Nibdew din il-mixja flimkien, l-Isqof u l-poplu

Habemus Papam

It-Tħabbira tal-Elezzjoni tal-Papa Franġisku

u l-Ewwel Diskors Tiegħu mill-Gallarija ta’ San Pietru

L-Erbgħa, 13 ta’ Marzu 2013

Ħuti, il-lejla t-tajba.

Intom tafu li d-dmir tal-konklav kien dak li jagħti Isqof lil Ruma.  Jidher li ħuti l-Kardinali marru jfittxuh kważi f’tarf id-dinja.  Imma issa qegħdin hawn.  Nirringrazzjakom tal-merħba tagħkom.  Il-komunità djoċesana ta’ Ruma għandha l-Isqof tagħha. Grazzi.

U qabel xejn, qabel xejn, nixtieq nagħmel talba għall-Isqof Emeritu tagħna, Benedittu XVI.   Nitolbu għalih ilkoll flimkien biex il-Mulej ibierku u l-Madonna tħarsu.

Missierna li inti fis-smewwiet …  Sliema għalik, Marija …  Glorja lill-Missier …

U issa nibdew din il-mixja, l-Isqof u l-poplu, Isqof u poplu; din il-mixja tal-Knisja ta’ Ruma, li hija dik li tippresiedi bl-imħabba lill-Knejjes kollha.  Hija mixja ta’ aħwa, ta’ mħabba u ta’ fiduċja bejnietna.  Nitolbu dejjem għal xulxin, wieħed għall-ieħor. Nitolbu għad-dinja kollha biex ikun hemm fratellanza kbira.  Nawguralkom li din il-mixja ta’ Knisja li qed nibdew illum u li fiha qed jgħinni il-Kardinal Vigarju, li qiegħed hawn preżenti, tħalli l-frott għall-evanġelizzazzjoni ta’ din il-Belt sabiħa.

U issa nixtieq nagħti l-benedizzjoni, imma qabel, qabel nitlobkom pjaċir.  Qabel ma l-Isqof ibierek lill-poplu, nitlobkom biex intom titolbu lill-Mulej jberikni, it-talba tal-poplu li jitlob il-benedizzjoni għall-Isqof tiegħu.  Nagħmlu fis-silenzju din it-talba tagħkom fuqi.

Hawn il-Papa Franġisku baxxa rasu għall-ftit mumenti waqt li l-folla miġbura fi Pjazza San Pietru tablet għalih fis-skiet. 

U issa nagħti l-benedizzjoni lilkom u lid-dinja; lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

Imbagħad il-Papa ta l-benedizzjoni ,Urbi et Orbi lill-Belt ta’ Ruma u lid-Dinja.  Wara li ndaqq l-Innu Nazzjonali Taljan u l-Innu Pontifiċju, il-Papa Franġisku reġa talab il-mikrofnu u temm  jgħid …

Ħuti, inħallikom.  Grazzi ħafna tal-merħba tagħkom.  Itolbu għalija u niltaqgħu ma ndumux.  Għada rrid immur nitlob lill-Madonna biex tħares lil Ruma kollha.  Il-lejl u l-mistrieħ it-tajjeb.