ŻJARA RAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FL-INĦAWI LI SOFREW IT-TERREMOT FID-DJOĊESIJIET TA’
IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Camerino
Il-Ħadd,
16
ta’ Ġunju,
2019
Ilbieraħ f’Pozzomaggiore, f’Sardinja, ġiet dikjarata Beata, Edvige Carboni, mara sempliċi popolana, li fl-umiltà tal-ħajja ta’ kuljum ħaddnet is-Salib u kienet xhud tal-fidi u tal-karità. Irroddu ħajr għal din id-dixxiplu ta’ Kristu, li qattgħet ħajjitha kollha sservi lil Alla u lill-proxxmu. Applaws lil dil-Beata l-ġdida, kulħadd!
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji li l-Ġnus Magħquda jiddedika partikolarment lir-rifuġjati, ejjew niftakru fihom. Din ir-rikorrenza hi stedina għas-solidarjetà min-naħa ta’ kulħadd, mal-irġiel, in-nisa u t-tfal li jaħarbu mill-gwerer, persekuzzjonijiet u vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-komunitajiet ekkleżjali u ċivili tagħna għandhom ikunu qribhom u jagħtu kas tal-ħtiġijiet u t-tbatijiet tagħhom.
Minbarra dan qed insegwi bi tħassib it-tensjonijiet li qed ikebbsu sew fil-Golf Persiku. Nistieden lil kulħadd biex juża l-istrumenti tad-diplomazija ħalli jissolvew il-problemi kumplessi fil-Lvant Nofsani. Inġedded l-appell minn qiegħ qalbi lill-komunità internazzjonali sabiex timpenja ruħha b’kull sforz possibbli biex jiffavorixxu d-djalogu u l-paċi.
Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, insellem minn qalbi lilkom ilkoll hawn preżenti. Nagħti wkoll tislima ta’ mħabba lill-morda, lill-anzjani u lill-ħabsin, u lil kull min hu magħqud magħna spiritwalment permezz tar-radju u t-televixin. Irrodd ħajr kbir lil kull min – istituzzjonijiet, assoċjazzjonijiet u persuni singoli – ħadem għal diż-żjara qasira tiegħi billi kkollabora b’ġenerożità mal-Arċidjoċesi ta’ Camerino-San Severino Marche. Nixtieq nibgħat tislima speċjali u nagħmel kuraġġ lill-abitanti ta’ San Severino Marche li se nsellmilhom mill-għoli jien u għaddej bil-ħelikopter minn fuq belthom.
Għeżież ħuti, jalla timxu f’għaqda u bil-ferħ fil-ħajja tal-fidi, tat-tama u tal-karità, b’fedeltà lejn l-għadd kbir ta’ testimonjanzi ta’ qdusija li bihom hi għanja artkom. Qed naħseb fost l-oħrajn f’San Venenzio, San Severino, Sant’Ansovino, San Nicola da Tolentino, San Pacifico u fil-Beata Battista Varano. Qed niftakar ukoll fil-bosta figuri “tal-qaddisin tal-bieb ta’ ħdejna” li mhumiex beatifikati jew kanoniżżati, imma li ssapportjaw - u għadhom jissapportjaw – u bidlu l-familji u l-komunitajiet bil-qawwa tal-ħajja nisranja tagħhom.
U issa nirreċitaw flimkien it-talba tal-Angelus. Nirrikkmanda lill-komunità djoċesana kollha kemm hi lill-Verġni Mbierka li intom tqimu fis-Santwarji u li dduru lejha taħt it-titlu ta’ Santa Maria in Via. Hi, li bil-preżenza materna tagħha kienet ir-ruħ tal-ewwel komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù, jalla tgħin ukoll lill-Knisja tal-lum biex tkun tkun xhieda tajba tal-Evanġelju.
L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija.......
Miġjub mit-Tasljan għall-Malti minn Joe Huber