DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KONFERENZA INTERNAZZJONALI TAL-MEXXEJJA TAT-TIĠDID KARIŻMATIKU KATTOLIKU (CATHOLIC CHARISMATIC RENEWAL INTERNATIONAL SERVICE – CHARIS)

 

Awla Pawlu VI

Is-Sibt 8 ta’ Ġunju 2019

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Lili jogħġobni ħafna l-mod kif f’xi popli jħobbu jsellmu lil xulxin f’dan iż-żmien tal-Għid. Ma jgħidux: “L-għodwa t-tajba” jew “Il-lejla t-tajba”, imma jgħidu: “Ġesù qam mill-mewt”. Ejjew insellmu lil xulxin hekk, flimkien: “Ġesù…” [kollha jwieġbu: “qam mill-mewt”].

 

Iva, Ġesù huwa ħaj! Nirringrazzjakom li dejjem tiftakru li jogħġobni dan il-kant tal-bidu li għadkom kemm kantajtu.

 

F’din is-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin tibda tappa ġdida fil-mixja li nieda t-Tiġdid Kariżmatiku 52 sena ilu. Tiġdid Kariżmatiku li żviluppa fil-Knisja għax riedu Alla u li, biex niġbor fil-qosor x’qal San Pawlu VI, “hu opportunità għall-Knisja” (ara Diskors lill-parteċipanti tat-III Kungress internazzjonali tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku, 19 ta’ Mejju 1975, Pentekoste).

 

Illum, f’isem il-Knisja, irrodd ħajr lill-ICCRS u l-Fraternità Kattolika għall-missjoni li wettqu f’dawn it-tletin sena. Intom, bil-fedeltà tagħkom, fassaltu t-triq u għamiltuha possibbli li CHARIS illum issir realtà. Grazzi!

 

Grazzi wkoll lill-équipe ta’ erba’ persuni li qabbadt jieħdu ħsieb it-twettiq fil-prattika ta’ dan is-servizz ġdid u uniku; u lid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, fil-persuna tal-Kardinal Farrell, li akkumpanjakom.

 

Illum tagħlaq ħaġa u tiftaħ oħra: tiftaħ tappa ġdida ta’ din il-mixja. Tappa mmarkata mill-komunjoni bejn il-membri kollha tal-familja kariżmatika, fejn tidher il-preżenza qawwija tal-Ispirtu s-Santu għall-ġid tal-Knisja kollha; fejn din il-Preżenza tagħmel lil kulħadd indaqs, għax kulħadd u kull wieħed u waħda tnissel fl-istess Spirtu; kbar u żgħar, għonja fis-snin u għadhom jitwieldu, impenjati fuq livell universali jew pjuttost lokali, kollha jsawru dak li hu sħiħ, li hu dejjem iktar importanti mill-parti.

 

Servizz ġdid u uniku ta’ komunjoni

Ejjew nimxu lejn l-għaqda: din hi t-triq tal-Ispirtu.

 

Ġdid. Kif għidtilkom fiċ-Circo Massimo, il-ġdid jista’ jċaqlaq is-sisien. Għall-bidu jkun hemm sensazzjoni ta’ nuqqas ta’ ċertezza minħabba fil-bidliet li l-ġdid jista’ jġib miegħu: xi drabi wieħed jippreferi jibqa’ f’dak li hu tiegħu, u jitbiegħed mill-għaqda. U din hi tentazzjoni tax-xitan: kull darba li xi ħadd iħoss f’qalbu: “Le, li għandi jien ikbar minn dak”, jew “Jien nippreferi l-qadim mill-ġdid”, hemmhekk hemm ix-xitan, għax lili jaqlagħni mill-għaqda. Hi ħaġa umana li wieħed ikollu ċertu biża’ mill-ġdid – dan iva, huwa minnu – imma m’għandux ikun hekk għall-persuni spiritwali: “Jiena se nġedded kollox”, jgħid il-Mulej fil-ktieb tal-Apokalissi (21:5). Alla tagħna hu l-Alla tal-ġdid. Il-ġdid ta’ Alla dejjem huwa barka, għax ħiereġ mill-qalb tiegħu kollha mħabba. Dejjem ħa jkun hemm it-tentazzjoni li ngħidu: “Hekk kif aħna qegħdin sew, kollox sejjer sew, għaliex għandna nibdlu? Inħallu l-affarijiet kif inhuma, għax aħna nafu kif għandna nagħmlu”. Dan il-ħsieb mhuwiex ġej mill-Ispirtu, tal-inqas mhux mill-Ispirtu s-Santu, forsi mill-ispirtu tad-dinja… La taqgħux f’dan l-iżball. “Jiena se nġedded kollox”, jgħid il-Mulej.

