L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Fratellanza Umana għall-Paċi fid-Dinja u l-Konvivenza Komuni

 

 

 

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU, FRANĠISKU
FL-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA

(3-5 ta’ FRAR, 2019)

DOKUMENT DWAR

IL-FRATELLANZA UMANA

GĦALL-PAĊI FID-DINJA U L-KONVIVENZA KOMUNI

 

DAĦLA

Min jemmen jara lill-ieħor bħala ħuh li għandu jwieżen u jħobb.  Bil-fidi f’Alla, li ħalaq l-univers, il-kreaturi u l-bnedmin kollha – ilkoll indaqs minħabba l-Ħniena Tiegħu.  Min jemmen hu msejjaħ biex jesprimi dil-fratellanza umana billi jindokra l-maħluq u l-univers kollu u jwieżen lil kull persuna, speċjalment lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn u foqra.

Bit-tluq minn dal-valur traxxendentali, f’diversi laqgħat iddominati minn atmosfera ta’ fratellanza u ħbiberija, qsamna flimkien ferħat, niket u l-problemi tad-dinja tal-lum, fuq il-livell tal-progress xjentifiku u tekniku, tal-kisbiet terapewtiċi, tal-era diġitali, tal-mass media u tal-komunikazzjoni; fuq il-livell tal-faqar, tal-gwerer u ta’ dak li qed jifleġ lil tant ħutna f’diversi nħawi tad-dinja minħabba l-ġirja għall-armamenti, l-inġustizzji soċjali, il-korruzzjoni, in-nuqqas ta’ ugwaljanza, it-telqa morali, id-diskriminazzjoni, l-estremiżmu u tant raġunijiet oħra.

Minn dawn id-dibattiti fraterni u sinċieri li kellna, u mil-laqgħa mimlija tama f’futur imdawwal għall-bnedmin kollha, nibtet l-idea ta’ dan id-Dokument dwar il-Fratellanza Umana.  Dokument irraġunat bis-sinċerità u s-serjetà biex ikun dikjarazzjoni komuni ta’ rieda tajba u leali, sabiex jistieden lill-bnedmin kollha li jġorru fihom il-fidi f’Alla u l-fidi fil-fratellanza umana jingħaqdu u jaħdmu flimkien, ħalli dan isir gwida għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda lejn kultura ta’ rispett reċiproku, u jinftiehem bħala grazzja kbira divina li tagħmel lill-bnedmin kollha aħwa.

 

DOKUMENT

 

F’isem Alla li ħalaq lill-bnedmin kollha ndaqs fid-drittijiet, fid-dmirijiet u fid-dinjità, u sejħilhom biex jgħixu bejniethom bħal aħwa, biex jippopolaw id-dinja u fiha jxerrdu l-valuri tat-tajjeb, tal-karità u tal-paċi.

F’isem ir-ruħ umana innoċenti li Alla pprojbielna li noqtluha, meta afferma li kull min joqtol persuna qiesu qatel l-umanità kollha u kull min isalva waħda jkun qiesu salva l-umanità kollha kemm hi.

F’isem il-foqra, l-imsejkna, fil-bżonn u l-emarġinati li Alla kkmandana li ngħinu bħala dmir mitlub mill-bnedmin kollha partikolarment min hu sinjur u benestant.

F’isem l-orfni, ir-romol, ir-rifuġjati u l-eżiljati minn djarhom u minn pajjiżhom; il-vittmi kollha tal-gwerer, tal-persekuzzjonijiet u tal-inġustizzji; id-dgħajfa, dawk li jgħixu fil-biża’, il-priġunieri tal-gwerra u l-ittorturati f’kull rokna tad-dinja, mingħajr ebda distinzjoni.

F’isem il-popli li tilfu s-sigurtà, il-paċi u l-konvivenza komuni, u saru vittmi tal-qerda, tar-rovina u tal-gwerer.

F’isem il-fratellanza umana li tħaddan lill-bnedmin kollha, tgħaqqadhom u tagħmilhom ilkoll indaqs.

F-isem dil-fratellanza mbiċċra mill-politika tal-integraliżmu u l-firda u mis-sistemi ta’ qligħ bla rażan u t-tendenzi ideoloġiċi odjużi, li jimmanipolaw l-azzjoni u d-destin tal-bnedmin.

