiena fraħt ħafna fil-Mulej talli fl-aħħar erġajtu ħadtu ħsiebi. Minn daqshekk intom dejjem ħsibtu fija, imma sa issa ma kellkomx okkażjoni. [Fil:4:11] Qiegħed ngħid dan mhux għax neħtieġ xi ħaġa; jien issa tgħallimt ngħaddi b'dak li jkolli; [Fil:4:12] naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba' u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. [Fil:4:13] Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta' dak li jqawwini. [Fil:4:14] Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti.

 

[Fil:4:15] Intom tafu wkoll, Filippin, li fil-bidu tax-xandir ta'  l-Evanġelju, meta ħallejt il-Maċedonja, ebda knisja oħra ħliefkom ma ssieħbet miegħi fil-qligħ u t-telf; [Fil:4:16] għax imqar meta kont fit-Tessalonika, għal darba tnejn bgħattu tgħinuni meta kont neħtieġ. [Fil:4:17] Mhux għax jien infittex l-għotjiet, iżda nfittex li l-frott joktor għall-ġid tagħkom. [Fil:4:18] Għandi kull ma neħtieġ u iktar. Mtlejt b'kull ma wasalli mingħandkom permezz ta' Epafroditu bħala offerta tfuħ u sagrifiċċju milqugħ u mogħġub minn Alla. [Fil:4:19] Jimliekom Alla tiegħi b'kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesł. [Fil:4:20] Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta' dejjem. Amen.

 

L-aħħar tislijiet

 

[Fil:4:21] Sellu għal kull qaddis fi Kristu Ġesł. [Fil:4:22] Isellmulkom  l-aħwa li hawn miegħi. Isellmulkom il-qaddisin kollha, l-aktar dawk li huma mill-palazz ta' Ċesari. [Fil:4:23] Il-grazzja ta' Sidna Ġesł Kristu tkun magħkom.