 

Ġdid u Uniku. Servizz għar-realtajiet kariżmatiċi kollha li l-Ispirtu qanqal fid-dinja. Mhux xi organizzazzjoni li taqdi ċerti realtajiet jew organizzazzjoni oħra li taqdi realtajiet oħra, jew oħra…, u nibqgħu sejrin. Le: hi unika.

 

Servizz. Mhux tmexxija. Xi drabi jiġri li fl-għaqdiet tal-bnedmin, kemm dawk lajċi u kemm dawk reliġjużi, ikun hemm it-tentazzjoni li nfittxu dejjem xi gwadann personali. Hi l-ambizzjoni li nidhru aħna, li mmexxu, li nġibu l-flus… Dejjem hekk. Hekk tidħol il-korruzzjoni. Le: servizz, dejjem servizz ta’ qadi. Servizz ma jfissirx “indaħħal fil-but” – ix-xitan jidħol mill-bwiet –; servizz ifisser nagħti: nagħti, nagħti lili nnifsi.

 

Komunjoni. Ilkoll b’qalb waħda nduru lejn il-Missier biex nagħtu xhieda tal-għaqda fid-diversità. Diversità ta’ kariżmi li l-Ispirtu qanqal f’dawn it-52 sena. “Intawlu l-ħbula tal-għarix”, kif jgħid Iżaija 54 (ara v. 2), biex taħtu jistgħu joqogħdu l-membri kollha tal-istess familja. Familja fejn hemm biss Missier wieħed li hu Alla, Mulej wieħed li hu Ġesù Kristu, u Spirtu s-Santu wieħed li jagħti l-ħajja. Familja fejn m’hemmx membru iktar importanti mill-ieħor, la minħabba fl-età, la minħabba fl-intelliġenza, u lanqas minħabba fil-ħiliet tiegħu, għax ilkoll huma wlied maħbuba tal-istess Missier. L-eżempju tal-ġisem li jagħtina San Pawl jgħid ħafna f’dan is-sens (ara 1 Kor 12:12-26). Il-ġisem għandu bżonn, membru għandu bżonn tal-ieħor. Ilkoll flimkien.

 

Jiena rajt li fis-Servizz Internazzjonali tal-Komunjoni hemm rappreżentanta taż-żgħażagħ. Qiegħda hawn? Nawguralek! Nifraħ ħafna għalik! Iż-żgħażagħ huma l-futur tal-Knisja, hu minnu, imma huma wkoll il-preżent: huma preżent u futur fil-Knisja. Kuntent li tajtuhom il-viżibbiltà u t-tħaddim tar-responsabbiltà li hi tagħhom, li kapaċi jaraw il-preżent b’għajnejn oħra u magħkom iħarsu lejn il-futur.

 

Sirt naf ukoll li l-CHARIS illum għandha f’idejha l-jeddijiet tal-pubblikazzjoni tad-Dokumenti ta’ Malines. Il-President tani l-verżjoni Spanjola, grazzi! Ħaġa tajba. Xerrduhom! Għidtilkom f’bosta okkażjonijiet li dawn huma d-“dokument ta’ akkumpanjament”, il-boxxla tal-kurrent tal-grazzja.

 

Tlabtuni ngħidilkom x’jistennew il-Papa u l-Knisja minn dan is-servizz ġdid, mill-Charis u mit-Tiġdid Kariżmatiku kollu. Biex niċċajta ngħid: x’jistenna l-Papa mill-“ispiritisti” [jidħku]. X’jistenna minnkom il-Papa:

- Li dan il-moviment jaqsam il-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu ma’ kulħadd fil-Knisja. Hi l-grazzja li intom irċivejtu. Aqsmuha! Iżżommuhiex għalikom!