F’isem il-libertà li Alla rregala lill-bnedmin kollha, billi ħalaqhom ħielsa u biha tahom l-identità tagħhom.

F’isem il-ġustizzja u l-ħniena, pedamenti tal-prosperità u fus tal-fidi.

F’isem il-persuni kollha ta’ rieda tajba, preżenti f’kull rokna tad-dinja.

F’isem Alla, u dan kollu, Al-Azhar al-Sharif – flimkien mal-musulmani kollha tal-Lvant u tal-Punent , flimkien mal-Knisja Kattolika – mal-kattoliċi tal-Lvant u tal-Punent , jiddikjaraw li qed jadottaw il-kultura tad-djalogu bħala t-triq; il-kollaborazzjoni komuni bħal mġieba; l-għarfien reċiproku bħala metodu u kriterju.

Aħna – li nemmnu f’Alla, fil-laqgħa aħħarija miegħu u fil-Ġudizzju tiegħu, ibda mir-responsabbiltà reliġjuża u morali, u bis-saħħa ta’ dan id-Dokument, nitolbu lilna nfusna u lill-Mexxejja tad-dinja, lil min isawwar il-politika internazzjonali u l-ekonomija dinjija, biex ikun hemm impenn serju ħalli tinfirex il-kultura tat-tolleranza, tal-konvivenza u tal-paċi; biex bla tnikkir ta’ xejn, isiru interventi biex jieqaf it-tixrid tad-demm innoċenti, jieqfu l-gwerer, il-kunflitti, it-taħsir tal-ambjent u d-deterjorament kulturali u morali li d-dinja għaddejja minnu bħalissa.

Nindirizzaw lill-intellettwali, lill-filosfi, lin-nies tar-reliġjon, lill-artisti, lill-operaturi tal-medja u lin-nies tal-kultura f’kull naħa tad-dinja, sabiex jiskopru mill-ġdid il-valuri tal-paċi, tal-ġustizzja, tat-tajjeb, tas-sabiħ, tal-fratellanza umana u l-konvivenza komuni, sabiex jikkonfermaw l-importanza ta’ dawn il-valuri bħala ankra ta’ salvazzjoni għal kulħadd u jfittxu li jxerrduhom ma’ kullimkien.

Din id-Dikjarazzjoni, msejsa fuq riflessjoni profonda dwar ir-realtà kontemporanja, filwaqt li tapprezza s-suċċessi tagħha u filwaqt li tgħix it-tbatijiet tagħha, it-traġedji u d-diżastri tagħha, temmen bis-sħiħ li fost il-kawżi l-aktar importanti tal-kriżi tad-dinja moderna hemm kuxjenza umana lluppjata u t-tbeghid mill-valuri reliġjużi, kif ukoll id-dominazzjoni tal-individwaliżmu u tal-filosofiji materjalistiċi li lill-bniedem qed jagħmluh Alla u minflok il-prinċipji supremi u traxxendenti qed ipoġġu l-valuri mondani u materjali.

Aħna, waqt li nagħrfu l-passi pożittivi li ċ-ċiviltà moderna tagħna għamlet fil-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-mediċina, tal-industrija u tal-kumdità, partikolarment fil-pajjiżi żviluppati, nisħqu illi, pass pass ma’ dan il-progress storiku, kbir u apprezzat, għaddej taħsir tal-etika li qed tikkundizzjona l-aġir internazzjonali, u qed jiddgħajfu l-valuri spiritwali u s-sens ta’ responsabbiltà.  Dan kollu qed jikkontribwixxi sabiex jinfirex sens ġeneraliżżat ta’ frustrazzjoni, solitudni u disperazzjoni li qed iwasslu lil ħafna biex jaqgħu jew jinqabdu fil-belliegħa ateja u anjostika, inkella fl-integraliżmu reliġjuż, fl-estremiżmu u fil-fundamentaliżmu għama, u b’hekk iwaqqgħu magħhom persuni oħra biex iċedu quddiem għamliet ta’ dipendenzi u awtodistruzzjoni individwali u kollettiva.

L-istorja tafferma li l-estremiżmu reliġjuż u nazzjonali flimkien mal-intolleranza ġabu fid-dinja, kemm fil-Punent kif ukoll fil-Lvant, dawk li nistgħu nsejħulhom is-sinjali tat-”tielet gwerra dinjija bil-biċċa”, sinjali li, f’diversi nħawi tad-dinja u f’diversi kundizzjonijiet traġiċi, bdew juru l-wiċċ krudili tagħhom; sitwazzjonijiet li ma nafux eżatt kemm qed iħallu vittmi, romol u orfni.  Minbarra dan, hemm żoni oħra li qed iħejju biex isiru teatri ta’ kunflitti ġodda, fejn qed jitkebbsu fuklari ġodda ta’ tensjoni u qed jiġġemmgħu l-armi u l-munizzjonijiet, f’sitwazzjoni dinjija iddominata mill-inċertezza, mid-delużjoni u mill-biża’ mill-futur u kkontrollata mill-interessi ekonomiċi li ma jħarsux il-bogħod.

Naffermaw ukoll li l-kriżijiet politiċi kbar, l-inġustizzja u n-nuqqas ta’ tqassim ekwu tar-riżorsi naturali – li minnhom tgawdi biss minoranza ta’ nies għonja, b’detriment tal-popli tad-dinja – iġġeneraw, u qed ikomplu jiġġeneraw, għadd kbir ta’ morda, ta’ persuni fil-bżonn u ta’ mejtin, u qed jipprovokaw kriżijiet qerrieda li l-vittmi tagħhom huma diversi pajjiżi, minkejja r-rikkezzi naturali u r-riżorsi tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ karatteristiċi tagħhom.  Fil-konfront ta’ dawn il-kriżijiet li jġibu l-mewt bil-ġuħ ta’ miljuni ta’ tfal, li diġà huma skeletri umani – minħabba l-faqar u l-ġuħ - qed isaltan skiet internazzjonali inaċċettabbli.

Huwa ċar f’dar-rigward kemm hi essenzjali l-familja, bħala n-nukleju fundamentali tas-soċjetà u tal-umanità, biex jitwieldu t-tfal, jitrabbew, ikunu edukati u jingħataw morali soda u ħarsien fil-familja.  L-attakk lill-istituzzjoni tal-familja, billi tkun disprezzata jew jintefa’ dubju dwar l-importanza tar-rwol tagħha, jirrappreżenta waħda mill-mardiet l-aktar perikolużi tal-epoka tagħna.

Aħna nikkonfermaw ukoll l-importanza tal-qawmien tas-sens reliġjuż u tal-ħtieġa li nerġgħu nkebbsuh fil-qlub tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, permezz ta’ edukazzjoni sana u l-aċċettazzjoni tal-valuri morali u t-tagħlim reliġjuż korrett, sabiex ikunu affrontati t-tendenzi individwalisti, egoisti, konflittwali, ir-radiklaiżmu u l-estremiżmu għama  f’kull għamla u manifestazzjoni tiegħu.

L-ewwel għan, u l-aktar importanti tar-reliġjonijiet hu li jemmnu f’Alla, jonorawh u li jsejħu lill-bnedmin kollha biex jemmnu li dan l-univers jiddependi minn Alla li jmexxih, huwa l-Ħallieq li għaġinna bl-Għerf tiegħu divin u tana r-rigal tal-ħajja biex inħarsuh.  Rigal li ħadd m’għandu dritt ineħħi, jhedded jew jimmanipola skont gostih, anzi kulħadd għandu jipproteġi dan id-don tal-ħajja sal-mewt naturali.  Għaldaqstant nikkundannaw kull azzjoni li thedded il-ħajja bħalma huma l-ġenoċidji, l-atti terroristiċi, l-itturufnament sfurzat, it-traffikar tal-organi umani, l-abort, l-ewtanasja u l-politika li tafferma dan kollu.

Bl-istess mod niddikjaraw – bil-qawwa kollha – li r-reliġjonijiet qatt m’għandhom ikesksu l-gwerra u qatt m’għandhom iħeġġu l-mibgħeda, l-ostilità, l-estremiżmu, u lanqas jistiednu għall-vjolenza u t-tixrid tad-demm.  Dawn it-traġedji huma frott tat-tbegħid mit-tagħlim reliġjuż, tal-użu politiku tar-reliġjonijiet u wkoll tal-interpretazzjoni ta’ gruppi ta’ bnedmin tar-reliġjon, li abbużaw – f’fażijiet differenti tal-istorja – mill-influwenza tas-sentiment reliġjuż fuq il-qlub tal-bnedmin biex iwassluhom iwettqu dak li xejn m’għandu x’jaqsam mal-verita tar-reliġjon, ħalli jilħqu għanijiet politiċi u ekonomiċi mondani b’vista qasira.  Għaldaqstant aħna nitolbu li tieqaf l-istrumentaliżżazzjoni tar-reliġjonijiet biex titkeskes il-mibgħeda, il-vjolenza, l-estremiżmu u l-fanatiżmu għama u li l-isem ta’ Alla ma jintużax aktar biex jiġġustifika atti ta’ qtil, eżilju, terroriżmu u oppressjoni.  Dan nitolbuh għax naqsmu flimkien il-fidi tagħna f’Alla, li ma ħalaqx il-bnedmin biex jinqatlu jew biex jiġġieldu bejniethom u lanqas biex ikunu torturati jew umiljati f’ħajjithom u fl-eżistenza tagħhom.  Infatti, Alla li jista’ kollox, m’għandu bżonn lil ħadd biex jiddefendih u ma jridx li ismu jkun użat biex jitterroriżża lin-nies.

Dan id-Dolument, bi qbil mad-Dokumenti Internazzjonali  ta’ qablu li saħqu dwar l-importanza tar-rwol tar-reliġjonijiet fil-bini ta-paċi fid-dinja, jaffermaw dan li ġej:

- Il-konvinzjoni sħiħa li l-veru tagħlim tar-reliġjonijiet hu stedina biex nibqgħu ankrati mal-valuri tal-paċi; biex isostnu l-valuri tal-għarfien reċiproku, tal-fratellanza umana u tal-konvivenza komuni; biex jerġgħu jistabbilixxu d-dehen, il-ġustizzja u l-karità u jqajjmu s-sens tar-reliġjożità fost iż-żgħażagħ, sabiex jiddefendu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda mill-ħakma tal-ħsieb materjalistiku, tal-periklu tal-politika tar-rgħiba u tal-qligħ bla rażan u tal-indifferenza, ibbażati fuq il-liġi tal-prepotenza u mhux fuq is-saħħa tal-liġi.

- Il-libertà hija dritt ta’ kull persuna: kulħadd igawdi l-libertà ta’ twemminu, tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-azzjoni.  Il-pluraliżmu u d-diversità tar-reliġjon, kulur, sess, razza u lingwa huma rieda sapjenti tal-volontà divina, li biha Alla ħalaq lill-bnedmin kollha biex ikunu differenti minn xulxin.  Għalhekk nikkundannaw il-fatt li n-nies ikunu mġegħela jħaddnu ċertu reliġjon jew ċerta kultura, kif ukoll li jkun impost stil ta’ ħajja li mhux aċċettat mill-oħrajn.

- Il-ġustizzja mibnija fuq il-ħniena hi t-triq li għandna nterrqu biex naslu għal ħajja dinjituża li għandha dritt għaliha kull persuna umana.

- Id-djalogu, il-fehim, it-tixrid tal-kultura tat-tolleranza, tal-aċċettazzjoni tal-ieħor u tal-konvivenza bejn il-ħlejjaq umani jagħtu kontribut kbir biex jitnaqqsu l-problemi ekonomiċi, soċjali, politiċi u ambjentali li qed jassedjaw lill-biċċa l-kbira tal-ġeneru uman.

- Id-djalogu bejn min jemmen ifisser li jiltaqgħu fl-ispazju enormi tal-valuri spiritwali, umani u soċjali komuni, u l-investiment ta’ dawn fil-firxa tal-aktar valuri morali għolja, imħeġġin mir-reliġjonijiet; ifisser ukoll li nevitaw diskussjonijiet inutli.

- Il-protezzjoni tal-imkejjen tal-kult – tempji, knejjes u moskej – hu dmir garantit mir-reliġjonijiet, mill-valuri umani, mil-liġijiet u mill-konvenzjonijiet internazzjonali.  Kull attentat li jattakka l-imkejjen tal-kult jew li jheddidhom permezz ta’ attentati, splużjonijiet jew tiġrif huwa devjazzjoni mit-tgħalim tar-reliġjonijiet kif ukoll vjolazzjoni ċara tad-dritt internazjonali.

- it-terroriżmu mistmell li jhedded is-sigurta tal-persuni, kemm fl-Orjent kif ukoll fil-Punent, kemm fit-Tramunatana kif ukoll fin-Nofsinhar, li joħloq paniku, terrur u pessimiżmu mhux ġej mir-reliġjon – anki jekk it-terroristi jistrumentaliżżawha – iżda hu ħtija tal-interpretazzjonijiet żbaljati mislutin mit-testi reliġjużi, tal-politika tal-ġuħ, tal-faqar, tal-inġustizzja, tal-oppressjoni, tal-arroganza; għaldaqstant hu meħtieġ li jieqaf is-sapport lill-movimenti terroristiċi permezz tal-flus, tal-armi, tal-pjanijiet jew tal-ġustifikazzjoni u wkoll bl-importanza fil-medja, u dan kollu jitqies bħala krimini internazzjonali li jhedded is-sigurtà u l-paċi tad-dinja.  Jeħtieġ li dan it-terroriżmu jkun ikkundannat fil-forom u l-manisfestazzjonijiet tiegħu kollha.

- Il-kunċett taċ-ċittadinanza jitwaqqaf fuq l-ugwaljanza tad-drittijiet u tad-dmirijiet li għad-dell tagħhom kulħadd igawdi l-ġustizzja.  Għalhekk hu meħtieġ impenn biex fis-soċjetajiet tagħna nistabbilixxu l-kunċett taċ-ċittadinanza sħiħa u niċħdu l-użu diskriminatorju tal-kelma minoranzi, li fiha ż-żerriegħa li dak li jkun iħossu iżolat u inferjuri; dan jiftaħ it-triq għal-ostilità u għan-nuqqas ta’ ftehim u jiddiskrimina għax lil xi ċittadini jisirqilhom il-kisbiet u d-drittijiet reliġjużi u ċivili.

Ir-relazzjoni bejn l-Orjent u l-Punent hi ħtieġa indiskutibbli, li la tista’ tinbidel u lanqas tkun injorata, sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jistgħanu minn xulxin biċ-ċiviltà ta’ xulxin permezz ta’ skambju u djalogu bejn il-kulturi.  Fiċ-ċivilità tal-Orjent, il-Punent jista’ jsib ir-rimedji għal xi mard spiritwali u reliġjuż tiegħu ħtija tad-dominazzjoni tal-materjaliżmu.  U l-Orjent jista’ jsib fiċ-ċiviltà tal-Punent bosta elementi li jgħinuh jinħeles mid-dgħufija, mill-firda, mill-kunflitt u mit-taħsir xjentifiku, tekniku u kulturali.  Importanti li tingħata attenzjoni lid-differenzi reliġjużi, kulturali u storiċi li jiffurmaw parti essenzjali mill-formazzjoni  tal-personalità, tal-kultura u taċ-ċiviltà orjentali; u huwa importanti li jissaħħu d-drittijiet umani ġenerali u komuni,  bħala kontribuzzjoni biex tkun garantita ħajja dinjituża għall-bnedmin kollha tal-Orjent u tal-Oċċident, billi jkun evitat l-użu tal-politika taż-żewġ miżuri.

- Hi ħtieġa indispensabbli li jingħata għarfien lid-dritt tal-mara għall-istruzzjoni, għax-xogħol, għat-tħaddin tad-drittijiet politiċi tagħha.  Minbarra dan jeħtieġ issir ħidma biex hi tinħeles mill-pressjonijiet storiċi u soċjali li jmorru kontra l-prinċipji tal-fidi u tad-dinjità tagħha.  Hemm ukoll ħtieġa li tkun imħarsa mill-isfruttament sesswali jew li tkun ittrattata bħala merkanzija jew mezz ta’ pjaċir jew qligħ ekonomiku.  Għaldaqstant hemm bżonn jitwaqqfu l-attivitajiet diżumani u l-użanzi volgari li jumiljaw id-dinjità tal-mara u ssir ħidma biex jinbidlu l-liġijiet li ma jħallux lin-nisa jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ.

- Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tat-tfal li jikbru f’ambjent ta’ familja, ikollhom l-ikel, l-edukzzjoni u l-għajnuna hu dmir tal-familja u tas-soċjetà.  Dawn id-drittijiet għandhom ikunu garantiti u mħarsa, sabiex la jonqosu u lanqas jiċċaħdu lil ebda tifel jew tifla, f’ebda naħa tad-dinja.  Hemm bżonn nikkundannaw kull ħaġa li tipprofana d-dinjità tat-tfal u tad-drittijiet tagħhom.  Hu daqstant ieħor importanti li ngħassu kontra l-perikli li jsibu ma’ wiċċhom – speċjalment fl-ambjent diġitali – u niqsu bħala att kriminali i-traffikar tal-innoċenza tagħhom u kull ma’ jkisser it-tfulija tagħhom.

- Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-anzjani, tad-dgħajfa, tad-diżabbli u ta’ min hu mjassar hi esiġenza reliġjuża u soċjali li għandha tkun garantita u mħarsa permezz ta’ liġijiet riġidi u tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwarhom.

Għal dan il-għan, il-Knisja Kattolika u Al-Azhar, bil-koperazzjoni ta’ bejniethom, iħabbru u jwiegħdu li jwasslu dan id-Dokument lill-Awtoritajiet, lil-Mexxejja influwenti, lill-bnedmin tar-reliġjon tad-dinja kollha, lill-organiżżazzjonijiet reġjonali u internazzjonali kompetenti, lill-organiżżazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-istituzzjonijiet reliġjużi u lil min jinfluwenza l-ħsieb; u li jħabirku biex ixerrdu l-prinċipji ta’ din id-Dikjarazzjoni fuq il-livelli reġjonali u internazzjonali kollha, u bil-ħerqa jitolbuhom biex dan id-Dokument jissarraf f’politika, deċiżjonijiet, testi leġiżlattivi, programmi ta’ studju u materjal ta’ komunikazzjoni.

Al-Azhar u l-Knisja Kattolika jitolbu bil-jedd li dan id-Dokument isir oġġett ta’ riċerka u riflessjoni fl-iskejjel kollha, fl-universitajiet u fl-istituti tal-edukazzjoni u tal-formazzjoni, bl-għan li jkun kontribut sabiex joħlqu ġenerazzjonijiet ġodda bil-ħila li jġibu l-ġid u l-paċi u jiddefendu kullimkien id-dritt tal-maħqurin u ta’min hu l-aħħar.

Bħala konklużjoni nawgraw illi:

din id-Dikjarazzjoni tkun stedina għar-rikonċiljazzjoni u l-fratellanza bejn kull min jemmen, anzi bejn min jemmen u min ma jemminx, u bejn il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba;

tkun appell għal kull kuxjenza ħajja li tirrifjuta l-vjolenza misħuta u l-estremiżmu għami; appell lil min iħobb il-valuri tat-tolleranza u tal-fratellanza li r-reliġjonijiet imexxu ‘l quddiem u jinkoraġġixxu;

tkun xhieda tal-kobor tal-fidi f’Alla li jgħaqqad il-qlub mifrudin u jaħji r-ruħ umana;

tkun simbolu ta’ tgħannieqa bejn l-Orjent u l-Punent, bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u bejn kull min jemmen li Alla ħalaqna biex insiru nafu lil xulxin, biex nikkoperaw u biex ngħixu bħal aħwa li jinħabbu bejniethom;

Dan hu dak li nittamaw u li qed infittxu li nwettqu bl-għan li naslu għall-paċi universali li minnha jgawdu l-bnedmin kollha f’dil-ħajja.

Abu Dhabi, 4 ta’ Frar, 2019

 

Il-Qdusija Tiegħu Il-Papa Franġisku                                 

L-Imam il-Kbir ta’ Al-Ahzar Ahmad Al-Tayyeb     

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber