Ma rridx inżid wisq kliem. F’dan il-lejl irid jifdal biss kelma waħda, li hija s-Salib nnifsu. Is-Salib ta’ Ġesù hija l-kelma li biha Alla wieġeb għal ħażen fid-dinja.  Kultant jidher li Alla ma jweġibx għall-ħażin, li jibqa’ sieket.  Fil-realtà,  Alla tkellem, wieġeb; u t-tweġiba tiegħu hija s-Salib ta’ Kristu; kelma li hija mħabba, ħniena, maħfra.  Hija wkoll ġudizzju.  Alla jiġġudikana billi jħobbna.  Niftakruha din. Alla jiġġudikana billi jħobbna.  Jekk nilqa’ l-imħabba tiegħu, jiena salv.  Jekk nirrifjutha, jiena kkundannat.  Mhux minnu, imma minni nnifsi.  Għaliex Alla ma jikkundannax.  Huwa jħobb u jsalva biss.

Għeżież Ħuti, il-kelma tas-Salib hija wkoll it-tweġiba tal-insara għal-ħażin li jkompli jaħdem fina u madwarna.  L-insara jridu jwieġbu għall-ħażin bit-tajjeb billi jieħdu fuqhom is-Salib, bħal Ġesù.  Illejla smajna x-xhieda ta’ ħutna tal-Libanu. Huwa huma li lestew dawn il-meditazzjonijiet u talbiet sbieħ. Nroddulhom ħajr mill-qalb għal dan is-servizz u fuq kollox għax xhieda li jagħtuna.  Rajnihom meta l-Papa Benedittu mar il-Libanu: rajna l-ġmiel u l-qawwa tal-komunjoni tal-insara f’dik l-art u tal-ħbiberija ta’ tant aħwa Musulmani u ta’ ħafna oħrajn.  Kien sinjal għal-Lvant Nofsani u għad-dinja kollha: sinjal ta’ tama.

Allura ħa nkomplu din il-Via Crucis fil-ħajja ta’ kuljum.  Nimxu flimkien fit-triq tas-Salib, nimxu waqt li nġorru f’qalbna din il-kelma ta’ mħabba u ta’ maħfra. Nimxu waqt li nistennew il-Qawmien ta’ Ġesù, li tant iħobbna.  Huwa kollu mħabba.