- Ħa jservi għall-għaqda tal-ġisem ta’ Kristu li hi l-Knisja, komunità ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu. Dan hu importanti ħafna għax l-Ispirtu s-Santu hu Dak li jġib l-għaqda fil-Knisja, imma anki dak li jġib id-diversità. Interessanti l-personalità tal-Ispirtu s-Santu: hu jagħmel id-diversità l-aktar kbira permezz tal-kariżmi, imma mbagħad jagħmel li dawn il-kariżmi, f’armonija, jerġgħu jingħaqdu flimkien. Għax, kif jgħid San Bażilju, “l-Ispirtu s-Santu hu l-armonija”, li jagħti l-armonija, fit-Trinità, u anki bejnietna.

- U ħa jservi lill-foqra, lil dawk li l-aktar għandhom bżonn ta’ kull ħtieġa, fiżika u spiritwali. Dan ma jfissirx li, kif jista’ jaħseb xi ħadd, issa t-Tiġdid ħa jsir komunista. Le, ħa jsir evanġeliku, dan insibuh fil-Vanġelu.

 

Dawn it-tliet affarijiet: Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu, għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu u qadi lill-foqra, huma x-xhieda meħtieġa għall-evanġelizzazzjoni fid-dinja, li għaliha lkoll kemm aħna msejħin mill-Magħmudija tagħna. Evanġelizzazzjoni li mhijiex proselitiżmu imma prinċipalment xhieda. Xhieda ta’ mħabba: “araw kemm jinħabbu bejniethom”, dan kien li ġibed l-attenzjoni ta’ dawk li kienu jiltaqgħu mal-ewwel Insara. “Araw kemm jinħabbu bejniethom”. Xi drabi, f’ħafna komunitajiet, jafu jgħidu: “Ara kemm jitkellmu ħażin fuq xulxin!”, u dan mhuwiex ġej mill-Ispirtu s-Santu. “Araw kemm jinħabbu bejniethom”. Li tevanġelizza jfisser tħobb. Taqsam l-imħabba ta’ Alla għal kull bniedem. Jistgħu jsiru organizzazzjonijiet biex jevanġelizzaw, jistgħu jsiru programmi maħsuba u studjati bir-reqqa, imma jekk m’hemmx imħabba, jekk m’hemmx il-komunità, ma jkun jiswa għal xejn! “Araw kemm jinħabbu bejniethom”. Din hi l-komunità: fit-Tieni Ittra ta’ Ġwanni hemm twissija, twiddiba, fil-vers 9. Jgħid: “Jekk xi ħadd jaqbeż ’il barra mill-komunità, dan m’għandux fih l-ispirtu t-tajjeb”. Jaf ikun hawn min tiġih it-tentazzjoni: “Le, ejja nagħmlu organizzazzjoni hekk, hekk…; nagħmlu din il-binja hekk, jew dik il-ħaġa l-oħra…”. L-ewwel l-imħabba. Bl-ideoloġija, bil-metodoloġija biss, inkunu naqbżu ’l barra, immorru lil hemm mill-komunitajiet, u Ġwanni qal: “Dan hu l-ispirtu tad-dinja, mhuwiex l-Ispirtu ta’ Alla”. “Araw kemm jinħabbu bejniethom”.

 

Tiġdid kariżmatiku, kurrent ta’ grazzji tal-Ispirtu s-Santu, kunu xhieda ta’ din l-imħabba! U, jekk jogħġobkom, itolbu għalija.

 

Issa, nixtieq nantiċipa b’25 minuta – imbagħad, jekk tridu, agħmluh intom – imma jien nixtieq nagħmlu magħkom: se nantiċipa b’25 minuta l-att li llum qed isir fil-Knisja kollha, minuta ta’ silenzju għall-paċi. Għaliex? Għax illum hi t-tifkira, il-ħames anniversarju, mil-laqgħa li saret hawn fil-Vatikan bejn il-Presidenti tal-Istat tal-Palestina u tal-Istat ta’ Iżrael. Tlabna flimkien għall-paċi, u fid-dinja kollha llum fis-1.00pm se tinżamm minuta ta’ silenzju. Se nagħmluha issa, qabel il-Barka, ilkoll flimkien, bilwieqfa.

 

Grazzi, għax li komunità tat-Tiġdid kapaċi toqgħod fis-silenzju, din kważi ħaġa erojka! [jidħku] Grazzi!

 

Issa nagħtikom il-Barka tiegħi.

 

[Barka]

 

Kristu qam mill-mewt!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard